- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

L-ISQOF NIKOL CAUCHI BNIEDEM TA’ VIŻJONI KBIRA
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Funeral ta’ Mons Isqof Nikol Cauchi

Posted By admin On November 26, 2010 @ 9:38 am In 2010 | Comments Disabled

X’viżjoni għandha s-soċjetà tagħna llum?

Il-bniedem li jara u jara fil-bogħod ipoġġi fi żgur il-passi tiegħu tal-lum. Imma l-bniedem li m’għandux viżjoni jibqa’ jgħammar fl-istess kundizzjonijiet u l-ħajja tiegħu hija miskina u mifxula. Dak li ngħidu għall-bniedem nistgħu ngħiduh għall-kollettività, għalina bħala soċjetà: għax jekk is-soċjetà ma jkolliex viżjoni, jiġifieri jekk is-soċjetà ma tagħmilx il-miri tagħha – li ovvjament iridu jkunu għanijiet tajbin – , allura anke l-futur tas-soċjetà mingħajr viżjoni huwa futur imċajpar.

L-indikaturi ta’ madwarna jikkonferma li kemm individwalment u kemm bħala soċjetà jew m’għandniex viżjoni jew għandna viżjoni li hi mijopika – qed naraw biss sa mneħirna! Għandna viżjoni empirika fejn jgħodd biss dak li tmiss u tara, viżjoni immanenti u li tingħalaq għat-traxxendent.

Niflu ftit kif illum qed nitkellmu dwar il-bniedem. X’viżjoni għandna tal-persuna? Inħoss li hija viżjoni qasira ħafna għax m’aħniex nitkellmu u nittrattaw lill-bniedem bir-rispett lejn id-dinjità tiegħu. Viżjoni li tirrispetta lill-bniedem qatt ma tirrendih oġġett. Viżjoni li tgħożż il-ħajja umana ma toħlomx li tagħmel esperimenti manipulattivi fuq il-ħajja.

X’viżjoni għandna tal-familja tagħna li għandha s-sisien tagħha fuq iż-żwieġ li ma jinħallx? Jekk inħaddnu viżjoni favur il-familja, kif nispjegaw l-appoġġ u l-promozzjoni ta’ stili ta’ ħajja li jimminaw il-familja?

X’viżjoni għandna meta nitkellmu fuq il-ħaddiem? X’viżjoni għandna tad-dinja tax-xogħol, f’dinja li hija mmexxija mis-suq u jgħodd dak li nistgħu naqilgħu u niksbu? U x’jiġri fejn ma taqlax u x’jiġrilu min ma jaqlax?

Forsi l-viżjoni tagħna tmur ftit lil hinn mill-konfini tal-gżejjer tagħna, imma sa fejn tasal? Nistħajjel li tasal sal-Ewropa. U lil hinn mill-konfini tal-Ewropa hemm xi ħaġa jew m’hemmx? Hija viżjoni li taqra ’l bogħod, imma mhux ’il bogħod biżżejjed, għax għal x’uħud x’ħin naqbżu dak il-konfini politiku niġu fil-baħħ.

Mela hemm viżjoni li aħna rridu nixxenqu għaliha, viżjoni li tagħti tifsira u sens lill-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. Proprju meta jirnexxilna nassiguraw din il-viżjoni miftuħa għat-traxxendent, aħna nkunu għamilna investiment tajjeb u proġettazzjoni tajba fil-ħajja individwali, familjari soċjali tagħna.

Il-viżjoni ta’ Ġesù Kristu

Fil-Vanġelu li xxandrilna (Ġw 17,24-26), Ġesù jitkellem mill-viżjoni tiegħu: Missier, kemm nixtieq li lil dawk li inti tajtni turihom il-glorja tiegħek! Kristu kellu viżjoni fuq il-bniedem u fuq l-umanità: li jneħħilna l-qxur ta’ fuq għajnejna li bħal għamad ma jħalliniex naraw u hekk nistgħu naraw il-verità. Min jara lil Alla għandu l-verita u huwa ħieles. Għalhekk hija l-viżjoni li tiksbilna dak li kulħadd jixtieq fil-fond ta’ qalbu.

