IL-KONĊILJU VATIKAN II JISPIRA L-ĦIDMA PASTORALI TAL-KNISJA LOKALI LLUM
Laqgħa tal-Awguri tas-Sena Ġdida
Diskors ta’ Mons Isqof Mario Grech lis-Saċerdoti
Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù, Rabat, Għawdex – Is-Sibt 8 ta’ Jannar 2011

Il-Knisja lokali fid-dinja tal-lum

Madwarna ninnutaw ċerti ġrajjiet li kontinwament qed jinterrogawna dwar x’sens fiha l-ħajja!

Il-fenomenu tad-droga, mifrux sewwa fost iż-żgħażagħ fil-gżira tagħna, jixhed li l-ġenerazzjoni żagħżugħa għandha vojt eżistenzjali u r-rikors għad-droga huwa tentattiv biex dawn isibu tweġiba. L-akkaniment għax-xogħol, anke b’detriment għall-kwalità tar-relazzjonijiet familjari, barra li f’xi każi jista’ jkun konsegwenza tal-isforz li wieħed ikollu jagħmel biex ikun jista’ jaffronta l-piżijiet ekonomiċi li qed toħloq soċjetà li kull ma jmur donna qed titlef ir- “ruħ soċjali” tagħha, f’xi kazi huwa wkoll sintomu ta’ soċjetà li aktar hija ffukata fuq it-tkattir tal-ġid materjali milli fuq dak li jgħin lill-persuna tistagħna umanament, spiritwalment u kulturalment. Ikun dnub gravi jekk bħala Knisja nitilfu din l-opportunità li qed tagħfas fuqna kemm bħala saċerdoti kif ukoll bħala ċittadini – għax li bħala Kristjani ngħinu lill-bniedem jagħti tifsira lil ħajtu, dan mhux biss ikun kisba spiritwali imma wkoll soċjali.

Qed ngħixu f’ċirkustanzi storiċi u kulturali li jkomlu jgħabbu lill-Knisja bir-responsabilità li b’mod urġenti tittrażmetti l-fidi, fis-sens li takkumpanja lill-bniedem jirrelata ma’ Alla. Għaliex huwa biss f’konfront ma’ Alla li kull maħluq jikseb tifsira. Dan jitlob riflessjoni serja kemm dwar is-soċjetà kontemporanja kif ukoll dwar il-Knisja.

Komunità Nisranija fi ħtieġa ta’ tiġdid

Huwa fatt li l-bniedem modern jidhirlu li bir-raġuni biss jista’ jasal biex jiffissa l-valuri u t-tifsira tal-ħajja. In-nies tagħna qed issir aktar konvinta li bil-ħila tiegħu biss, mingħajr ebda forċina reliġjuża, il-bniedem kapaċi jiddeċiedi x’inhu possibbli li jsir u dak li mhux possibbli. Konsegwenza ta’ dan, ħafna drabi huwa jsib ruħu jissielet fid-dlam tal-inċertezzi metafiżiċi u etiċi. Eżempju tipiku ta’ dan huwa d-dilemma ta’ dawk il-koppji li m’għandhomx ulied u jixtiequ jirrikorru għas-soluzzjoni li qed toffrilhom ix-xjenza!

Nittama li sal-lum ntbaħna li l-passat reliġjuż tas-soċjetà tagħna ma joffri ebda serħan il-moħħ li l-bniedem tal-lum qed jgħix bil-fidi. Nibża’ li xi wħud minna għadhom jgħixu u jridu jibqgħu jgħixu fi Knisja immaġinarja! Għax apparti li kultant qed joħroġ fid-dieher il-fenomenu ta’ individwi li jistqarru b’wiċċhom minn quddiem li Alla ma jinteressahomx, tajjeb li nieħdu nota tal-fatt li fostna teżisti ċerta irreliġjożità li ġejja minn distakk li hemm bejn “Alla ħaj li jagħti tifsira lill-ħajja” u “Alla li jappartjeni biss lill-ħsieb jew kultura”. Jekk Alla huwa maqtugħ mill-esperjenza, jekk it-twemmin f’Alla jkun biss kategorija intellettwali – u għalhekk ma jkunx jinċidi fuq il-ħajja –, it-twemmin reliġjuż ma jikkwalifikax il-ħajja. Alla jkun assenti mill-ħajja.

