Il-Knisja “dawl tal-ġnus”
Ir-rakkont tan-nawfraġju ta’ Missierna Pawlu fuq ix-xtut tagħna, li jagħtina Luqa fl-Atti tal-Appostli, f’ċertu sens huwa r-rakkont tal-ġrajja tal-lum! Għaliex fostna għaddejja tempesta. Il-ħalel kbar tal-baħar kulma jmur qegħdin jipperikolaw il-ħajja ta’ ħafna individwi, tal-familji tagħna, tal-komunitajiet Insara, u anki l-ħajja tas-soċjetà tagħna.
Imma r-rakkont tan-nawfraġju fih nota pożittiva, li mhux biss għamlet kuraġġ lil dawk li kienu ma’ Pawlu fuq il-ġifen, imma tagħmel kuraġġ lilna lkoll illum. Għax lin-nies ta’ madwaru, mhedda b’diversi modi minn dik it-tempesta, Pawlu jiżgurahom li ħadd minnhom ma kien ser jintilef. Pawlu jagħtihom kelma assiguranti, għax Alla kien magħhom biex jirbħu l-elementi tan-natura.
U f’din iċ-ċirkustanza nixtieq naqsam magħkom aħbar tajba, għaliex anki aħna għandna x’jagħmlilna kuraġġ, x’jimlina bit-tama quddiem in-nawfraġji li qegħdin nassistu għalihom. Fostna għandna l-preżenza ta’ Pawlu: preżenza pperpetwata permezz tal-Knisja Appostolika.
Dalwaqt niċċelebraw il-ħamsin sena minn meta beda l-Konċilju Vatikan II. Dan il- Konċilju jagħtina kostituzzjoni dommatika sabiħa dwar il-Knisja u jirrikonoxxi l-Knisja ta’ Kristu bħala “Lumen gentium” – dawl tal-ġnus. Il-Knisja hija msejħa biex taqbad l-istess triq ta’ Kristu ħalli twassal lill-bnedmin il-frott tal-fidwa (nru 8). Bil-mandat li taha Kristu, il-Knisja xxandar il-Bxara t-Tajba u tfejjaq lill-bniedem minn kull xorta ta’ mard, mhux biss dak fiżiku imma wkoll dak spiritwali u morali. Ma naqtgħux qalbna, għaliex fostna hija preżenti l-Knisja ta’ Kristu, dik il-Knisja illi taf it-tnissil tagħha fil-gżejjer tagħna permezz ta’ Missierna San Pawl.
Eżami tal-kuxjenza
Fl-istorja sabiħa ta’ ġensna hemm diversi episodji illi jikkonfermaw li matul dawn l-elf disa’ mija u ħamsin sena l-Knisja kienet dawl għall-poplu tagħna u strument biex il-bnedmin jiksbu l-ħelsien veru. Allura llum nistaqsi: X’inhi r-raġuni li f’pajjiżna l-Knisja qed tiġi tant miġġielda? Għaliex fostna għandna tant qilla kontra l-Knisja? Għaliex illum il-Knisja mhix preżenza li ddawwal, tfejjaq, twassal il-Bxara t-Tajba u l-verità fuq ħafna aspetti tal-ħajja tagħna? Jistax ikun illi bħala Knisja bdejna nitilfu mill-identità u l-awtentiċità tagħna?
Xieraq nagħmlu eżami tal-kuxjenza u naraw jekk aħniex tassew il-Knisja ta’ Kristu. Għax nistgħu nkunu “knisja”, imma ma nkunx il-Knisja ta’ Kristu! Jeżistu ħafna Knejjes imxerrdin ’l hawn u ’l hemm mal-erbat irjieħ tad-dinja li mhumiex il-Knisja ta’ Kristu. Din il-Knisja ta’ Kristu teżisti fil-Knisja Kattolika. Inħoss illi huwa doveruż u urġenti illi aħna nagħmlu dawn il-mistoqsijiet, mhux fuq ħaddieħor, imma fuqna nfusna. Għax din il-Knisja suppost hija mżejna b’erba’ kwalitajiet li kull nhar ta’ Ħadd nistqarruhom fil-Kredu tagħna: aħna nistqarru li nemmnu fil-Knisja waħda, qaddisa, Kattolika u Appostolika. Forsi tant drajna ngħidu l-Kredu bl-amment li ma nirrealizzawx b’liema impenn qegħdin nagħmlu din l-istqarrija tal-fidi. Għaliex jekk il-Knisja titlef l-Appostoliċità tagħha allura ma tibqax il-Knisja ta’ Kristu u ta’ Pawlu. Jekk nitilfu din id-dimensjoni Appostolika tal-Knisja, kulma jibqgħalna minn Pawlu tkun biss figura storika u mhux ir-ruħ li tanima l-poplu ta’ Alla f’pajjiżna.
