NOTA
PASTORALI
MILL-E.T. MONS. PAWL CREMONA O.P.
Arċisqof ta’ Malta
u
MILL-E.T. MONS. MARIO GRECH
Isqof ta’ Għawdex
FUQ
IŻ-ŻWIEĠ, IL-FAMILJA U N-NISRANI QUDDIEM ĠESÙ
Għeżież uliedna,
Iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar qed nindunaw kemm dak kollu li għamel il-Mulej meta kien fostna kien biex jgħin lilna nifhmu iktar il-pjan tiegħu. Il-Vanġelu nkiteb biex jurina min kien u x’għallem u x’għex Sidna Ġesù Kristu, iżda mhux biss. Permezz tad-dixxipli, u ta’ nies oħrajn u d-dubji tagħhom, huwa wriena t-tweġiba ta’ Ġesù quddiem dawn id-dubji biex nifhmu x’se tkun it-tweġiba ta’ Ġesù quddiem l-istess dubji tagħna f’kull żmien, anki llum.
Dan jgħodd f’kollox, iżda aħna xtaqna li napplikawh għad-diskussjoni li għaddejja bħalissa fuq iż-żwieġ u d-divorzju u l-effetti tad-divorzju. Nixtiequ nippreżentaw dan lill-Insara ħutna għar-riflessjoni tagħhom fil-fidi, iżda wkoll b’imħabba kbira noffruha lil dawk li qegħdin jippromwovu d-divorzju biex jifhmu kif aħna l-Insara, mill-fidi tagħna, inħarsu lejn din ir-realtà.
ĠESÙ, IŻ-ŻWIEĠ U D-DIVORZJU
Elfejn sena ilu kien hemm xi dixxipli li ġew għand Ġesù u għamlulu l-mistoqsija: “Jista’ wieħed jitlaq lil martu fuq xi ħaġa, tkun xi tkun?”
It-tweġiba ta’ Ġesù kienet doppja. L-ewwel fakkarhom biex iħarsu lejn is-sbuħija tal-pjan ta’ Alla li nsibu fil-Ġenesi: ta’ żwieġ bejn raġel u mara u “jsiru ġisem wieħed”, u li “dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem” (Mt 19, 5,6).
U huma weġbuh li iżda kien hemm diġà d-divorzju. Ġesù weġibhom li dan ma ġiex mill-pjan ta’ Alla: “Kien minħabba l-ebusija ta’ qalbkom li Mosè takom il-permess tibagħtu n-nisa tagħkom. Iżda ma kienx hekk mill-bidu” (Mt 19,8). Minbarra is-sbuħija ta’ żwieġ dejjiemi Ġesù wriehom ukoll it-triq li għandhom jieħdu biex dan iseħħ. Qalilhom li ma tistax – u dan jgħodd f’kull ħaġa – ma tistax tesprimi valur u taċċetta realtà kontrih: trid tagħżel ukoll it-triq biex twasssal għal dak il-valur. U din it-triq qatt ma tista’ tgħaddi mid-divorzju. Ġesù kien qed jgħidilhom li d-divorzju ibiddel in-natura taż-żwieġ, ta’ kull żwieġ. Wara d-divorzju ma tistax titkellem iktar fuq żwieġ dejjiemi, stabbli, bħalma kien il-pjan ta’ Alla fil-bidu: tkun qed tibdel in-natura tiegħu. U Ġesù ma jitkellimx fuq il-kundizzjonijiet differenti – kif jidħol – iżda fuq il-fatt li jkun daħal id-divorzju u allura nbidlet in-natura taż-żwieġ.
Iżda forsi kieku Ġesù kien hawn fostna illum, forsi konna ngħidulu: “Mulej, iżda kullimkien daħħlu d-Divorzju!”, fid-dinja kollha. Żgur li ma kenitx tinbidel it-tweġiba tiegħu: “Dak minħabba l-ebusija ta’ qalbkom”. Hija l-attitudni tagħna li trid tinbidel, mhux iż-żwieġ!
Forsi anke aħna konna ngħidulu, bħad-dixxipli tiegħu, li dan kollu huwa tqil. Nemmnu li Ġesù kien iweġibna li dan hu l-pjan ta’ Alla għalina: li jkun hemm ħafna iktar tbatija għas-soċjetà meta ma nsegwux dan il-pjan milli meta nsegwuh. Hu għall-ġid tagħna lkoll – li aħna nafuh bħala l-ġid komuni – li Ġesù jgħidilna dan. Il-kliem ta’ Ġesù jiġi ppruvat mir-realtà ta’ ħafna pajjiżi. Daħħlu d-divorzju għaliex ħasbu li se jsolvu l-problemi madwar il-falliment taż-żwieġ, u minflok żdiedu l-problemi. Dan jidher ċar mir-riċerki u mill-istatistiċi. Il-Kelma ta’ Ġesu mhux tfixkel il-ġid komuni, iżda ssaħħu kontra d-dgħufijiet umani kollha.