Ħafna drabi din il-qasma bejn Alla u l-ħajja sseħħ meta nħawdu l-fidi mas-sens reliġjuż. Huwa fatt li ħafna min-nies tagħna ma jagħżlux bejn it-twemmin u l-fidi, bil-konsegwenza li, għalkemm jista’ jkollhom xi grad ta’ konoxxenza dwar it-twemmin, mhux bilfors ikunu jemmnu. Il-ftuħ tal-bniedem għall-misteru ta’ Alla huwa espressjoni għolja tad-dinjità tiegħu bħala bniedem; imma hemm differenza bejn ir-reliġjożità naturali u l-fidi Nisranija. Ma tistax titkellem minn fidi Nisranija jekk mhux bħala tweġiba għall-ġrajja storika ta’ Ġesù Kristu. Irridu nistaqsu kemm minn fost il-poplu reliġjuż tagħna hemm min kellu din il-laqgħa personali ma’ Kristu; altrimenti tibqa’ l-għażla bejn dawk li jħaddnu twemmin u dawk li jemmnu. Huma dawk li jħaddnu twemmin Nisrani mingħajr qatt ma jagħmlu l-qabża għal fidi personali, li huma esposti għar-riskju li jkollhom sens reliġjuż żvojtat mill-fidi.

Dan it-taħwid bejn reliġjożità u fidi ħafna drabi ġie istigat u mgħejjun mill-fatt li l-essere Kristjan kien ridott għal kategorija waħda: l-aspett etiku! Fl-1970, it-teologu Josef Zverina (1913-1990), f’ittra li kiteb lill-Insara fil-Punent, kien diġà wissa mill-periklu reali li nirriduċu t-tħabbira Kristjana “alla ripetizione stanca di parole e di forme e al richiamo quasi esclussivo di comportamenti morali”. Ikun żball jekk nagħmlu mill-Knisja sempliċement “aġenzija etika”. Il-Papa Ġwanni Pawlu I kien osserva: “il vero dramma della Chiesa, che ama definirsi moderna, è il tentattivo di correggere lo stupore dell’evento di Cristo con delle regole”.

Dan li qed ngħid, għalkemm jirrifletti karatteristiċi tas-soċjetà tagħna, jirrifletti wkoll fuqna bħala Knisja lokali. Għaliex jekk illum qegħdin f’din is-sitwazzjoni fejn ma għadniex naraw li Alla għandu relevanza għall-ħajja ta’ kuljum; fejn għandna qasma bejn twemmin u fidi; u fejn għal ħafna l-Knisja hija biss “aġenzija etika”, dan kollu għandu jimbuttana biex nagħmlu eżami tagħna nfusna u naraw x’tip ta’ Knisja qegħdin nibnu u nipproponu u dwar x’inhuma l-prijoritajiet pastorali tagħna! Nagħmel tiegħi l-mistoqsija li fl-1968 qanqal it-teologu Yves Congar (1904-1995) dwar għaliex il-ħidma pastorali tal-Knisja ma kienx fadlilha aktar “gidma” fuq il-kotra tan-nies, partikularment fuq dawk li huma “solidi” u “dinamiċi”. Congar iwieġeb: “senza dubbio perché gli uomini sono più facilmente carnali che spirituali; ma anche perché noi fedeli portiamo agli uomini le cose di Cristo con delle forme ereditate da un passato glorioso, ma tramontato, con dei gesti ed una formulazione che non sono altro che dei riti incapaci di suscitare la vita” (Vera e falsa riforma nella Chiesa, 27).

Osservazzjoni li jagħmel fis-sittinijiet Congar dwar il-ħajja u l-missjoni tal-Knisja tgħodd xi ftit għalina wkoll biex insibu tweġiba għall-fatt li għandna min jagħmel parti mid-“dinja Kristjana” imma mhux Kristjan; min jgħix fl-ambjent tal-Knisja, imma mhux Knisja!