Alla l-għajn tal-verità
Xi jfisser li tkun Knisja Appostolika? L-ewwel u qabel kollox ifisser illi bħala Knisja lokali aħna konna mwaqqfa minn Appostlu. Jien nifraħ meta nara din id-devozzjoni lejn Missierna l-Appostlu Pawlu, għaliex hija konferma li aħna ngħożżu dan id-don Appostoliku. Anki kieku kien xi ħadd ieħor li waqqaf il-komunità Nisranija, xorta kien ikollna din id-dimensjoni Appostolika, peress li nkunu nagħmlu parti mill-Knisja Kattolika; imma aħna nistgħu niftaħru quddiem il-ġnus illi aħna għandna dik li tissejjaħ “l-Appostoliċità tal-oriġni”. Ftit huma dawk il-Knejjes imxerrdin mad-dinja illi jistgħu jiftaħru illi huma mwaqqfa minn dak li qal: “Jiena ġejt imsejjaħ biex inkun Appostlu tal-ġnus”. Dan jimplika li aħna għandna responsabbiltà akbar minn ta’ ħaddieħor, illi nikkuraw u napprezzaw din id-dimensjoni tal-Knisja Appostolika.
L-Appostoliċità tal-Knisja tfisser li permezz tal-Appostlu Pawlu għandna garanzija li qegħdin naduraw lil Alla l-veru f’Ġesù Kristu, li fil-milja taż-żmien twieled minn mara, kif jgħid San Pawl lill-Galatin. Hija waħda mit-theddidiet li għandna fi żminijietna, dik li l-Papa riċentement sejħilha “soċjetà b’ħafna divinitajiet”. Erġajna ġejna qisna f’dak iż-żmien tal-arjopagu ta’ Ateni, fejn Pawlu jidħol u jsib ħafna niċeċ, għaliex is-soċjetà ta’ Ateni kienet tqim diversi allat. L-istramberija hi li aħna formalment għandna isem ta’ poplu Kristjan, imma fl-istess ħin waqajna f’din in-nassa illi aċċettajna u ħloqna diversi allat. Għamilna lill-bniedem alla, tant li lill-bniedem qegħdin nattribwulu dak li hu propju ta’ Alla. Suppost f’Alla biss naraw l-għajn ewlenija ta’ x’inhi l-verità, x’inhu t-tajjeb u x’inhu l-ħażin. Imma llum, billi l-bniedem iħossu daqs Alla, jemmen li jista’ joħloq u jistabbilixxi x’inhu t-tajjeb u x’inhu l-ħażin, x’inhu l-veru u x’inhu l-falz. L-ekonomija u x-xjenza għamilniehom “allat” ta’ żminijietna. Hawn min huwa ssagrifikat biex ikattar il-ġid anki b’mezzi illeċiti; hawn min jaħseb li dak kollu li x-xjenza tippermetti li jsir huwa moralment leċitu. Hemm ħafna affarijiet oħra illi llum tajniehom il-pedestall ta’ Alla!
Iċ-ċentralità ta’ Kristu
Xi wħud għandhom immaġni ta’ Kristu tant deformata u ridotta li qed jirriskjaw li jivvintaw alla ieħor bl-isem ta’ Kristu li huwa differenti minn Ġesù ta’ Nazaret! Huwa fatt li xi drabi aħna nagħmlu ċelebrazzjonijiet f’ġieħ Kristu, imma fl-istess waqt sajmin qatigħ minn dak li jgħid Kristu! L-Appostlu huwa dak li jiggarantilna min hu Alla l-veru. Nieħdu f’idejna l-ittri ta’ San Pawl u naraw b’liema passjoni huwa jitkellem dwar Alla u dwar Kristu, b’liema ħeġġa jrid ilaqqa’ lill-bniedem ma’ dan Alla u ma’ Kristu! Dan hu aspett tal-Knisja Appostolika: illi tagħraf u tadura lil Alla l-veru.
