L-aħħar tislima lill-E.T. Mons Nikol Ġ. Cauchi, Isqof Emeritu ta’ Għawdex
Ittra Ċirkulari tal-E.T. Mons Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Ċirkulari 13/2010

 

armaisqofcirkulari.jpg

L-aħħar tislima lill-E.T. Mons Nikol Ġ. Cauchi, Isqof Emeritu ta’ Għawdex

Lir-Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Għeżież,

Bħalkom ninsab imnikket għat-telfa tal-isqof “tagħna” l-E.T. Mons Nikol Ġużeppi Cauchi. Il-mewt tiegħu, li seħħet ilbieraħ filgħodu, it-Tnejn 15 ta’ Novembru 2010, ħalliet vojt kbir għax għalina Mons Cauchi kien “blata” li fuqu konna nserrħu.

Għal tmienja u tletin sena sħaħ, l-isqof Cauchi kien il-“preżenza” ta’ Kristu fostna, u għadda mit-toroq tagħna jfejjaq u jagħmel il-ġid.

Għalina l-Isqof Cauchi kien il-“leħen” tal-appostlu, li f’waqtu u barra minn waqtu wasslilna l-Bxara t-Tajba ta’ Ġesù Kristu u kellimna f’isem Kristu.

L-Isqof Cauchi huwa parti mill-identità tagħna għax il-kelma u l-azzjoni tiegħu għaġnu ħafna ħajjiet u l-istess storja ta’ ġensna.

Bħala wlied denji ta’ dan il-missier li sawwarna fil-fidi Nisranija, aħna nemmnu li l-mewt mhix l-aħħar kelma fil-ħajja tagħna. Bil-qawmien tiegħu, Kristu rebaħ il -mewt u issa qiegħed jgħix fil-lemin tal-Missier. L-isqof Cauchi applika l-enerġiji tiegħu biex seddaqna f’dan it-twemmin u ppreparana biex ngħixu ħajja li twassalna fil-ħajja ta’ dejjem. Aħna li nafu kemm l-Isqof Cauchi kien jitkellem mill-konvinzjonijiet tiegħu; nemmnu li anke hu kien imħejji għal din il-laqgħa wiċċ imb wiċċ ma’ Alla.

Għalhekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi nagħmel sejħa għal talb u suppliki għal ruħ l-Isqof Cauchi. Bħala isqof suċċessur tiegħu, jien illum ser nibda “xahar Gregorjan” b’suffraġju tiegħu u nħeġġiġkom tingħaqdu miegħi spiritwalment. Nitlob lil kull komunità Nisranija biex illum jew għada tiċċelebra quddiesa għal ruħu.

Nagħmel sejħa biex illum u għada nuru r-rispett reverenzjali tagħna lejn l-Isqof Cauchi, kemm billi nsellmulu waqt li ser ikunu esponut fis-sala ewlenija tal-Kurja tagħna, kif ukoll waqt il-funeral tiegħu li ser isir għada l-Erbgħa fit-3.00 p.m. fil-Katidral tagħna.

Bħala sinjal ta’ luttu djoċesan, nistieden lil kull komunita Nisranija biex waqt il-funeral tagħti l-aħħar tislima lill-Isqof Cauchi bid-daqq tat-tokki tal-qniepen, u biex illum u għadda jittajru l-bnadar mezzasta.

Magħqudin fit-talb mal-Verġni Marija, nitlob il-barka t’Alla fuqkom.

Mill-Kurja tal-Isqof, Rabat, Għawdex, illum it-Tlieta 16 ta’ Novembru 2010.

Mons Salv Debrincat

Kancellier

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

2 Responses to “L-aħħar tislima lill-E.T. Mons Nikol Ġ. Cauchi, Isqof Emeritu ta’ Għawdex
Ittra Ċirkulari tal-E.T. Mons Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex”


  1. 1 Charlie&Antionette Buttigieg

    Jiena Charlie flimkien ma marti Antionette Buttigieg , min Nadur u li nejxu l canada niextieq nghatu l kondanjanzi lil familja tal isqof emeritus Mon nikol Cauchi lil ecc . Mon Mario Grech li zgur la sa jitlef xi parier tajeb min ghat l mikbi Mon Nikol u lil ghawdex kollhu tlifna miesier, jien personali qatt ma ninsa, niftakar meta lahaq isqof u tela in Nadur u f lomelija kien wedna li ha jahdem b sahtu kollha biex jiranga l inkwiet li kien jezizti dak inhar. u l folla laqatu b capcip li tarax. it tieni m,emoria hi li wara xi 9 snien bla grizma tal isqof fin Nadur ghamilna l grizma ta l isqof fil pjazza san Pietru Pawl u kelli kugina hdejja ghal grizma wkoll u l parina tahha kienet qasira u l isqof b dbisima u cajta saqsa lil min minhom ha jghamel l grizma u jien kont ghamilt l grizma dak inhar wkoll. l ahar memoria hi meta kien gie izurna l canada u gie gol hanut tghana Malta Bake Shop u li miehew kien hemm l Arcipriet prezenti tan Nadur Mon jimmy Xerri. ghatieh o mulej l miestrieh ta dejjem.

  2. 2 Anna Maria Fenech

    Nixtieq ngħidilkom proset tal-quddiesa b’suffraġju għall-Isqof Cauchi. Jien rajtha minn fuq it-TV peress li jien minn Malta. Kienet quddiesa sempliċi imma mimlija sinifikat għax fejn għalkemm konna qed insellmu għall-aħħar darba lil dan l-Isqof tant bravu u tant umli, fl-istess ħin ħassejt li konna qed niċċelebraw il-qawmien tiegħu. Grazzi ħafna. Nixtieq ngħid ukoll proset u grazzi lil Eċċ. Tiegħu Mons. Mario Grech tal-omelija tant profonda, jalla kull min semagħha jidħol fih innifsu u jirrifletti x’qiegħed jagħmel b’ħajtu bħal ma qed nirrifletti jien wara li smajtha.

Leave a Reply