L-ebda Nisrani ma jista’ jippretendi li Ġesù kien iwieġeb mod ieħor. Ma nistgħux nippretendu li llum Ġesù kien iwieġeb: “Saħħu ż-żwieġ billi ddaħħlu d-divorzju!”
AĦNA, ĠESÙ, IŻ-ŻWIEĠ U D-DIVORZJU
Nixtiequ ngħidu dejjem lill-aħwa li ma jaqblux magħna, li aħna ma nistgħux inħobbu lis-soċjetà jekk mhux billi nwasslulhom dak li qalilna Ġesù. Hemm min igħidilna: “Agħmluha intom biss…” Irridu ngħidu lil dawn l-aħwa: “Ma nistgħux niefqu hemm, ma nistgħux ma naqdux il-missjoni ta’ Ġesù lis-soċjetà tagħna.” Tista’ d-dinja ma taċċettahiex, iżda tkun semgħetha! Aħna nifhmu l-kliem ta’ Ġesù: “Morru fid-dinja kollha xandru l-bxara t-tajba”, mhux biss fil-kuntest reliġjuż, iżda wkoll fil-kuntest tal-ġid tas-soċjetà biex il-Bxara t-tajba tkun ta’ ġid għal kulħadd. Mhijiiex impożizzjoni iżda offerta li qed nerġgħu nagħmlu lis-soċjetà tagħna.
Hekk nagħmlu meta ngħinu l-batut u ħadd ma jgħidilna li qegħdin nimponu; hekk nagħmlu meta nitkellmu favur il-ġustizzja u l-ambjent u ħadd ma jgħidilna li qegħdin nimponu. U hekk irridu nagħmlu bl-imħabba kollha fuq iż-żwieġ u l-familja.
Il-Knisja għandha l-missjoni li tqiegħed lil kull membru tagħha quddiem Sidna Ġesù Kristu u t-tagħlim tiegħu. B’din l-ittra nixtiequ nqegħidu lil kull Nisrani li għażel li jimxi wara Kristu, quddiem Ġesù stess, qisu qiegħed jisimgħu llum. Il-kliem ta’ Ġesù jsir id-dawl tal-kuxjenza li fuqha jrid jimxi n-Nisrani: issir responsabbiltà morali li jwettaqha. Huwa quddiem Ġesù li n-Nisrani jrid jagħti rendikont ta’ kull għemil tiegħu, anki fil-każ taż-żwieġ u d-divorzju!
U iktar minn hekk, quddiem il-kliem ta’ Ġesù n-Nisrani jrid iħoss ir-responsabbiltà li jieħu sehem fil-missjoni li jwettaq u jipproteġi t-tagħlim tiegħu. F’dan il-mument nagħmlu sejħa lil kull Nisrani, kemm fis-sejħa tiegħu bħala Nisrani, kif ukoll fir-rwol tiegħu fis-soċjetà, biex jieħu dan il-kliem ta’ Ġesù bħala sejħa biex iwassal il-kliem ta’ Ġesù. San Pawl hekk kellem fi żmienu lil Timotju: “…infakkrek biex tqajjem fik id-don ta’ Alla… għax Alla ma taniex spirtu ta’ biża’, imma Spirtu ta’ qawwa, ta’ mħabba u ta’ rażan” (2 Tim 1,7).
Fl-istorja tal-Knisja, mumenti bħal dawn kienu importanti biex il-Knisja iktar tikber. Nixtiequ nqegħidu dan kollu fil-kuntest tal-Evanġelizzazzjoni Ġdida, jiġifieri li l-Knisja tlaqqagħna mhux mal-Knisja biss iżda ma’ Ġesù permezz tagħha. Dak li xtaqna nagħmlu f’din l-Ittra.
Inħeġġu lill-aħwa Nsara kollha – lajċi, saċerdoti, reliġjużi – li jieħdu f’idejhom dan it-tagħlim kollu u jwassluh lill-oħrajn b’imħabba u kuraġġ.
Nagħtukom il-barka pastorali tagħna.
Maħruġa llum, il-Ġimgħa15 ta’ Ottubru 2010.
PAWLU CREMONA O.P. MARIO GRECH
Arċisqof ta’ Malta Isqof ta’ Għawdex