L-għan prinċipali tan-Nota Pastorali li l-Arċisqof u jien ħriġna dan l-aħħar huwa biex inħeġġu lill-poplu Nisrani f’pajjiżna jerġa’ jrodd iċ-ċentru lil Kristu; għamilna sejħa biex “inqiegħdu lil kull Nisrani quddiem Kristu”. Forsi xi wħud ma jimmaġinawx għaliex illum il-ġurnata aħna, bħala rgħajja spiritwali, ħassejna l-urġenza li nagħmlu stedina ċara biex nersqu u rressqu lill-oħrajn fil-preżenza ta’ Kristu! L-għarfien tagħna ta’ Kristu llum tant huwa mgħawweġ u dgħajjef illi nibża’ li l-Knisja tagħna tgħajjat bi Kristu imma mhix tgħix fil-preżenza ta’ Kristu! Din il-qagħda hija serja ħafna. Dan jidher b’mod partikulari mill-geġwiġija li hawn dwar il-ħajja taż-żwieġ u tal-familja. Nifhem li dawk li ma jemmnux f’Alla u fi Kristu huma mħawdin; imma possibbli aħna d-dixxipli ta’ Kristu wkoll imħawda? Il-fatt li aħna mifxulin jista’ jfisser illi m’aħniex fil-preżenza ta’ Alla, li ttraskurajna lil Kristu. Għalhekk għandna għax nitħassbu kemm l-Appostoliċità għadha kwalità tal-Knisja tagħna!
Fedeltà lejn il-Vanġelu
L-Appostlu huwa garanzija li jwasslilna l-Vanġelu b’mod awtentiku u mingħajr qtugħ, tidwir u tgħawwiġ. Kristu lill-Appostli jibgħathom ixandru l-Bxara t-Tajba. Anki Missierna Pawlu jħossu mibgħut biex ixandar il-Vanġelu. Illum hemm ir-riskju illi biex inkunu politically correct u ma nurtawx, naraw kif inbenġlu l-Vanġelu u ma nħalluhx ikun, fi kliem San Pawl, xafra taqta’ minn żewġ naħat. Nieħdu l-eżempju tad-diskors li qed isir fuq iż-żwieġ. Kliemna jrid ikun ċar, għax jekk tonqos iċ-ċarezza nistgħu nagħmlu delitt kbir: nistgħu noqtlu l-kuxjenzi.
Fin-Nota Pastorali ngħidu li l-kuxjenza trid tkun imdawla mill-Kelma ta’ Kristu u xejn aktar: li l-kliem ta’ Ġesù jsir id-dawl tal-kuxjenza li fuqha jrid jimxi n-Nisrani, issir responsabbiltà morali li jwettaqha. Fin-Nota Pastorali nfakkru wkoll fil-Bxara t-Tajba ta’ Kristu dwar iż-żwieġ: “Dak li jgħaqqad Alla m’għandux jifirdu l-bniedem”. Kristu ma qagħadx jibża’ li mhux se jintgħoġob, li se jitlef in-nies, li se jidher ikrah; imma tenna dak li Alla ried sa mill-bidu tal-ħolqien: “Ma qrajtux li sa mill-bidu l-Ħallieq għamilhom raġel u mara?… U t-tnejn isiru ġisem wieħed”. Possibbli fuq dan hemm għaliex jinkiteb pataflun ta’ karti u naħlu sigħat ta’ ħin fuq il-mezzi tax-xandir?
Kieku kellna niġbdu l-attenzjoni lil Kristu biex ngħidulu li f’Malta u Għawdex biss għadna moħħna marbut u nemmnu fl-indossulibbiltà taż-żwieġ, u li d-dinja progredita, speċjalment il-Punent, għamlet passi kbar ’il quddiem tant li ħadet miżuri oħra fir-rigward taż-żwieġ, Kristu xorta ma jbiddilx il-kelma tiegħu, ma jgħawwiġx il-verità!
