Aktar etika fid-dinja tal-finanzi

Meta nhar is-Sibt filgħodu, 18 ta’ Settembru 2010 sar il-ftuħ u t-tberik tal-fergħa tal-APS Bank fir-Rabat Għawdex, l-Isqof Mario Grech għamel dan id-diskors:

“Huwa fatt pożittiv ħafna li l-bank APS, meta qed ifakkar l-ewwel mitt sena tiegħu, fetaħ mill-ġdid il-fergħa tiegħu f’Għawdex wara ħidma estensiva ta’ ristrutturazzjoni. Din il-fergħa tfisser il-preżenza tal-APS fil-gżira t’Għawdex u l-interess tal-bank biex jindirizza l-issues partikulari tal-gżira Għawdxija.

Fuq livel nazzjonali, il-bank APS, barra li qed jagħti servizzi finanzjarji li jġibu ’l quddiem l-interessi tal-klijenti u l-ekonomija tal-pajjiż, huwa kommess li jsaħħaħ il-bażi etika fl-attività bankarja. Din il-viżjoni tal-APS tagħmel ħafna sens speċjalment meta wieħed iqis dak li jgħid il-Papa Benedettu XVI li kull deċiżjoni ekonomika għandha l-konsegwenzi morali tagħha. Infatti, minħabba n-nuqqas ta’ pedament etiku sod, dan l-aħħar l-attività ekonomika għabbiet lil miljuni ta’ nies b’diffikultajiet kbar!

Napprezza l-fatt li l-APS huwa l-unika istituzzjoni bankarja f’pajjiżna li huwa msieħeb fil-Federazzjoni Ewropeja tal-banek etiċi u alternattivi (FEBEA), li għandha l-għan li fl-Ewropa tiżviluppa sistema finanzjarja msejsa fuq l-etika. Il-Kodiċi tal-etika ta’ din il-Federazzjoni jelenka l-valuri li għandhom ikunu l-bażi ta’ kull ħidma bankarja: iż-żentralità tal-persuna, inkluż ir-rispett lejn dawk li jaħdmu fl-istituzzjoni; l-ekwità fit-tqassim ġust tal-ġid; ir-responsabiltà tal-bank dwar konsegwenzi mhux ekonomiċi ta’ deċiżjonijiet ekonomiċi; it-trasparenza; is-solidarjetà; is-sobrijetà; l-effikaċja u l-effiċjenza.

Nawgura li l-preżenza tal-APS f’Għawdex ma tkunx biss mutur ieħor li jimbotta ’l quddiem l-ekonomija tal-gżira, anke billi jindirizza issues speċifiċi ta’ Għawdex, imma wkoll istituzzjoni li tgħin ħalli tidħol aktar etika fl-attività ekonomika li ssir f’Għawdex”.