ĊELEBRAZZJONI TAL-BIDU TAR-RANDAN

IR-RANDAN JGĦINNA NIBNU INTENZJONI RETTA FID-DAWL TAL-KELMA TA’ ALLA

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Ċelebrazzjoni ta’ Ras ir-Randan
Knisja Katidrali – L-Erbgħa 9 ta’ Marzu 2011

L-intenzjoni retta

Waħda mill-isfidi li nħabbtu wiċċna magħhom matul ir-Randan hija dwar kemm qed ngħixu ħajja Nisranija awtentika. Aħna għal wiċċ min qegħdin ngħixu: biex inkunu mogħġuba quddiem Alla jew biex nintgħoġbu mill-bnedmin? Quddiem min irridu nidhru sbieħ: quddiem id-dinja jew quddiem Alla? Ħafna drabi, meta nitkellmu jew naġixxu inkunu ttentanti li aktar nagħtu attenzjoni dwar kif ser jinterpretawna jew jiġġudikawna n-nies milli li nimxu skont is-sewwa u l-ġustizzja! Sfortunatament biex nidhru sbieħ quddiem in-nies, ġie li nagħżlu li ma nkunux sbieħ quddiem Alla!

Għalhekk huwa importanti li f’dak li nagħmlu jew ngħidu jkollna l-“intenzjoni retta”, fis-sens li wieħed għandu jagħmel azzjoni bla interessi ta’ xejn u għall-imħabba ta’ Alla. Din hija t-twissija li jagħmlilna Ġesù fl-Evanġelju tal-lum, meta jgħidilna biex l-għemil tagħna ma nagħmluhx għal wiċċ in-nies biex nagħmlu wirja quddiemhom; li meta nagħmlu karità ma għandniex indoqqu t-trombi; li mhux sew li nitolbu jew insumu biex nidhru quddiem in-nies (ara Mt 6:1-6.16-18). Billi l-intenzjoni retta ħafna drabi tkun nieqsa, id-diskors u l-għażliet tagħna dwar aspetti varji tal-ħajja tagħna privata u soċjali, bħalma huwa fil-kas taż-żwieġ u l-familja, ikunu ’l bogħod mis-sewwa li ġej minn Alla.


It-Tqiegħed tal-irmied

Peress li l-bniedem illum jew tilef il-memorja jew għandu memorja marida, huwa sinifikattiv ħafna r-rit tat-tqiegħed tal-irmied li nagħmlu fil-bidu tar-Randan. Proprju t-talba li tingħad waqt it-traxxix tal-irmied fuq rasna fiha appell biex il-bniedem “jiftakar”: “Ftakar, bniedem, li trab kont u trab trid terġa’ ssir. Indem u emmen fil-Bxara t-Tajba”.

Infatti l-irmied fuq rasna jgħinna nirrikonoxxu l-identità proprja tagħna – li aħna m’aħna xejn! Filli qisna ġolf u filli tieqaf tħabbat il-qalb u f’temp ta’ ftit ġimgħat il-ġisem tagħna jsir trab. Din il-kundizzjoni miżera tagħna għandha tgħinna nżommu riġlejna mal-art u nżommu postna bħala ħlejjaq, u mhux kif ġie li jiġri li rasna tiġri bina u nibdew nilagħbu ta’ Alla! Meta l-bniedem jinsa li hu ftit trab, faċli li jħalli s-suppervja tagħmih – is-suppervja hija għajn ta’ ħafna żbalji!

Sehem fil-qawmien ta’ Kristu

Imma l-Bxara t-Tajba tfakkarna li għalkemm il-bniedem kien trab u trab jerġa’ jsir, huwa kien ippredestinat biex ikun iben Alla, u minħabba din l-għażla li Alla għamel favur il-bniedem, minn bniedem li jmut u jintemm, il-mewt ma kellhiex taħkem fuqu. Imma minħabba d-dnub, il-mewt daħlet fid-dinja u fniet lill-bniedem, għax dak it-trab li fuqu nefaħ Alla biex jgħix għal dejjem reġa’ sar trab li jintemm. Kien bil-mewt u l-qawmien ta’ Kristu li dan il-ġisem tagħna li jmut jista’ jieħu sehem mir-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt. Għan-Nisrani dan il-proċess ta’ bidla jibda fil-ġrajja tal-magħmudija, fejn min jitgħammed imut għad-dnub u jibda jgħix ħajja skont il-grazzja t’Alla. Kif jikteb il-Papa Benedittu fil-messaġġ għal dan ir-Randan, “il-ħajja ta’ dejjem ġiet mogħtija lilna fil-jum tal-magħmudija tagħna: dakinhar li sirna sħab fil-mewt u l-qawmien ta’ Kristu, inbdiet fina l-avventura kollha ferħ u eżultanza tad-dixxiplu”.

Il-Kelma ta’ Alla

Imbagħad il-liturġija tal-Knisja għal matul dawn il-ġimgħat tar-Randan, partikularment l-għażla tal-qari mill-Kotba Mqaddsa, kontinwament tfakkarna x’għamel Alla matul iż-żmien mal-poplu l-magħżul – ibda mill-ħolqien, l-għażla ta’ Abraham, il-patt ma’ Mosè, il-ħelsien mill-jasar tal-Eġittu, it-trawwim permezz tal-profeti, sakemm fil-milja taż-żmien Alla bagħat lil Ibnu biex bil-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu jifdina. Kif għal-Lhud kienet prassi indikata mill-Iskrittura biex minn ġenerazzjoni għal oħra jirrakkontaw l-għeġubijiet li għamel magħhom il-Mulej ħalli hekk ma jinsewx, anke aħna neħtieġu dan l-eżerċizzju biex il-memorja tagħna tgħinna nżommu quddiem għajnejna x’għamel Alla f’imħabbtu għalina. Għalhekk, ir-Randan huwa żmien propizju biex naqbdu f’idejna l-Kelma t’Alla, naqrawha u fl-istess waqt infittxu dawk l-okkażjonijiet fejn, permezz tal-predikazzjoni kwareżimali, nixtarru aktar it-tjubija t’Alla.

Għalhekk nitħeġġu lkoll biex napprofittaw minn dan iż-żmien qaddis tar-Randan – li xi wħud isejħulu “żmien sagramentali”, għax huwa żmien li jista’ jfawwarna bil-grazzja – biex, filwaqt li “niftakru” dan kollu, kull meta niġu biex nieħdu pożizzjoni bi kliemna jew b’għemilna ma nħarsu lejn wiċċ ħadd ħlief lejn Alla li lilu rridu nagħtu kont ta’ ħajjitna.

Nirrakkomanda li r-rit tat-tqiegħed tal-irmied niċċelebrawh bil-kalma u d-devozzjoni li jixirqulu għax tant huwa talba b’tifsira profonda li kapaċi timmarka l-mixja tagħna għal matul dan ir-Randan.