Archive for January, 2011

Newsheet tal-Għaqdiet Kattoliċi - Frar 2011

logonewsheet.jpg

 Niżżel in-newsheet ta’ Frar 2011

 

NINDUKRAW L-EKOLOĠIJA MEDJATIKA

dscf1950b.jpg

Fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Franġisk de Sales, patrun tal-ġurnalisti, ilbieraħ it-Tnejn 24 ta’ Jannar 2011, l-Isqof Mario Grech iċċelebra quddiesa għall-ġurnalisti u x-xandara Għawdxin, u fl-omelija wassal dan il-messaġġ:

Xieraq li s-soċjetà tagħna tippromovi l-għadd u l-kwalità ta’ dawk li huma involuti fil-qasam tal-midja, ikkunsidrat li l-midja għandha rwol importanti kemm biex tistimula r-riflessjoni dwar id-dinamika tas-soċjetà, kif ukoll biex tgħin fil-formazzjoni tal-opinjoni pubblika. Infatti, dejjem skont kif jintużaw, il-mezzi tal-midja jiffurmaw wieħed mill-istrumenti ewlenin biex ikollna poplu razzjonali jew irrazzjonali.

L-influwenza tal-midja hija tali li tgħin biex titħaddem id-demokrazija fejn kull vuċi tingħata spazju; fl-istess waqt, użu abbużiv tal-midja jista’, fi kliem il-filosfu Jurgen Habermas, jintroduċi mill-ġdid il-“fewdaliżmu”, fejn il-manipulazzjoni tal-ħsieb tkun tant qawwija li toħloq “kasti ġodda”, u hekk tirrendi diffiċli d-djalogu fit-tfittix għall-verità oġġettiva.

Kif fostna tkattar l-interess għall-ekoloġija ambjentali, tajjeb ukoll li nindukraw dik li Marshall McLuhan sejjaħ l-“ekoloġija medjatika”. Huwa fatt li l-mezzi tal-komunikazzjoni jinfluwenzaw qatigħ lill-bniedem f’dak li għandu x’jaqsam mal-perċezzjoni tar-realtà oġġettiva, mal-proċess tar-riflessjoni, mas-sentimenti u mal-valuri. Għalhekk, quddiem din ir-responsabiltà umana u kulturali, il-midja teħtieg mhux biss taħriġ fit-teknoloġija u fl-arti tal-komunikazzjoni, imma wkoll fl-etika. Dan jgħin biex it-tħaddim tal-midja verament jibni u mhux iħarbat lill-bniedem, lill-istituzzjonijiet u l-istess sistema soċjali.

ĦTIEĠA TA’ AZZJONI PASTORALI MAS-SEPARATI

Meta llejla [is-Sibt 22 ta’ Jannar 2011] indirizza l-laqgħa ġenerali li saret fl-iskola Santa Monika, Msida u li għaliha attendew koppji membri tal-Grufan fi ħdan il-Moviment ta’ Kana, l-Isqof Mario Grech tkellem dwar l-ispiritwalità tal-persuni separati.

Għalkemm min-natura tiegħu kull żwieġ huwa dejjiemi, l-esperjenza tixhed li hawn żwiġijiet li tħarbtu u l-miżżewġin kellhom jisseparaw. Ħafna drabi persuni separati jgħaddu minn esperjenza trawmatika mhux biss għax ifalli l-ikbar proġett ta’ ħajjithom, imma wkoll għax iġarrbu sens ta’ abbandun soċjali u spiritwali. Sfortunatament hemm nies separati li jaħsbu li huma minsijin minn Alla u mill-komunita ekkleżjali.

Ikun żball jekk fil-Knisja dawn il-persuni jkunu ttraskurati jew esklużi. Il-preżenza tagħhom titlob azzjoni pastorali ġdida u urġenti. Min ipoggi lil dawn il-persuni fil-periferija tal-ħajja tal-komunità ekleżjali, ikun qed jirriskja bil-kbir id-dehra tal-Knisja li rċeviet il-mandat li tkun bxara tajba anke quddiem realtà komplessa bħal din.

Jekk wieħed iħares lejn dawn il-persuni, separati jew li huma fit-tieni relazzjoni, mill-lenti etika biss, din tkun viżjoni dejqa ħafna. Għax barra l-aspett morali, dawn is-sitwazzjonijiet għandhom ukoll id-dimensjoni umana u dik spiritwali.

Minkejja kollox, hemm bżonn nemmnu li dawn il-persuni jistgħu jimxu ’l quddiem fil-maturità tal-fidi u ekkleżjali. Il-qofol tal-ispiritwalita Nisranija huwa Kristu u l-laqgħa personali miegħu ma sseħħx biss fiċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti, imma wkoll meta l-bniedem jiftaħ qalbu għall-Kelma t’Alla mxandra fil-komunità. Għalhekk il-proposta ta’ mixja ta’ fidi għal dawn il-persuni tirrikonoxxi l-primat tal-Kelma li tgħin lill-bniedem jidħol fi djalogu kemm ma’ Alla li hu mħabba żgura, kif ukoll mal-komunità ekkleżjali.