Bħal Congar, nemmen li fil-Knisja għandna bżonn ta’ ġesti veri li tassew jesprimu dak li suppost ifissru. Infatti Congar jikteb: “Si vuole un altare che sia un altare, non un supporto per dei fiori e delle statue (e dei candelieri); una vigilia di Pasqua o di Pentecoste che sia una vigilia, non un ufficio mattutino sbrigato alla svelta; una messa che sia veramente una lode ed una oblazione d’una comunità riunita dalla fede, e non un rito che vada avanti da solo, segua o non segua la gente. La questione è che, da noi, troppe cose sono diventate dei “riti”, cioè delle “cose” che esistono in se stesse, delle cose bell’e fatte, che si tratta soltanto di utilizzare osservando le condizioni di validità, senza preoccuparsi se sono veramentei i gesti di qualcuno … Ciò che si è detto a proposito dei gesti cultuali, vale anche, con le debite proporzioni, per la dottrina, non considerata in se stessa, ma quale deve essere in noi, e quale deve essere proposta da noi agli altri, perché non rimanga una verità in se, ma divenga una verità che affonda le sue radici vitali nella coscienza degli uomini e nutra questi uomini per la loro vita reale” (ibid., 45-46).

L-attwalità tal-Konċilju Vatikan II

F’dawn iċ-ċirkustanzi, x’inhi l-proposta tagħna biex f’dan il-mument tal-istorja l-Knisja taqdi lill-bniedem?

Ħamsin sena ilu, meta s-soċjetà wkoll kienet għaddejja b’ritmu mgħaġġel minn tibdil kulturali, teknoloġiku, ekonomiku u soċjali, il-Knisja ħasset il-ħtieġa u l-urġenza li tirrifletti u tikkonfronta r-rwol u l-preżenza tagħha fl-istorja. Kien fil-25 ta’ Diċembru 1961 li l-Papa Ġwanni XXIII iffirma l-Kostituzzjoni Apostolika Humanae Salutis li permezz tagħha ħabbar uffiċċjalment il-Konċilju Vatikan II – esperjenza epokali fil-Knisja tas-seklu XX li tat il-possibiltà li ssir riflessjoni wiesgħa li fetħet prospettivi ġodda, partikularment infetħet beraħ tieqa mhux biss fuq id-dinja, imma wkoll fuq il-Knisja. Kien dan il-Konċilju li ta indikazzjonijiet ċari dwar kif għandha tkun il-Knisja biex tkun tista’ takkumpanja lill-umanità u lill-istorja, biex tiddjaloga mad-dinja u ssir profezija vera u b’saħħitha li ġġib is-Saltna ta’ Alla fost il-bnedmin.

Għalhekk, f’din ir-rikorrenza ċinkwantinarja tal-Konċilju Vatikan II, il-proposta li nagħmel lill-Knisja tagħna għal din is-sena u s-snin li ġejjin hija li, filwaqt li tagħmel eżami tal-kuxjenza dwar kif u kemm ġie milqugħ u applikat dan il-Konċilju, terġa’ tieħu f’idejha d-dokumenti konċiljari, tistudjahom u timplimentahom biex hekk tkun tista’ tittrażmetti l-fidi. Diġà il-Papa Ġwanni Pawlu II kien għamel din l-istedina sittax-il sena ilu fejn appella għal “impenn ġdid” biex ikun applikat bil-fedeltà kollha t-tagħlim tal-Konċilju (Tertio millennio adveniente, 20).

Din ir-riflessjoni fuq id-dokumenti tal-Konċilju, b’mod partikulari fuq l-erba’ l-kbar – Dei Verbum, Sacrosanctum Concilium, Lumen Gentium u Gaudium et Spes, li jinkludu espressjonijiet pastorali, spiritwali u teoloġiċi inediti –, tgħinna biex inkomplu l-“aġġornament” tagħna bħala Knisja. Ngħid “inkomplu” għax irrid nirrikonoxxi li diġà sar ħafna fid-djoċesi bl-impenn tal-maħbub predeċessur tiegħi l-Isqof Nikol Cauchi, li ftit ġimgħat ilu akkumpanjanih fil-passaġġ tiegħu minn din il-Knisja għall-Knisja tas-Sema. Kien l-Isqof Cauchi li b’determinazzjoni u intwizzjoni mhux biss ta struttura konċiljari lill-Knisja lokali, imma stinka wkoll biex l-ispirtu tal-Konċilju jkun ir-ruħ li tanima lill-persuni u lill-istrutturi djoċesani u parrokkjali.

