- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

L-aħħar tislima lill-E.T. Mons Nikol Ġ. Cauchi, Isqof Emeritu ta’ Għawdex
Ittra Ċirkulari tal-E.T. Mons Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Posted By admin On November 16, 2010 @ 3:41 pm In Circulars | 2 Comments

Ċirkulari 13/2010

 

[1] armaisqofcirkulari.jpg

L-aħħar tislima lill-E.T. Mons Nikol Ġ. Cauchi, Isqof Emeritu ta’ Għawdex

Lir-Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Għeżież,

Bħalkom ninsab imnikket għat-telfa tal-isqof “tagħna” l-E.T. Mons Nikol Ġużeppi Cauchi. Il-mewt tiegħu, li seħħet ilbieraħ filgħodu, it-Tnejn 15 ta’ Novembru 2010, ħalliet vojt kbir għax għalina Mons Cauchi kien “blata” li fuqu konna nserrħu.

Għal tmienja u tletin sena sħaħ, l-isqof Cauchi kien il-“preżenza” ta’ Kristu fostna, u għadda mit-toroq tagħna jfejjaq u jagħmel il-ġid.

Għalina l-Isqof Cauchi kien il-“leħen” tal-appostlu, li f’waqtu u barra minn waqtu wasslilna l-Bxara t-Tajba ta’ Ġesù Kristu u kellimna f’isem Kristu.

L-Isqof Cauchi huwa parti mill-identità tagħna għax il-kelma u l-azzjoni tiegħu għaġnu ħafna ħajjiet u l-istess storja ta’ ġensna.

Bħala wlied denji ta’ dan il-missier li sawwarna fil-fidi Nisranija, aħna nemmnu li l-mewt mhix l-aħħar kelma fil-ħajja tagħna. Bil-qawmien tiegħu, Kristu rebaħ il -mewt u issa qiegħed jgħix fil-lemin tal-Missier. L-isqof Cauchi applika l-enerġiji tiegħu biex seddaqna f’dan it-twemmin u ppreparana biex ngħixu ħajja li twassalna fil-ħajja ta’ dejjem. Aħna li nafu kemm l-Isqof Cauchi kien jitkellem mill-konvinzjonijiet tiegħu; nemmnu li anke hu kien imħejji għal din il-laqgħa wiċċ imb wiċċ ma’ Alla.

Għalhekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi nagħmel sejħa għal talb u suppliki għal ruħ l-Isqof Cauchi. Bħala isqof suċċessur tiegħu, jien illum ser nibda “xahar Gregorjan” b’suffraġju tiegħu u nħeġġiġkom tingħaqdu miegħi spiritwalment. Nitlob lil kull komunità Nisranija biex illum jew għada tiċċelebra quddiesa għal ruħu.

Nagħmel sejħa biex illum u għada nuru r-rispett reverenzjali tagħna lejn l-Isqof Cauchi, kemm billi nsellmulu waqt li ser ikunu esponut fis-sala ewlenija tal-Kurja tagħna, kif ukoll waqt il-funeral tiegħu li ser isir għada l-Erbgħa fit-3.00 p.m. fil-Katidral tagħna.

Bħala sinjal ta’ luttu djoċesan, nistieden lil kull komunita Nisranija biex waqt il-funeral tagħti l-aħħar tislima lill-Isqof Cauchi bid-daqq tat-tokki tal-qniepen, u biex illum u għadda jittajru l-bnadar mezzasta.

Magħqudin fit-talb mal-Verġni Marija, nitlob il-barka t’Alla fuqkom.

Mill-Kurja tal-Isqof, Rabat, Għawdex, illum it-Tlieta 16 ta’ Novembru 2010.

Mons Salv Debrincat

Kancellier

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2010/11/16/l-ahhar-tislima-lill-et-mons-nikol-g-cauchi-isqof-emeritu-ta%e2%80%99-ghawdex-ittra-cirkulari-tal-et-mons-mario-grech-isqof-ta%e2%80%99-ghawdex/

URLs in this post:
[1] Image: http://gozodiocese.org/wp-content/gallery/misc-pictures/armaisqofcirkulari.jpg

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.