Meta llejla [is-Sibt 22 ta’ Jannar 2011] indirizza l-laqgħa ġenerali li saret fl-iskola Santa Monika, Msida u li għaliha attendew koppji membri tal-Grufan fi ħdan il-Moviment ta’ Kana, l-Isqof Mario Grech tkellem dwar l-ispiritwalità tal-persuni separati.
Għalkemm min-natura tiegħu kull żwieġ huwa dejjiemi, l-esperjenza tixhed li hawn żwiġijiet li tħarbtu u l-miżżewġin kellhom jisseparaw. Ħafna drabi persuni separati jgħaddu minn esperjenza trawmatika mhux biss għax ifalli l-ikbar proġett ta’ ħajjithom, imma wkoll għax iġarrbu sens ta’ abbandun soċjali u spiritwali. Sfortunatament hemm nies separati li jaħsbu li huma minsijin minn Alla u mill-komunita ekkleżjali.
Ikun żball jekk fil-Knisja dawn il-persuni jkunu ttraskurati jew esklużi. Il-preżenza tagħhom titlob azzjoni pastorali ġdida u urġenti. Min ipoggi lil dawn il-persuni fil-periferija tal-ħajja tal-komunità ekleżjali, ikun qed jirriskja bil-kbir id-dehra tal-Knisja li rċeviet il-mandat li tkun bxara tajba anke quddiem realtà komplessa bħal din.
Jekk wieħed iħares lejn dawn il-persuni, separati jew li huma fit-tieni relazzjoni, mill-lenti etika biss, din tkun viżjoni dejqa ħafna. Għax barra l-aspett morali, dawn is-sitwazzjonijiet għandhom ukoll id-dimensjoni umana u dik spiritwali.
Minkejja kollox, hemm bżonn nemmnu li dawn il-persuni jistgħu jimxu ’l quddiem fil-maturità tal-fidi u ekkleżjali. Il-qofol tal-ispiritwalita Nisranija huwa Kristu u l-laqgħa personali miegħu ma sseħħx biss fiċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti, imma wkoll meta l-bniedem jiftaħ qalbu għall-Kelma t’Alla mxandra fil-komunità. Għalhekk il-proposta ta’ mixja ta’ fidi għal dawn il-persuni tirrikonoxxi l-primat tal-Kelma li tgħin lill-bniedem jidħol fi djalogu kemm ma’ Alla li hu mħabba żgura, kif ukoll mal-komunità ekkleżjali.
0 Responses to “ĦTIEĠA TA’ AZZJONI PASTORALI MAS-SEPARATI”