Fi kliem teologu espert ieħor tal-Konċilju, id-Dumnikan M.D. Chenu (1895–1990), “aġġornament” ma jfissirx xi tibdil żgħir tal-kliem f’lingwaġġ sterjotipat b’xi żieda ta’ xi xbieha dekorattiva; “invece indica la sostanza permanente ed autentica della fede, un interiore invenzione di concetti, di categorie, di simboli, che siano omogenei alla mentalità, alla cultura, alla lingua, all’estetica degli uomini di oggi. Aggiornamento significa rimodellare la Chiesa, i suoi enunciati e la sua struttura, una Chiesa che nella verità immutabile ricevuta da Cristo, cerca e trova i mezzi per rendere comprensibile e dialogabile queste verità”.

L-impenn tal-Knisja lokali llum

Aħna hemm bżonn inkomlu nibnu fuq dak li diġà nbeda; żgur li mhux il-każ li rridu nibdew mix-xejn. Infatti fil-kamp liturġiku, għandna l-Kummissjoni Liturġika li qed taħdem ħafna fil-formazzjoni tal-lajċi li għandhom ministeri lituriġiċi. Biex nagħti eżempju, saru seminars lituriġiċi kemm fil-bidu tas-sena liturġika, qabel l-Avvent u hemm ippjanat ieħor għal qabel ir-Randan. Ma nistax ma ninnotax li xi drabi l-ħeġġa ta’ dawk il-lajċi li għandhom ministeru liturġiku taħbat tintefa minħabba nuqqas ta’ komprensjoni u koperazzjoni min-naħa tal-presbiteri. Hija x-xewqa ta’ tiġdid liturġiku fiċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti li mbuttatna biex, skont il-Pjan Pastorali għal din is-sena, aħna qed nirriflettu dwar l-Ewkaristija u s-sagrament tal-Penitenza bit-tama li jkollna l-kuraġġ li nieħdu ċerti deċiżjonijiet. Biex nagħti eżempju, insemmi abbuż serju li nappella bis-sħih biex jitwaqqaf: li ċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa tal-Ħadd issir f’inqas minn nofs siegħa! Imbagħad hemm “il-każijiet liturġiċi” li d-Djoċesi ta’ kull sena tipproponi biex jiġu studjati fil-laqgħat ta’ kull xahar tal-presbiteria tagħna.

Fil-kamp tal-katekeżi wkoll għaddejja ħidma programmatika. Konxji mis-siwi tal-katekeżi tat-tfal u konxji wkoll mill-fatt li s-Soċjetà tal-Museum, minħabba li naqsu s-soċji, ma tistax tibqa’ tiggarantixxi li tkompli tieħu ħsieb iċ-ċentri tad-duttrina bl-istess mod kif sar s’issa, kontinwament ninsisti mal-kappillani biex isejħu aktar lajċi biex iwettqu l-ministeru ta’ katekisti. B’sodisfazzjon ngħid li bil-mod qed ikun hemm dan ir-reklutaġġ. Fil-katekeżi tat-tfal xi wħud mill-katekisti qed iħaddmu programm kateketiku ġdid magħruf bħala “Catechesis of the Good Shepherd”, u dan b’sagrifiċċju personali tagħhom. Fir-rigward tal-katekeżi tal-adulti, qed inkomplu nsaħħu l-gruppi li jiltaqgħu biex jiċċelebraw il-Kelma t’Alla. Attenzjoni partikulari din is-sena ngħatat lill-għarajjes: bħalissa għandna 260 koppja għarajjes jattendu mixja ta’ formazzjoni mifruxa fuq sentejn: mixja mmexxija minn koppji miżżewġa stess.

