Archive for November, 2010

FL-EWWEL JUM TAL-GIMGHA NGBARNA FLIMKIEN BIEX NAQSMU L-HOBZ
Sussidju teologiku-pastorali għall-Avvent 2010

cover-sussidju-avvent-2010.jpg

Is-Segreterija Pastorali tad-Djoċesi ta’ Għawdex għada kif ippubblikat sussidju għall-Avvent. Is-sussidju jista’ jservi bħala għajnuna personali għall-meditazzjoni u tħejjija fil-mixja liturġika tal-Avvent, kif ukoll bħala għajnuna fil-ħidma pastorali.

Niżżel is-sussidju format PDF minn hawn

WERREJ TAS-SUSSIDJU

Daħla

L-Ewwel Taqsima: L-Ewkaristija u Jum il-Ħadd fil-Kotba Mqaddsa
1.      L-Ewkaristija prefigurata fit-Testment il-Qadim
2.      Iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika fil-Knisja Apostolika
3.      L-Ewkaristija fir-Raba’ Vanġelu
4.      Lectio Divina fuq l-Ewwel Jum tal-ġimgħa
Continue reading >>

PASTORALI TAL-ISQFIJIET
AVVENT 2010
IL-PRESEPJU FIL-FAMILJI TAGĦNA

English Version

IL-PRESEPJU FIL-FAMILJI TAGĦNA

Ħuti għeżież,
Fil-Milied aħna bħala Nsara nifirħu bil-miġja tal-Iben ta’ Alla fostna meta sar bniedem. Dan aħna nagħrfuh fit-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Iżda aħna wkoll nistagħġbu meta naraw b’liema mħabba Alla l-Missier ħejja l-miġja ta’ Ibnu fostna. Ħejja lil Ommu Marija u lil Missieru putattiv Ġużeppi biex l-għerusija u ż-żwieġ tagħhom jgħaqqduhom mat-twelid ta’ tarbija li Alla l-Imbierek kien se jibagħtilhom: it-tarbija kienet fil-qofol tal-ħajja miżżewġa tagħhom. F’dawn il-ġranet kull Nisrani jirrifletti fuq ix-xena ħelwa tat-tarbija mdawra mill-ġenituri t-tnejn tagħha. U din id-dehra tant tferraħna li aħna fid-djar tagħna narmaw il-presepju biex jgħinna nifirħu. Aħna naraw b’liema għożża Marija u Ġużeppi rabbew lil Ġesù fl-episodju tal-ħarba fl-Eġittu meta t-tarbija tagħhom kienet mhedda  (Mt 2, 13-15) kif ukoll fl-inkwiet tagħhom meta tilfu lil Ġesù fit-Tempju (Lq 2,41-52).
Continue reading >>

L-ISQOF NIKOL CAUCHI BNIEDEM TA’ VIŻJONI KBIRA
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Funeral ta’ Mons Isqof Nikol Cauchi

X’viżjoni għandha s-soċjetà tagħna llum?

Il-bniedem li jara u jara fil-bogħod ipoġġi fi żgur il-passi tiegħu tal-lum. Imma l-bniedem li m’għandux viżjoni jibqa’ jgħammar fl-istess kundizzjonijiet u l-ħajja tiegħu hija miskina u mifxula. Dak li ngħidu għall-bniedem nistgħu ngħiduh għall-kollettività, għalina bħala soċjetà: għax jekk is-soċjetà ma jkolliex viżjoni, jiġifieri jekk is-soċjetà ma tagħmilx il-miri tagħha – li ovvjament iridu jkunu għanijiet tajbin – , allura anke l-futur tas-soċjetà mingħajr viżjoni huwa futur imċajpar.

L-indikaturi ta’ madwarna jikkonferma li kemm individwalment u kemm bħala soċjetà jew m’għandniex viżjoni jew għandna viżjoni li hi mijopika – qed naraw biss sa mneħirna! Għandna viżjoni empirika fejn jgħodd biss dak li tmiss u tara, viżjoni immanenti u li tingħalaq għat-traxxendent.

