Ftit siegħat ilu waslet l-aħbar li l-Eċċellenza Tiegħu l-Isqof Joe Grech, Isqof ta’ Sandhurst fl-Awstralja, temm il-missjoni tiegħu fuq din l-art u mar jingħaqad ma’ Kristu Rxoxt fid-Dar tal-Missier.
L-Isqof Joe Grech li huwa mill-Arċidjoċesi ta’ Malta, għal ħafna snin wettaq il-missjoni tiegħu bħala saċerdot u bħala isqof fl-Awstralja kemm għall-emigranti Maltin f’dak il-kontinent, kif ukoll għall-poplu t’Alla fl-Awstralja fdat f’idejh.
L-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex flimkien mal-Kleru u mar-Reliġjużi u l-Lajċi li tant drabi l-Isqof Grech saħħaħ bix-Xandir tal-Kelma, b’sens qawwi ta’ fidi u tama, jingħaqdu fit-talb f’dan il-mument speċjali mal-familja tal-Isqof Grech, mal-aħwa tiegħu fl-Episkopat fl-Awstralja, mal-Kleru, Reliġjużi u Lajċi fid-Djoċesi ta’ Sandhurst u ma’ dawk kollha li f’ħajtu gawdew mill-ħidma pastorali tiegħu.