Il-Ħadd 21 ta’ Novembru 2010, fid-Djoċesi ta’ Għawdex ġiet iċċelebrata l-festa ta’ Kristu Sultan. I-tema magħżula “Bil-ġrieħi tiegħuksibna l-fejqan tagħna” (Is 53,5). Dan sar fil-kuntest ta’ din is-sena pastorali li fiha l-Knisja f’Għawdex qed tirrifletti fuq is-“Sagrament tal-Qrar għajn ta’ Fejqan”.
Il-program beda quddiem il-knisja ta’ San Franġisk f’Victoria fejn Mons Isqof għamel it-talb tal-bidu li kien segwit b’korteo bix-xbieha ta’ Kristu Msallab. Il-ġemgħa miġbura imxiet f’mixja ta’ talb lejn il-parkeġġ ta’ quddiem l-iSptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Mal-wasla tal-korteo t-tfal li din is-sena ser jiċievu għal-ewwel darba s-sagrament tar-rikonċiljazzjoni poġġew fjura ħamra quddiem is-Salib; saret l-inċensazzjoni tal-Kurċifiss minn Mons Isqof. Iċ-ċelebrazzjoni kompliet b’qari mill-kelma ta’ Alla u esperjenza ta’ fejqan fil-ħidma ministerjali tas-saċerdot -li ingħatat minn Patri Franco Fenech OFM Cap - u esperjenza ta’ fejqan fil-ħajja ta’ koppja miżżewġa minn koppja.
Lejn tmiem iċ-ċelebrazzjoni tkellem Mons Isqof Mario Grech. Fid-diskors tiegħu huwa qal:
“Kull bniedem jixtieq ikun ferħan. F’kull bniedem hemm l-għatx biex ikun ferħan. Għalina li nemmnu f’Ġesù Kristu, il-fidi hija għajn ta’ ferħ; permezz tal-fidi n-Nisrani mhux biss huwa mlibbes bil-ġmiel imma għandu qawwa li jsebbaħ madwaru.
Imma fl-istess ħin hawn ħafna dieqa fina u madwarna. Mhumiex ftit dawk il-bnedmin li għandhom qalbhom mimlija bid-dwejjaq. Uħud mill-familji tagħna huma mifluġin u nieqsa mill-ferħ. Smajna l-esperjenza li tana Patri Franco ta’ kategorija waħda mis-soċjetà tagħna. Smajna l-esperjenza xhieda sabiħa ta’ din il-kopja.
Is-soċjetà tagħna hija diżordinata forsi wkoll għax tixtieq tfittex il-ferħ imma qed tfittex mezzi li ma jipprovdux il-ferħ li jibqa’.
Fil-fehma tiegħi hemm tliet motivi għaliex il-ferħ huwa nieqes.
Hemm dawk li jbatu minħabba pressjoni qawwija tas-sens tal-ħtija. Dawn la jafu għand min ser jirrikorru biex jgħinhom ineħħu l-piż tal-ħtija u anqas ma jafu lil min jistgħu jitolbu l-maħfra li tagħmilhom ħielsa.
Imbagħad hemm dawk li huma mħawdin dwar x’inhi s-sewwa, x’inhu t-tajjeb u l-ħażin, u allura ħafna drabi jsibu ruħhom għaddejjin minn sitwazzjoni ħażina għal oħra agħar. Il-ħajja tagħhom hija sensiela ta’ għażliet u deċiżjonijiet żbaljati.
Hemm ukoll dawk li jagħżlu li jikkoabitaw mad-dnub, li huwa l-kawża tad-dwejjaq kollha. Id-dnub jisraq il-ferħ mill-qlub umana. Sfortunatament hawn min ma jridx jisma’ bid-dnub!