Niflu ftit kif illum qed nitkellmu dwar il-bniedem. X’viżjoni għandna tal-persuna? Inħoss li hija viżjoni qasira ħafna għax m’aħniex nitkellmu u nittrattaw lill-bniedem bir-rispett lejn id-dinjità tiegħu. Viżjoni li tirrispetta lill-bniedem qatt ma tirrendih oġġett. Viżjoni li tgħożż il-ħajja umana ma toħlomx li tagħmel esperimenti manipulattivi fuq il-ħajja.
Continue reading >>

Tifkira tal-Isqof Nikol Cauchi fl-ewwel Ġimgħa tax-Xahar għall-Professjonisti f’Għawdex

Il-Moviment Gradwati Għawdxin jistieden lill-gradwati u l-membri tal-professjonijiet kollha (anki koppji) għall-Quddiesa tal-ewwel Ġimgħa tax-Xahar fit-3 ta’ Diċembru, ċelebrata minn Dun Renato Borg (li għamel tant snin bħala segretarju u asistent personali tal-Isqof Nikol Cauchi). L-intenzjoni se tkun bħala suffraġju għal ruħ Mons Cauchi li beda attivitajiet indirizzati għall professjonisti u waqqaf dan il-moviment – u baqa’ responsabbli tiegħu sal-aħħar.

Bħas-soltu ssir fil-knisja ta’ Santu Wistin (Victoria): fit-8.00pm - ħin tard fl-għaxija biex jippermettilhom jaħtfu din l-opportunita’ u jsegwu omelija speċifikament  għalihom. Ikun hemm ukoll il-possibilta’ tal-Qrar minn kwarta qabel.

Ilkoll imħeġġa nieħdu sehem: okkażjoni biex nerġgħu nesprimu r-ringrazzjament tagħna.

Komunikat ta’ Mons Isqof Mario Grech
Ħatra ta’ Isqof ġdid minn Għawdex

Bijografija ta’ Patri Joe Bonello

Ħatra ta’ Isqof ġdid minn Għawdex

Tifraħ il-Knisja f’Għawdex bl-aħbar li waslet illum li wieħed minn uliedha, Patri Joe Bonello OFM mix-Xagħra ġie magħżul mill-Papa Benedittu XVI bħala isqof koadjutur tad-djoċesi ta’ Juticalpa fil-Ħonduras.

In-nomina tal-E.T. l-Isqof Bonello mhux biss tfakkarni fl-imħabba ġeneruża li l-poplu Għawdxi għandu lejn il-missjoni, imma hija wkoll konferma ta’ kemm il-komunità parrokkjali tax-Xagħra għandha għal qalbha l-ħidma għall-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi.

Filwaqt li f’isem id-djoċesi nifraħ lill-E.T. Mons Isqof Joe Bonello OFM u lill-Provinċja Franġiskana Maltija San Pawl Appostlu, insejjaħ lill-Insara biex bl-interċessjoni ta’ Marija Bambina jitolbu lil Alla jieqaf mal-Isqof Bonello fil-missjoni ġdida afdata f’idejh. Nappella wkoll lill-familji tagħna biex jibqgħu jkunu ġenerużi kemm ma’ Ġesù Kristu meta jsejjaħ lil xi ħadd minn uliedhom għal warajh, kif ukoll mal-Knisja fil-missjoni.

Illum, it-Tnejn, 22 ta’ Novembru 2010.

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Ċelebrazzjoni tal-Festa ta’ Kristu Sultan fid-Djoċesi ta’ Għawdex

Il-Ħadd 21 ta’ Novembru 2010, fid-Djoċesi ta’ Għawdex ġiet iċċelebrata l-festa ta’ Kristu Sultan. I-tema magħżula “Bil-ġrieħi tiegħuksibna l-fejqan tagħna”  (Is 53,5). Dan sar fil-kuntest ta’ din is-sena pastorali li fiha l-Knisja f’Għawdex qed tirrifletti fuq is-“Sagrament tal-Qrar għajn ta’ Fejqan”.

Il-program beda quddiem il-knisja ta’ San Franġisk f’Victoria fejn Mons Isqof għamel it-talb tal-bidu li kien segwit b’korteo bix-xbieha ta’ Kristu Msallab.  Il-ġemgħa miġbura imxiet f’mixja ta’ talb lejn il-parkeġġ ta’ quddiem l-iSptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Mal-wasla tal-korteo t-tfal li din is-sena ser jiċievu għal-ewwel darba s-sagrament tar-rikonċiljazzjoni poġġew fjura ħamra quddiem is-Salib; saret l-inċensazzjoni tal-Kurċifiss minn Mons Isqof. Iċ-ċelebrazzjoni kompliet b’qari mill-kelma ta’ Alla u esperjenza ta’ fejqan fil-ħidma ministerjali tas-saċerdot  -li ingħatat minn Patri Franco Fenech OFM Cap - u esperjenza ta’ fejqan fil-ħajja ta’ koppja miżżewġa minn koppja.

Lejn tmiem iċ-ċelebrazzjoni tkellem Mons Isqof Mario Grech.  Fid-diskors tiegħu huwa qal:

“Kull bniedem jixtieq ikun ferħan. F’kull bniedem hemm l-għatx biex ikun ferħan. Għalina li nemmnu f’Ġesù Kristu, il-fidi hija għajn ta’ ferħ; permezz tal-fidi n-Nisrani mhux biss huwa mlibbes bil-ġmiel imma għandu qawwa li jsebbaħ madwaru.

