Archive for November 22nd, 2010

Tifkira tal-Isqof Nikol Cauchi fl-ewwel Ġimgħa tax-Xahar għall-Professjonisti f’Għawdex

Il-Moviment Gradwati Għawdxin jistieden lill-gradwati u l-membri tal-professjonijiet kollha (anki koppji) għall-Quddiesa tal-ewwel Ġimgħa tax-Xahar fit-3 ta’ Diċembru, ċelebrata minn Dun Renato Borg (li għamel tant snin bħala segretarju u asistent personali tal-Isqof Nikol Cauchi). L-intenzjoni se tkun bħala suffraġju għal ruħ Mons Cauchi li beda attivitajiet indirizzati għall professjonisti u waqqaf dan il-moviment – u baqa’ responsabbli tiegħu sal-aħħar.

Bħas-soltu ssir fil-knisja ta’ Santu Wistin (Victoria): fit-8.00pm - ħin tard fl-għaxija biex jippermettilhom jaħtfu din l-opportunita’ u jsegwu omelija speċifikament  għalihom. Ikun hemm ukoll il-possibilta’ tal-Qrar minn kwarta qabel.

Ilkoll imħeġġa nieħdu sehem: okkażjoni biex nerġgħu nesprimu r-ringrazzjament tagħna.

Komunikat ta’ Mons Isqof Mario Grech
Ħatra ta’ Isqof ġdid minn Għawdex

Bijografija ta’ Patri Joe Bonello

Ħatra ta’ Isqof ġdid minn Għawdex

Tifraħ il-Knisja f’Għawdex bl-aħbar li waslet illum li wieħed minn uliedha, Patri Joe Bonello OFM mix-Xagħra ġie magħżul mill-Papa Benedittu XVI bħala isqof koadjutur tad-djoċesi ta’ Juticalpa fil-Ħonduras.

In-nomina tal-E.T. l-Isqof Bonello mhux biss tfakkarni fl-imħabba ġeneruża li l-poplu Għawdxi għandu lejn il-missjoni, imma hija wkoll konferma ta’ kemm il-komunità parrokkjali tax-Xagħra għandha għal qalbha l-ħidma għall-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi.

Filwaqt li f’isem id-djoċesi nifraħ lill-E.T. Mons Isqof Joe Bonello OFM u lill-Provinċja Franġiskana Maltija San Pawl Appostlu, insejjaħ lill-Insara biex bl-interċessjoni ta’ Marija Bambina jitolbu lil Alla jieqaf mal-Isqof Bonello fil-missjoni ġdida afdata f’idejh. Nappella wkoll lill-familji tagħna biex jibqgħu jkunu ġenerużi kemm ma’ Ġesù Kristu meta jsejjaħ lil xi ħadd minn uliedhom għal warajh, kif ukoll mal-Knisja fil-missjoni.

Illum, it-Tnejn, 22 ta’ Novembru 2010.

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Ċelebrazzjoni tal-Festa ta’ Kristu Sultan fid-Djoċesi ta’ Għawdex

Il-Ħadd 21 ta’ Novembru 2010, fid-Djoċesi ta’ Għawdex ġiet iċċelebrata l-festa ta’ Kristu Sultan. I-tema magħżula “Bil-ġrieħi tiegħuksibna l-fejqan tagħna”  (Is 53,5). Dan sar fil-kuntest ta’ din is-sena pastorali li fiha l-Knisja f’Għawdex qed tirrifletti fuq is-“Sagrament tal-Qrar għajn ta’ Fejqan”.

Il-program beda quddiem il-knisja ta’ San Franġisk f’Victoria fejn Mons Isqof għamel it-talb tal-bidu li kien segwit b’korteo bix-xbieha ta’ Kristu Msallab.  Il-ġemgħa miġbura imxiet f’mixja ta’ talb lejn il-parkeġġ ta’ quddiem l-iSptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Mal-wasla tal-korteo t-tfal li din is-sena ser jiċievu għal-ewwel darba s-sagrament tar-rikonċiljazzjoni poġġew fjura ħamra quddiem is-Salib; saret l-inċensazzjoni tal-Kurċifiss minn Mons Isqof. Iċ-ċelebrazzjoni kompliet b’qari mill-kelma ta’ Alla u esperjenza ta’ fejqan fil-ħidma ministerjali tas-saċerdot  -li ingħatat minn Patri Franco Fenech OFM Cap - u esperjenza ta’ fejqan fil-ħajja ta’ koppja miżżewġa minn koppja.

Lejn tmiem iċ-ċelebrazzjoni tkellem Mons Isqof Mario Grech.  Fid-diskors tiegħu huwa qal:

“Kull bniedem jixtieq ikun ferħan. F’kull bniedem hemm l-għatx biex ikun ferħan. Għalina li nemmnu f’Ġesù Kristu, il-fidi hija għajn ta’ ferħ; permezz tal-fidi n-Nisrani mhux biss huwa mlibbes bil-ġmiel imma għandu qawwa li jsebbaħ madwaru.

Imma fl-istess ħin hawn ħafna dieqa fina u madwarna. Mhumiex ftit dawk il-bnedmin li għandhom qalbhom mimlija bid-dwejjaq. Uħud mill-familji tagħna huma mifluġin u nieqsa mill-ferħ. Smajna l-esperjenza li tana Patri Franco ta’ kategorija waħda mis-soċjetà tagħna. Smajna l-esperjenza xhieda sabiħa ta’ din il-kopja.

Is-soċjetà tagħna hija diżordinata forsi wkoll għax tixtieq tfittex il-ferħ imma qed tfittex mezzi li ma jipprovdux il-ferħ li jibqa’.

Continue reading >>