Però, huwa fatt li l-katekeżi tippresupponi l-evanġelizzazzjoni fejn issir l-ewwel proposta tal-fidi, għax l-evanġelizzazzjoni twassal għal-laqgħa ma’ Kristu, u frott din il-laqgħa l-bniedem jagħti l-kunsens ħieles li jidħol fid-dixxipulat. Għalhekk huwa wisq importanti li nagħmlu skrutinju tal-predikazzjoni tagħna li trid tkun mezz/kelma li tlaqqa’ lill-bniedem ma’ Ġesù Kristu. Huwa minnu li s-saċerdot ma jistax jitraskura taħriġ fil-“public speaking”; però ebda taħriġ ma jista’ jieħu post l-imħabba passjonali għall-Kelma! F’din il-linja ta’ ħidma ta’ evanġelizzazzjoni, qed nipproponu li ssir “missjoni żgħira” fil-periferija tal-parroċċi l-kbar. Nittama b’din l-azzjoni pastorali nidħlu fi djalogu ma’ dawk li mhumiex integrati fil-komunità parrokkjali.

Il-Konċilju Vatikan II jitkellem mill-“addattament tal-Kelma rivelata bħala liġi ta’ kull evanġelizzazzjoni” (Gaudium et Spes, 44). Kelma oħra flok “addattament” hija l-“inkulturazzjoni”. Biex l-Evanġelju jdakkar il-kultura, ma nistgħux nibqgħu “barranin” għad-dinja, aljenati mill-grajjiet ta’ madwarna, nippreferu s-sagristija mill-pjazza! Lanqas nistgħu nippretendu li nimponu kultura barokka fuq kultura moderna, għax altrimenti il-proposta tal-fidi ma tasalx. F’dan ir-rigward insemmi żewġ ħidmiet li wettaqna matul is-sena li għaddiet:
(a)    Billi l-iskejjel huma meqjusin bħala mxietel tal-kultura, aħna konvinti li l-Knisja tkun titlef opportunità jekk ma tinvestix fl-iskejjel tagħha, ikkunsidrati bħala aġent importanti fil-kultura Nisranija. Id-deċiżjoni li konna ħadna fir-rigward tal-Konservatorju Skola Sekondarja tal-bniet qed tagħti l-frott u l-livell tal-iskola dejjem jogħla. Issa, billi fuq livell ta’ provinċja ekkleżjastika, dan l-aħħar il-Knisja f’pajjiżna ddeċidiet li tħaddem il-prinċipju tal-kontinwità, nistgħu ngħidu li l-iskejjel tal-Knisja f’Għawdex flimkien jiffurmaw “kulleġġ” wieħed; u biex inkunu nistgħu napplikaw il-prinċipju tal-kontinwintà kellhom u qegħdin isiru aktar investimenti partikularment fi strutturazzjoni. Wieħed jawgura li dan l-investiment jagħti l-frott.
(b)    Il-festi titulari huma wkoll espressjoni kulturali. Bil-għan li nsostnu dawn iċ-ċelebrazzjonijiet u fl-istess ħin biex ngħinu ħalli ma jiddeġenerawx, din is-sena waqqafna “Kummissjoni djoċesna għall-festi esterni” fejn hemm membri minn kull parroċċa.

Is-sejħa għall-qdusija tispira l-azzjoni pastorali tal-Knisja

Il-Papa Piju XI jikteb li “ogni riforma vera e duratura, in ultima analisi ha il suo punto di partenza nella santità, in uomini che erano infiammati e spinti dall’amore di Dio e del prossimo” (Mit brennender sorge, 20 – “Every true and lasting reform has ultimately sprung from the sanctity of men who were driven by the love of God and of men”; ara wkoll Novo millennio ineunte, 30-31). Dan japplika għall-operaturi pastorali kollha, l-aktar għalina l-presbiteri. Azzjoni pastorali tkun effikaċi jekk tkun frott ta’ ħajja mlaqqma fi Kristu. Issa aħna diġà tlaqqamna fi Kristu – is-sagramenti tal-Magħmudija u tal-Ordni Sagri tawna l-karattru; imma din il-grazzja rridu nieħdu ħsiebha għax tinsab fina bħal f’ġarar tal-fuħħar (ara 2 Kor 4,7). Għalhekk, biex niddisponu rwieħna għall-Ispirtu li jrid imexxina fil-ministeru tagħna, xieraq li nitħeġġu fil-ħajja tat-talb, speċjalment meta nitolbu mal-oħrajn u meta niċċelebraw l-Ewkaristija. Jekk lill-Insara nħeġġuhom biex jiċċelebraw is-sagrament tal-penitenza, tajjeb li aħna wkoll niċċelebraw dan is-sagrament, mhux tant bħala ministri imma bħala penitenti. Ikun akwist kbir kieku aħna s-saċerdoti jkollna l-konfessur tagħna li bil-kelma u bl-azzjoni sagramentali jgħinna ngħixu bil-fedeltà l-vokazzjoni saċerdotali.