Illum ġejna proprju ħdejn l-iSptar Ġenerali tagħna l-ewwel nett b’sens ta’ rispett lejn ħutna li jinsabu rikoverati fl-isptar u lejn dawk li jikkurawhom; imma wkoll ġejna hawn għax nemmnu li l-isptar huwa sinjal qawwi li jfakkarna li barra li hawn dawk li għandhom il-mard tal-ġisem, fostna hawn sptar ieħor li huwa mgħammar minn bnedmin midruba b’mard li jolqot il-ħajja interjuri. Jekk fis-soċjetà tagħna hemm atttenzjoni biex ninvestu ħalli nikkuraw il-mard fiżiku – li hija xi ħaġa tajba li neħtieġuha biex ikollna kura tajba – , daqstant ieħor għandna nkunu attenti biex insibu r-rimedji biex ninvestu ħalli nfejqu lill-bniedem mill-mard spiritwali u morali. Dan nagħmluh ħalli l-bniedem ikun ferħan.
Illejla mxejna u qegħdin naduraw lil Kristu Msallab għaliex aħna nemmnu li Ġesù msallab huwa t-tweġiba li jagħti Alla lill-bniedem ta’ kull żmien. Kristu msallab huwa dak li għalkemm kien bla dnub, Alla għamlu dnub għalina – Hu li ma kellhux dnub ġarrab il-konsegwenzi tal-għażliet ħżiena tagħna u refa’ fuq spallejh id-dnub ta’ kull wieħed u waħda minna. Fl-istess waqt, Ġesu msallab huwa l-Bxara t-Tajba li hemm bżonn nisimgħu.
Kif qrajna f’waħda mis-siltiet tal-lejla: “Bil-ġrieħi tiegħu huwa kisbilna l-fejqan” (Is. 53,5). Iva, huwa kemm hu tqil, oħxon u ikrah id-dnub tagħna, dan Kristu msallab, il-Feddej tagħna, ħallas għalina. Huwa kisser il-ktajjen tad-dnub. Ġesù kisbilna l-maħfra li aħna għadna bżonn mingħand il-Missier. Kristu msallab huwa dak li jirrikonċiljana mal-Missier u bejnietna. Kristu msallab qed jgħidilna sa fejn twassal l-imħabba vera: dik l-imħabba li wasslitu biex jingħata kollu kemm hu lill-Missier u kollu kemm hu lil kull wieħed u waħda minna.
Aħna nixtiequ ngħinu lill-bniedem – li ġustament għandu jkun ferħan – biex jilqa’ din il-Bxara t-Tajba. Aħna nixtiequ li l-bniedem jagħmel esperjenza tal-mewt u l-qawmien ta’ Kristu. Illum f’Jum il-Mulej il-komunità Nisranija tinġabar biex tiċċelebra l-ħajja li kisbilna Kristu. Kien proprju bħal-lejla, wara li Kristu qam mill-mewt, li hu deher lill-appostli biex jagħtihom missjoni u setgħa partikulari biex jaħfru d-dnubiet.
Għalhekk, aħna nieħdu sehem fil-missjoni li għandha l-Knisja li b’kuraġġ ixxandar mhux biss li d-dnub, kull dnub – anke dak legalizzat – , m’għandux ċittadinanza fostna, imma wkoll li Kristu, bis-sagrament tar-rikonċiljazzjoni, hekk imsejjaħ is-sagrament tal-ferħ, iridna nagħmlu l-esperjenza ta’ Dak li jgħidilha x’inhu s-sewwa u ta’ Dak li jagħti l-ħelsien veru. Hekk aħna mhux biss nistgħu nġarrbu l-esperjenza tal-grazzja ta’ Alla, imma nkunu kapaċi biex din il-grazzja ngħadduha lill-oħrajn billi aħna stess nħobbu iktar, naħfru iktar u naħdmu iktar biex inkunu familja u soċjetà rikonċiljata.
Nifirħu għaliex Kristu msallab huwa għalina l-muftieħ biex kull wieħed u waħda minna jissodisfa dak il-ferħ li jixtieq. Inqawwu qalbna għaliex bħala Knisja preżenti f’kull familja u f’kull rokna tat-territorju tagħna, aħna nistgħu ngħinu lil ħafna biex jgħożżu l-istat tal-grazzja t’Alla u hekk qalbhom tfawwar bil-ferħ.
0 Responses to “Ċelebrazzjoni tal-Festa ta’ Kristu Sultan fid-Djoċesi ta’ Għawdex”