Issa l-Appostlu huwa dak illi jtennilna dak li qal Kristu. Hu ma jgħid xejn minn żniedu. Jekk fostna hawn min jgħid affarijiet minn żniednu, qed nipperikolaw l-Appostoliċità tagħna. Inħarsu lejn kif Pawlu jitkellem dwar iż-żwieġ u l-familja. Hu jtenni dak li qal Kristu (1 Kor 7). Tgħid Pawlu ma kienx bravu bħalma huma bravi n-nies illum, u għalhekk kapaċi jadatta l-messaġġ Kristjan f’soċjetà fejn kien hemm il-poligamija u fejn il-liġi Rumana kienet tagħti l-permess li wieħed jgħaddi minn żwieġ għall-ieħor? Imma Pawlu jgħid li r-raġel għandu jkollu martu u l-mara jkollha żewġha (1 Kor 7:1).
Pawlu għandu kliem iebes meta jitkellem dwar iż-żina (1 Kor 5). Illum meta nitkellmu dwar it-tkissir taż-żwiġijiet nużaw ħafna kliem sabiħ u ma npoġġux subgħajna fuq il-kawża vera tat-tifrik! M’iniex ngħid li ż-żina biss huwa l-kawża; imma żgur li huwa waħda mill-kawżi prinċipali. Pawlu jitkellem ukoll dwar il-ġmiel tal-ħajja miżżewġa, anzi b’mod profetiku l-Appostlu jxebbah l-għaqda ta’ Kristu u l-Knisja mal-ġmiel tar-rabta li hemm bejn raġel u l-mara (Efes 5). Dalwaqt niġu f’sitwazzjoni fejn ikollna bżonn infittxu tixbiha oħra flok iż-żwieġ, għax dak li jgħid Pawlu ma jibqax jiftiehem. Kif nista’ nfiehem lil xi ħadd illi Kristu jħobb lill-Knisja bħalma raġel iħobb lil martu, u li Kristu jagħti ħajtu għall-Knisja bħalma raġel jagħti ħajtu għal martu, jekk għad naslu fi żmien meta nibdlu n-natura taż-żwieġ b’ċerti proposti illi jriduna nagħmlu?
San Tumas ta’ Aquino, li kien teologu leali lejn Kristu u l-Knisja, flok il-kelma “Appostoliċità” juża l-kelma “firmitas”, stabbiltà, fermezza u ċertezza fid-duttrina. Għalhekk min irid iħares din id-dimensjoni Appostolika tal-Knisja, irid ikollu l-Vanġelu u jħarsu b’mod sod u qawwi. Dan hu l-kontribut li aħna rridu nagħtu lis-soċjetà li għaddejja mill-maltemp li semmejt aktar ’il fuq.
Għaqda mal-Knisja
L-Appostlu huwa garanzija tal-għaqda fil-Knisja. Hemm ir-riskju illi, kif ġralha fl-imgħoddi, anki llum il-Knisja tinqasam u l-għadd tal-Insara mifruda joktor. Imma l-Appostlu hu dak li jiggarantixxi l-għaqda, għax kif jgħid missier it-Teoloġija Kattolika, Sant’Irinew minn Lyon, l-għaqda fil-Knisja titħares għaliex hemm duttrina waħda, għax l-Insara jħaddnu verità waħda. Din l-għaqda l-Appostlu jiggarantiha għaliex hu mhux waħdu, imma jagħmel parti minn dak li jissejjaħ il-Kulleġġ tal-Appostli. L-Appostlu huwa marbut mal-Appostli l-oħra.
Kienet ir-rieda ta’ Kristu illi fost l-Appostli huwa għażel lil Pietru biex ikun il-kap. L-Appostlu Missierna Pawlu jistqarr li wara li għamel l-esperjenza tad-deżert huwa mar Ġerusalemm biex iżur lil Kefa (Gal 1:18), biex Pietru jikkonfermah fl-Appostoliċità tiegħu, jikkonfermah fil-mandat li tah Kristu! Darb’oħra, meta nħass il-bżonn li l-Appostli jiltaqgħu flimkien ħalli jiċċaraw xi punti, minn Antjokja Pawlu telaq lejn Ġerusalemm, fejn kien iċċelebrat l-ewwel Konċilju tal-Knisja ppresedut minn Pietru!