Napprezza t-talba formali li ressaqtuli bħala Presbiterju Djoċesan biex nipproċedi bil-proċess għall-kanonizzazzjoni ta’ wieħed minn sħabna – Dun Mikiel Attard. Wieħed mill-motivi għaliex nara l-opportunità pastorali ta’ dan il-proċess huwa l-kuraġġ li kull wieħed minna jista’ jagħmel biex fuq l-eżempju ta’ ħajja ordinarja imma spiritwalment u pastoralment intensa li kien jgħix Dun Mikiel, anke aħna ngħixu s-saċerdozju bħala proposta kontinwa ta’ fidi.

Għandi l-pjaċir nikkomunikalkom li dawn il-jiem waslitli konferma li x-xewqa li kont esprimejt sa mill-bidu tal-episkopat tiegħi, jiġifieri li fid-djoċesi jkollna preżenza ta’ komunità kontemplattiva, x’aktarx titwettaq matul din is-sena. Nemmen li l-preżenza ta’ dawn ir-reliġjużi kontemplattivi tkun riżorsa spiritwali għad-djoċesi kollha, partikularment għalina s-saċerdoti li f’din ir-realtà nsibu oasi ta’ mistrieħ spiritwali.

Irrid nittama li l-proposta tal-fidi li qed nipproponi li għandna nagħmlu fuq linji konċiljari ssir b’mod speċjali liż-żgħażagħ, li preżentement huma ftit assenti mill-Knisja. Huwa fatt li wħud minnhom jaħdmu fl-ambjent tal-Knisja imma mhumiex Knisja! Il-ġenerazzjoni żagħżugħa għandha bżonn ta’ aktar spazju u ħin fil-Knisja. Ma nkunux xħaħ magħhom. Fuq kollox dawn jeħtieġu xi ħadd li ġenwinament għandu interess fihom u jħobbhom. Iż-żgħażagħ mhux biss huma t-tama u l-futur tas-soċjetà, imma wkoll tal-Knisja. Fihom Alla jiżra’ żerriegħa tal-vokazzjoni saċerdotali jew ħajja kkonsagrata. Tkun ħasra jekk minħabba l-assenza tas-saċerdot dawn ma jsibux gwida. Bl-għajnuna t’Alla, f’Awissu li ġej fi Spanja ser ikun hemm il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ u l-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ qed tħejji biex grupp mid-djoċesi jieħu sehem f’din iċ-ċelebrazzjoni.

Tiġdid fid-dawl tal-Konċilju Vatikan II

Tibqa’ stampata f’qalbna l-esperjenza sabiħa li għamilna bħala Knisja meta f’April li għadda lqajna fostna lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XVI. Rajna u pparteċipajna f’dak il-ferħ u l-entużjażmu li qanqal fostna l-Papa. Huwa possibbli li dak il-ferħ u dik l-esperjenza ta’ Knisja ħajja jkomplu jikkaratterizzaw il-Poplu t’Alla b’mod permanenti: jekk nerġgħu naqbdu f’idejna “la bussola dei tempi futuri” – kif ġie msejjaħ il-Konċilju Vatikan II –, aħna nistgħu flimkien nagħmlu Knisja li taħt il-primat tal-Kelma, imwennsa bil-ħarsa ta’ Kristu, tiftaħ djalogu mad-dinja.

Inqiegħed dawn ir-riflessjonijiet u proposti f’riġlejn il-Madonna Ta’ Pinu, fiduċjuż li tgħinna noqorbu u nqarrbu lil oħrajn lejn Kristu.