Intenni li verament ikollna viżjoni miskina jekk aħna individwalment u bħala soċjetà ningħalqu għal Alla. Illum diġà hemm dellijiet li qed jinżlu fuqna u jtaqqlu l-mixja tagħna; jekk ma nirkuprawx din il-viżjoni qed nirriskjaw li d-dlamijiet joħonquna.

Il-viżjoni tal-Isqof Nikol Cauchi

Aħna llum qed nagħtu tislima xierqa lill-isqof tagħna Nikol Ġużeppi Cauchi. Illum qed nibku persuna li mhux biss kellha viżjoni, imma tatna viżjoni. Forsi l-viżjoni ta’ Nikol ma ħallejnihiex tespandi. Forsi wkoll fixkilnih u qtajnielu qalbu ħalli jimraħ fil-viżjoni profonda li bħala bniedem ta’ Alla huwa kellu għall-Knisja u għal pajjiżna.

L-Isqof Nikol kellu viżjoni personalistika u umanistika, viżjoni li tpoġġi l-bniedem fiċ-ċentru. Fittxu ftit fil-ħafna kitbiet li għandu u taraw kif il-qalb tiegħu kienet tħabbat għall-bniedem, b’għażla preferenzjali għaż-żgħir u l-batut. Din il-viżjoni tal-Isqof Cauchi kienet tħaddan dak kollu li jagħmel parti mill-ħajja tal-bniedem – u allura l-ħajja tal-familja, l-edukazzjoni, ix-xogħol. Tnejn mill-Ittri Pastorali tiegħu kienu fuq ix-xogħol u fuq l-edukazzjoni. Huwa għandu Itta Pastorali oħra fuq il-promozzjoni umana. Għal dakinhar li kiteb dawn l-“ittri”, jista’ jkun li l-Isqof uża kliem “tqil”. Nittama li dawk il-ħsibijiet u dik il-viżjoni mhumiex nieqsa mil-lessiku tagħna llum ukoll! Sfortunatament il-viżjoni tagħna llum hija differenti minn dik li kellu l-Isqof Cauchi, għax għal ħafna llum il-bniedem illum mhux iċ-ċentru imma “sinnaW fir-rota tas-sistema. Il-bniedem huwa strumentalizzat.

L-Isqof Cauchi kellu din il-viżjoni favur il-bniedem għax kien imsaħħar minn Kristu u kien iħobb il-Knisja.

Infatti huwa kellu viżjoni Kristoċentrika – kien jara kollox fid-dawl ta’ Kristu. Iil-Konċilju Vatikan II fil-Gaudium et Spes jgħallem li l-misteru tal-bniedem nifhmuh biss fid-dawl tal-misteru ta’ Kristu l-Feddej tal-bnedmin (ara n.22). L-Isqof Nikol mhux biss kien jemmen fi Kristu l-Feddej tal-bnedmin, imma kien jgħallem dwar Kristu. Kienet xewqa tiegħu li jlaqqa’ lil ħaddieħor ma’ Kristu. Fil-persuna tal-Isqof Nikol aħna kellna l-preżenza ta’ Kristu li kien jgħaddi mit-toroq jgħallem u jagħmel il-ġid. L-Isqof kien jemmen b’konvinzjoni li t-tagħlim ta’ Kristu jagħti d-dawl mhux biss dwar il-bniedem imma dwar dak kollu li jmiss mal-bniedem; u għalhekk kien mimli entużjażmu, enerġija u passjoni biex f’waqtu u barra minn waqtu lilna jkellimna dwar Kristu.

L-Isqof Cauchi kellu viżjoni ekkleżjoloġika – viżjoni li tagħraf il-ħtieġa tal-Knisja biex aħna nifhmu u nħaddnu lil Kristu veru u mhux karikatura tiegħu kif jagħmlu x’uħud. Il-Knisja hija esperta fl-umanità għax hija ta’ Kristu. Bl-imħabba u l-għarfien tiegħu tal-Knisja, l-Isqof Cauchi seta’ bħal Kristu jkun is-samaritan it-tajjeb li pprovdilna kura u kenn fil-“lukanda” li hija l-Knisja. Din l-għożża tiegħu għall-Knisja wassalilna billi għaraf iqiegħed il-pedament ta’ Knisja tal-Konċilju. Aħna dak li aħna għaliex l-Isqof Nikol sforza biex japplika u jimplimenta l-Konċilju Vatikan II – naturalment sakemm seta’ u sakemm sab spazju.