Imma fl-istess ħin hawn ħafna dieqa fina u madwarna. Mhumiex ftit dawk il-bnedmin li għandhom qalbhom mimlija bid-dwejjaq. Uħud mill-familji tagħna huma mifluġin u nieqsa mill-ferħ. Smajna l-esperjenza li tana Patri Franco ta’ kategorija waħda mis-soċjetà tagħna. Smajna l-esperjenza xhieda sabiħa ta’ din il-kopja.

Is-soċjetà tagħna hija diżordinata forsi wkoll għax tixtieq tfittex il-ferħ imma qed tfittex mezzi li ma jipprovdux il-ferħ li jibqa’.

Continue reading >>

Festa ta’ Kristu Re u Jum il-Karita
21 ta’ Novembru 2010

kristu-re-a3.jpg

L-aħħar tislima lill-E.T. Mons Nikol Ġ. Cauchi, Isqof Emeritu ta’ Għawdex
Ittra Ċirkulari tal-E.T. Mons Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Ċirkulari 13/2010

 

armaisqofcirkulari.jpg

L-aħħar tislima lill-E.T. Mons Nikol Ġ. Cauchi, Isqof Emeritu ta’ Għawdex

Lir-Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Għeżież,

Bħalkom ninsab imnikket għat-telfa tal-isqof “tagħna” l-E.T. Mons Nikol Ġużeppi Cauchi. Il-mewt tiegħu, li seħħet ilbieraħ filgħodu, it-Tnejn 15 ta’ Novembru 2010, ħalliet vojt kbir għax għalina Mons Cauchi kien “blata” li fuqu konna nserrħu.

Għal tmienja u tletin sena sħaħ, l-isqof Cauchi kien il-“preżenza” ta’ Kristu fostna, u għadda mit-toroq tagħna jfejjaq u jagħmel il-ġid.

Għalina l-Isqof Cauchi kien il-“leħen” tal-appostlu, li f’waqtu u barra minn waqtu wasslilna l-Bxara t-Tajba ta’ Ġesù Kristu u kellimna f’isem Kristu.

L-Isqof Cauchi huwa parti mill-identità tagħna għax il-kelma u l-azzjoni tiegħu għaġnu ħafna ħajjiet u l-istess storja ta’ ġensna.

Bħala wlied denji ta’ dan il-missier li sawwarna fil-fidi Nisranija, aħna nemmnu li l-mewt mhix l-aħħar kelma fil-ħajja tagħna. Bil-qawmien tiegħu, Kristu rebaħ il -mewt u issa qiegħed jgħix fil-lemin tal-Missier. L-isqof Cauchi applika l-enerġiji tiegħu biex seddaqna f’dan it-twemmin u ppreparana biex ngħixu ħajja li twassalna fil-ħajja ta’ dejjem. Aħna li nafu kemm l-Isqof Cauchi kien jitkellem mill-konvinzjonijiet tiegħu; nemmnu li anke hu kien imħejji għal din il-laqgħa wiċċ imb wiċċ ma’ Alla.

Għalhekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi nagħmel sejħa għal talb u suppliki għal ruħ l-Isqof Cauchi. Bħala isqof suċċessur tiegħu, jien illum ser nibda “xahar Gregorjan” b’suffraġju tiegħu u nħeġġiġkom tingħaqdu miegħi spiritwalment. Nitlob lil kull komunità Nisranija biex illum jew għada tiċċelebra quddiesa għal ruħu.

Nagħmel sejħa biex illum u għada nuru r-rispett reverenzjali tagħna lejn l-Isqof Cauchi, kemm billi nsellmulu waqt li ser ikunu esponut fis-sala ewlenija tal-Kurja tagħna, kif ukoll waqt il-funeral tiegħu li ser isir għada l-Erbgħa fit-3.00 p.m. fil-Katidral tagħna.

Bħala sinjal ta’ luttu djoċesan, nistieden lil kull komunita Nisranija biex waqt il-funeral tagħti l-aħħar tislima lill-Isqof Cauchi bid-daqq tat-tokki tal-qniepen, u biex illum u għadda jittajru l-bnadar mezzasta.

Magħqudin fit-talb mal-Verġni Marija, nitlob il-barka t’Alla fuqkom.

Mill-Kurja tal-Isqof, Rabat, Għawdex, illum it-Tlieta 16 ta’ Novembru 2010.

Mons Salv Debrincat

Kancellier

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex