Bżonn ta’ bilanċ fil-familja – Imħabbra uffiċċjalment Ittra tal-Papa Benedettu XVI
Messaġġ ta’ Mons Isqof Mario Grech
Seminar għall-membri tal-Kummissjonijiet Parrokkjali Familja, Koppji animaturi Mixja Għarajjes u Saċerdoti responsabbli
Ċentru ta’ Kana, Rabat, Għawdex – Is-Sibt 25 ta’ Settembru 2010

Meta  dalgħodu (is-Sibt 25 ta’ Settembru 2010) fiċ-Ċentru ta’ Kana, Victoria, Għawdex, l-Isqof Mario Grech ikkonkluda Seminar organizzat mill-Kummissjoni Familja tad-djoċesi t’Għawdex għall-koppji li qed iwettqu ħidma pastorali fil-parroċċi mal-għarajjes u l-familji, huwa wassal dan il-messaġġ:

“In-nuqqas ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin hieles qed ikun kawża ta’ problemi fil-ħajja tal-koppji u tal-familji. Il-kompetizzjoni tas-suq u l-mira li jinkiseb il-profitt massimu qed iwasslu biex mhux biss ikunu ssagrifikati d-drittijiet tal-ħaddiem, imma wkoll id-drittijiet tal-familja! Mhux biss dejjem qed jitnaqqar il-ħin liberu li wieħed jista’ jiddedika għall-familja, imma xi drabi hemm fostna imprendituri li jorganizzaw huma stess il-ħin liberu tal-ħaddiema tagħhom b’mod u manjiera li jfixklu l-ħajja taż-żwieġ u l-familja!

Il-mod kif wieħed iħares lejn ix-xogħol jinfluwenza l-għażliet tiegħu fil-kuntest tal-familja, ir-relazzjonijiet bejn l-għarajjes, bejn il-koppja miżżewġa u bejn il-ġenituri u l-ulied. Meta persuna tinħakem fl-ingranaġġi tax-xogħol, tiftaqar il-kwalità tal-komunikazzjoni mal-ohrajn u wieħed ma jibqagħlux ħin biex jinvesti fil-ħbiberija, fil-kultura, sports, eċċ.

Meta jintrikeb mill-għejja tax-xogħol, hemm ir-riskju li l-bniedem ma jħarisx lejn il-ftit ħin liberu bħala ħin biex jinvesti fir-relazzjonijiet familjari, imma pjuttost bħala mezz ta’ ħarba mir-realtà, u biex jinsa jfittex okkażjonijiet tal-massa u storbjużi; għalhekk, hekk anke il-ħhin liberu jitlef it-tifsira tiegħu.

Ix-xogħol huwa barka meta jgħin fl-iżvilupp sħiħ tal-persuna; imma importanti li jkunu rispettati l-aspetti kollha tal-bniedem: dak individwali, familjari u komunitarju. Huwa fatt li minħabba l-ħin twil applikat għax-xogħol, l-individwaliżmu qed jikber u kemm il-bniedem kif ukoll il-familja kull ma jmur qed dejjem jinqatgħu għalihom!

Politika favur il-familja tieħu ħsieb kemm l-ekonomija tal-familja kif ukoll it-tisħiħ tar-relazzjonijiet familjari. Għalhekk, jekk irridu ngħinu lill-familja, huwa l-mument li niskopru l-valur tal-ħin flimkien, partikularment fil-Jum tal-Ħadd li, barra li huwa jum ta’ festa reliġjuża, huwa wkoll jum ta’ festa għall-familji.

Il-Pjan Pastorali  għal din is-sena għad-djoċesi t’Għawdex jaħseb biex jgħin lill-komunità Nisranija tapprezza aktar l-Ewkaristija (Quddiesa) tal-Ħadd bit-tama li nerġgħu rroddu lill-Ħadd it-tifsira proprja tiegħu: il-Jum tal-Mulej, tal-bniedem, tal-familja u tal-komunità.

Proprju lbierah ġiet ippubblikata ittra li l-Papa Benedittu kiteb lill-Kardinal Antonelli li huwa l-President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Familja dwar il-Laqgħa Dinjija għall-Familji li ser issir f’Milan fl-2012.  F’din l-Ittra, il-Papa ħabbar li t-tema għal din il-ġrajja mondjali ser tkun: “Il-Familja: xogħol u ħin liberu” – xieraq li l-familji tagħna jagħmlu riflessjoni u tħejjija għal din il-ġrajja.

Fl-istess Ittra l-Papa ħabbar li s-sena li ħejja niċċelebraw it-30 anniversarju tal-Eżortazzjoni Apostolika tal-Papa Ġwanni Pawlu II Familiaris Consortio. Nappella lil dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-ġid tal-familji tagħna biex nerġgħu naqbdu f’idejna din il-magna charta tal-pastorali tal-familja, speċjalment fiċ-ċirkustanzi li qegħdin ngħixu fihom, fejn hemm bżonn tasal il-bxara t-tajba dwar il-familja.

Irrodd ħajr lil Dun Anton Teuma, Delegat tiegħi għall-pastorali tal-Familja fid-djoċesi, kif ukoll lill-Kummissjoni Djoċesana Familja, lilkom koppji membri tal-Kummissjonijiet Parrokkjali Familja u lill-Moviment ta’ Kana li f’ħidma flimkien qed twettqu ħidma pastorali sfieqa mal-għarajjes, il-koppji miżżewġa u l-familji. Il-preżenza ta’ wċuħ ġodda f’dawn il-Kummissjonijiet tagħmlilna kuraġġ għax hija konferma tal-vitalità tal-ħajja Nisranija fil-parroċċi tagħna.  Ta’ dan kollu rrodd ħajr lilkom u nitlob lil Alla jżomm idejh fuqkom.