Imma l-imħabba tiegħu lejn il-Knisja dehret f’dik l-attenzjoni, biex ngħid hekk skrupluża, biex jimxi fid-dawl tal-Maġisteru. Jien ma nkunx isqof tal-Knisja u dawn is-saċerdoti mhumiex saċerdoti tal-Knisja jekk aħna nibżgħu jew noqogħdu lura milli nwasslulkom dak li tgħallimna Ommna l-Knisja. Kemm kien jinsisti magħna biex fil-liturġija u fil-predikazzjoni nkunu attenti ħalli mhux biss inwasslulkom il-verità, imma biex imbagħad frott ta’ din il-verità jissawwar l-ethos tagħna: ikun hemm dawk ir-regoli ta’ mġieba tagħna, niddefinixxu l-morali tagħna – jekk illum aħna nistgħu nitkellmu dwar il-morali!

Fl-episkopat tiegħu l-Isqof Nikola applika l-enerġija kollha f’azzjoni kollha imħabba lejn il-bniedem; u biex iħobb b’mod awtentiku, l-Isqof Cauchi stinka biex iħobb kif ħabb Kristu u fid-direzzjoni li tagħtina l-Knisja.

“Monument” ħaj lill-Isqof Cauchi

L-ikbar nomunent li nistgħu nagħmlu biex l-Isqof Nikol jibqa’ ħaj fostna hu li nixxenqu ħalli jkollna l-viżjoni tiegħu: viżjoni favur il-bniedem iċċentrata fuq Kristu bl-għajnuna tal-Knisja. B’dan il-mod aħna nkebbsu fina dik l-imħabba li l-Isqof Nikol kellu lejn Għawdex imma anke lejn in-nazzjon tagħna. Hija evidenti l-imħabba li huwa kellu lejn Għawdex; imma daqstant ieħor huma magħrufa l-imħabba u l-interess li kien juri fl-iżvilupp tal-ħajja soċjali ta’ pajjiżna. Huwa kien jemmen li seta’ jagħti kontribut; u jien ngħid li tah dan il-kontribut. Forsi l-Isqof Nikol ma rax il-frott tal-viżjoni tiegħu, imma dak li huwa żera’ fil-qlub u l-ħamrija ta’ artna qiegħed hemm jistenna li jimmatura.

Għeżież tiegħi, l-Isqof Nikol miet minħabba problemi kardijaċi. Jien nifhem li l-qalb kbira li kellu f’ġisem żgħir fl-istatura ħabbet ħafna u għalhekk ħadmet ħafna u ħabbtet ħafna. Sfortunatament il-kalċi li xorob minnu l-Isqof Nikol kien fih ċertu mrar, u anke dan kompla għattanlu qalbu, u nifhem li mas-snin din l-għafsa ta’ qalb ikkontribwiet ukoll fuq is-saħħa tiegħu. Illum inħossni fid-dmir li quddiem il-poplu ta’ Alla lill-Isqof Nikol ngħidlu ‘grazzi’ u ngħidlu ‘aħfrilna’ ta’ kemm-il darba ma smajniekx, ma fhimniekx, ma kkoperajniex miegħek u ma ħallejniekx tkun ir-ragħaj tagħna, li fl-aħħar mill-aħħar għażlek Kristu biex tkun għalina f’isem il-Knisja!

Għażiż Dun Nikol, il-poplu ta’ Alla f’dawn il-ġranet ħaseb fik u ħabbek iktar mis-soltu. Nitolbok biex tinterċedi għalina. Għin lili biex nibqa’ nwettaq fuq l-eżempju tiegħek dik il-viżjoni li kellek fil-missjoni pastorali tiegħek. Nitolbok tinterċedi għal din il-Knisja li għaliha int tajt ħajtek. Nitolbok ħalli tbierek in-nazzjon tagħna, biex ilkoll flimkien niksbu din il-viżjoni billi tiftħilna orrizzonti li forsi sal-lum ma konniex nafu bihom. Ammen.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2010/11/26/l-isqof-nikol-cauchi-bniedem-ta%e2%80%99-vizjoni-kbira-omelija-ta%e2%80%99-mons-isqof-mario-grechfuneral-ta%e2%80%99-mons-isqof-nikol-cauchi-2/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.