Għalhekk, jekk irridu nħarsu l-Appostoliċità tagħna, ma ninsewx din ir-rabta u s-sottomissjoni tagħna lejn Pietru tal-lum, fil-persuna tal-Papa. Bil-ministeru Petrin tiegħu l-Papa lilna jikkonfermalna jekk l-interpretazzjoni li qegħdin nagħtu tal-Vanġelu hix korretta jew le; jiżgurana mill-kontinwità mat-Tradizzjoni tal-Knisja.
Is-suċċessuri tal-Appostli llum huma l-isqfijiet ta’ kull djoċesi. Billi jiena isqof, dan ngħidu bil-biża’ u t-tregħid għax nagħraf ir-responsabbiltà illi Kristu u l-Knisja għabbewni biha. B’umiltà u sinċerità nistqarr li xi darba nħoss li dan il-piż jisboq il-ħila tiegħi! Imma l-isqfijiet tal-Knejjes partikulari mhumiex waħidhom: flimkien ma’ sħabhom l-isqfijiet u f’għaqda sħiħa mal-Papa huma jiffurmaw il-Kulleġġ Appostoliku. Għalhekk il-kelma tal-isqof tiswa.
Knisja missjunarja
Hemm aspetti oħra tal-Appostoliċità, fosthom il-missjonarjetà. Kristu jibgħat lill-Appostli fid-dinja kollha. Dak il-mandat għadu jgħodd illum u jgħodd anki għalina bħala Knisja Appostolika. Aħna n’għandniex ningħalqu bejn l-erba’ ħitan tal-knisja, m’għandniex nirtiraw mill-pjazza. Imsaħħin f’dan il-ministeru Appostoliku u bil-qawwa tal-grazzja, għandna nxandru madwarna l-verità. Kif ngħidu fin-Nota Pastorali, “aħna ma nistgħux inħobbu lis-soċjetà jekk mhux billi nwasslulha dak li qalilna Ġesù… ma nistgħux ma naqdux il-missjoni ta’ Ġesù lis-soċjetà tagħna”. B’dan il-mod inkunu l-Knisja li hija dawl tal-ġnus; bħala Knisja nkunu mezz ta’ salvazzjoni anki għall-poplu tagħna. Hekk dak li mhux qed jagħti ħaddieħor nagħtuh aħna, mhux biss f’pajjiżna imma wkoll barra minn pajjiżna.
Meta kien fostna l-Papa Ġwanni Pawlu II kien ħeġġiġna biex l-evanġelizzazzjoni li wettaq fostna Missierna San Pawl aħna nwettquha mhux biss f’pajjiżna imma wkoll lil hinn minn xtutna. Propju dawn il-ġranet il-Papa Benedettu XVI għadu kemm ippubblika dokument dwar struttura ġdida li waqqaf fi ħdan il-Knisja f’Ruma biex ikun hemm evanġelizzazzjoni ġdida tal-Punent. Nittama li aħna ma nkunux dawk illi jirċievu azzjoni ta’ evanġelizzazzjoni minn din l-istruttura, imma nkunu dawk li jsostnu dan il-moviment missjunarju ġdid illi l-Papa jrid jinawgura fil-Punent.
Il-prezz tax-xhieda appostolika
Imbagħad, aspett importanti tal-ħajja tal-Appostlu huwa l-martirju. L-Appostli kollha ssagrifikaw ħajjithom biex jagħtu xhieda bit-tixrid ta’ demmhom. Qed ngħixu fi żmien meta, biex wieħed jagħti xhieda evanġelika u Appostolika x’aktarx ikollu jħallas prezz. Issa jew aħna Knisja li lesta li tqum fuq saqajha u tkun preżenti u magħquda biex twassal dan il-messaġġ bil-kelma u bl-eżempju, jew inkella nagħmlu novena lill-Appostlu San Pawl ħalli jerġa’ jgħinna nirkupraw din l-Appostoliċità tagħna! Bl-interċessjoni tal-Appostlu Pawlu aħna mhux biss inħarsu l-kwalità tal-Appostoliċità, il-Kattoliċità u l-għaqda, imma nkunu Knisja qaddisa fid-dinja tal-lum.