FUNERAL TA’ MONSINJUR ARĊISQOF EMMANUEL GERADA

Nhar it-Tnejn, 24 ta’ Jannar, 2011, fl-4.00 p.m. jitlaq il-funeral mill-Isptar Mater Dei għall-parroċċa taż-Żejtun, fejn kien joqgħod l-Arċisqof Gerada. Fl-4.30 p.m. il-korteo funebri jasal f’Misraħ Karlu Diacono minn fejn jibda korteo mill-kleru, għaqdiet reliġjużi u soċjali sal-Oratorju (ħdejn il-Knisja Parrokkjali) fejn isir talb b’suffraġġju ta’ Monsinjur Arċisqof u wara jitqiegħed għall-qima tal-pubbliku sat-8.00 p.m.
It-Tlieta, 25 ta’ Jannar, 2011, l-Oratorju jerġgħa jiftaħ fis-7.30 a.m. sal-10.00 a.m.                Fl-10.30 a.m. il-funeral jitlaq mill-Oratorja għall-Kon-katidral ta’ San Ġwann, il-Belt, fejn jitqiegħed għall-qima tal-pubbliku sas-2.30 p.m. Fit-3.00 p.m. l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. imexxi Quddiesa konċelebrata b’suffraġġju ta’ Mons. Arċisqof Emmanuel Gerada. Il-korteo jkompli f’forma privata saċ-Ċimiterju ta’ San Girgor, iż-Żejtun, fejn issir id-difna fil-qabar tal-familja.

Titħabbar il-mewt tal-Isqof Emanuel Gerada

13-mgr-emanuel-gerada.jpgTħabbret il-mewt ta’ l-Isqof Emanuel Gerada li huwa miż-Żejtun. L-Isqof Gerada twieled fit-18 ta’ Mejju, 1920. Fl-1967 huwa gie kkonsagrat Isqof Titulari ta’ Nomentum u Isqof Awziljarju tal-Arċisqof Mikiel Gonzi. Hu serva f’karigi għoljin fil-korp diplomatiku tas-Santa Sede. L-Isqof Gerada miet fis-6:30 ta’ dalgħodu fl-Isptar Mater Dei.

Continue reading >>

Quddiesa għal min jaħdem fil-midja

Quddiesa għal min jaħdem fil-midja
fl-okkażjoni tal-Festa ta’ San Franġisk de Sales, Patrun tal-Ġurnalisti

Nhar it-Tnejn, 24 ta’ Jannar 2011 Mons Isqof Mario Grech se jqaddes għall-Għawdxin li jaħdmu fil-qasam tal-komunikazzjoni soċjali. Il-quddiesa ssir fil-Knisja tas-Sorijiet Franġiskani, Triq Palma, Victoria, fil-5.00p.m. Huma mistiedna ġurnalisti, kittieba, xandara u dawk kollha involuti fil-midja tal-parroċċi. Waqt il-quddiesa, Mons Isqof iwassal messaġġ tal-okkażjoni.

APPLIKAZZJONI GĦAL DĦUL FIL-FORM 1 FL-ISKEJJEL TAL-KNISJA F’GĦAWDEX

AVVIŻ
MIS-SEMINARJU MINURI U MILL-ISKOLA SEKONDARJA TAL-KONSERVATORJU TAL-ISQOF TAD-DJOĊESI  T’GĦAWDEX

Il-ġenituri/kustodji tal-Istudenti ta’ Year 6 illi:-
a. jattendu fl-iskejjel Primarji tal-Knisja f’Għawdex; jew
b. jattendu fl-iskejjel Primarji tal-Gvern f’Għawdex imma li huma:
    i. subien li ħuthom jattendu fis-Seminarju jew bniet li ħuthom jattendu fl-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof;
    ii. subien li xi ġenitur tagħhom jaħdem/taħdem fis-Seminarju Minuri jew bniet li xi ġenitur tagħhom jaħdem/taħdem fil-Konservatorju tal-Isqof
huma mitluba jirreġistraw lil uliedhom għad-Dħul fl-Ewwel Klassi tas-Seminarju Minuri u tal-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof nhar l-Erbgħa u l-Ħamis, 2 u 3 ta’ Frar mid-9:00 a.m. sal-11.30 a.m. 
 
L-applikazzjonijiet għat-tfal subien jimtlew fis-Seminarju Minuri waqt li għat-tfal bniet jimtlew fl-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof (dħul mill-parking tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex). Min japplika mitlub jieħu miegħu:

i. Ċertifikat oriġinali tal-Magħmudija (jew tat-Twelid) tat-tifel/tifla
ii. kif ukoll żewġ ritratti tiegħu/tagħha.
iii. Tkun mitluba wkoll il-Karta tal-Identita’ tal-Ġenituri.

It-tfal iridu jkunu mwielda bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2000.  Isir ħlas ta’ €10 mal-applikazzjoni.

Aktar ’il quddiem, fil-każ li jkun għad fadal postijiet vaganti fis-Seminarju Minuri t’Għawdex jew fl-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof, toħroġ applikazzjoni oħra għal dawk li jattendu fil-Year 6 fl-Iskejjel Primarji tal-Gvern f’Għawdex.

IL-BIKJA TAT-TARBIJA TA’ BETLEM
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech

IL-BIKJA TAT-TARBIJA TA’ BETLEM

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Pontifikal ta’ nhar il-Milied 2010
Knisja Katidrali – Is-Sibt, 25 ta’ Diċembru

F’Betlem Alla tkellem!

L-ikbar gwaj tagħna l-bnedmin mhux il-ġlied, il-mard, u l-faqar, imma meta Alla jibqa’ sieket jew jiġi msikket. Is-silenzju ta’ Alla għandu jwaħħaxna għaliex jekk aħna ma nisimgħux lil Alla jkellimna, nitħawdu aħna u nħawdu madwarna. Din mhix fantasija: inħarsu ftit madwarna u naraw kif kull ma jmur id-diżordni qiegħed jikber u jolqot lil dak u lill-ieħor, lill-familji, lill-gruppi, lis-soċjetà u forsi wkoll lill-Knisja. Mhux għaliex Alla ma jinterresahx il-bniedem jew għaliex Alla waqa’ fil-muta, imma għaliex propju aħna ttarraxna: qegħdin nagħlqu widnejna u qegħdin noħolqu l-istorbju biex ninnewtralizzaw il-vuċi t’Alla. Continue reading >>