Archive for February 16th, 2011

L-Isqof Grech dwar il-Nawfraġju ta’ San Pawl

SAN PAWL U Z-ZKUK NIEXFA

Fl-omelja li għamel nhar l-10 ta’ Frar fil-parroċċa tal-Munxar, fl-okkażjoni tas-solennità tan-Nawfraġju ta’ San Pawl, l-Isqof Mario Grech wassal dan il-messaġġ:

Meta Pawlu qabad iz-zkuk niexfa u tefagħhom fin-nar, huwa għamel ġest profetiku li jiswa għalina għax illum ukoll ħafna huma bħal dielja li fiha zkuk li ma jagħtux frott. Kulma jmur is-soċjetà tagħna qed tinxef minn ċerti valuri umani, bħalma huma r-rispett lejn il-ħajja, l-imħabba għall-familja, il-fedeltà fiż-żwieġ, is-sens ta’ ġustizzja, eċċ.

Anke l-Knisja f’pajjiżna għandha r-riskju li fi kliem il-profeta Eżekjel issir bħal “dielja niexfa” (Eżek 15). Il-komunità Nisranija taf issir “ħatab għall-ħruq” meta timla rasha bi ġmielha u tibdel lil Alla ma’ idoli oħrajn. Ħafna jiddependi mill-mudell ta’ Knisja li għandna għal qalbna: jekk hijiex Knisja mhedija fit-“tiżjin” estern u t-tradizzjonijiet jew Knisja mogħtija għall-evanġelizzazzjoni biex Kristu jerġa’ jkun iċ-ċentru tal-ħajja tal-bniedem.

F’dan il-kuntest, għalhekk, wieħed jistaqsi jekk kieku Pawlu jasal fostna llum, jerġax jaqbad “iz-zkuk niexfa” u jitfagħhom fin-nar! Dan in-nar mhux dejjem huwa qawwa qerrieda, imma huwa wkoll nar li jsaffi u jagħti l-enerġija. Fil-ħajja tal-komunità Nisranija dan in-nar pożittiv jiġi mill-Kelma li bħal “ġamra taħraq nar” tnaddaf ix-xufftejn u tgħallimna nitkellmu s-sewwa kollu, u mill-Ispirtu s-Santu li bħal nar mis-sema mhux biss iqabbad lil min hu dgħajjef imma kapaċi jagħti l-ħajja anke liz-zkuk mejta.

Meta wasal fostna, Pawlu ħallilna ħażna tajba minn dan in-nar.

Ktieb dwar l-Isqof Emeritu Nikol Cauchi

TNEDIJA TA’ KTIEB DWAR L-ISQOF EMERITU NIKOL Ġ CAUCHI

Waqt laqgħa għall-qraba tas-saċerdoti, li saret fis-Seminarju tad-Djoċesi nhar il-Ħadd 13 ta’ Frar, Mons Isqof Mario Grech ħabbar li fit-3 ta’ Marzu ser jiġi mniedi ktieb ġdid tal-Isqof Nikol Ġ Cauchi. Dan il-ktieb jinkludi artikli soċjo-reliġjużi u ritratti dwar il-ħajja tal-Isqof Cauchi. Id-Djoċesi ta’ Għawdex flimkien mal-”Fondazzjoni Isqof Nikol Cauchi” qed tieħu din l-inizjattiva għax temmen li l-kelma ta’ dan l-għalliem għadha ħajja. Din il-preżentazzjoni qed issir fl-okkażjoni ta’ jum it-twelid tal-Isqof Cauchi, li jitfakkar fit-2 ta’ Marzu. Programm dettaljat dwar it-tnedija tal-ktieb jitħabbar aktar ’il quddiem.