- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

SOĊJETÀ FEJN TGĦAMMAR IS-SOLIDARJETÀ
ITTRA PASTORALI TAL-E.T. MONS MARIO GRECH ISQOF TA’ GĦAWDEX
FL-OKKAŻJONI TAL-FESTA TA’ MARIJA MTELLGĦA S-SEMA 2010

Posted By admin On August 7, 2010 @ 6:28 pm In Pastoral Letters | Comments Disabled

SOĊJETÀ FEJN TGĦAMMAR IS-SOLIDARJETÀ

Minkejja li llum twessgħet ix-xibka tal-komunikazzjoni bejnietna, ħafna drabi l-bniedem xorta waħda għadu jsib ruħu jgħix waħdu, imdawwar minn folla anonima, fejn il-vuċi tiegħu tibqa’ mhix mismugħa u bla tweġiba.  Din is-solitudni mhux biss hija forma ġdida ta’ faqar, imma tkompli ttaqqal il-piż tal-faqar.

Tliet forom ta’ faqar
Kif ġie rrappurtat dan l-aħħar, f’pajjiżna hawn 15% tal-popolazzjoni fir-riskju ta’ faqar materjali.  Dan il-fatt iħassibna ħafna.  Għandna min hu fqir għax nieqes mill-mezzi.  Hemm ukoll dawk li, għax għandhom mezzi limitati, ma jifilħux għal ċerti piżijiet finanzjarji anke ta’ ħwejjeġ essenzjali.  Imbagħad hemm dawk li għandhom il-mezzi, imma ma jafux iħaddmu b’għaqal dak li għandhom u għalhekk iberbquh!

Hemm imbagħad il-faqar affettiv – jiġifieri dawk il-persuni li huma mċaħħda mill-imħabba.  M’humiex ftit dawk li għal raġuni jew oħra mhux biss għandhom qalbhom muġugħa, imma jsibu lil min jisqihom l-imrar flok l-imħabba.  Fost dawn hemm dawk li għandhom problemi fiż-żwieġ tagħhom jew dawk l-ulied li xi ħadd ħatfilhom l-għożża tal-familja.

Hemm ukoll il-faqar tal-karattru.  Karattru li mhux mibni sewwa, faċli jħarbat in-nisġa ta’ relazzjonijiet mal-oħrajn – fil-familja, fuq ix-xogħol, fil-komunità, u l-bqija.  Ħafna drabi t-tiswir tal-karattru jiddependi mill-formazzjoni li wieħed jirċievi jew jibqa’ ma jirċevix fi tfulitu.

Għaliex il-faqar?
Waħda mill-kawżi ta’ dan il-faqar kollu hija l-individwaliżmu li ħolqot il-kultura kapitalista.  Dan wassal biex jinfirex l-anonimat, tikber l-indifferenza u joktor in-numru ta’ dawk li, għalkemm parti mill-folla, qed jgħixu fis-solitudni!  Din l-indifferenza lejn il-bniedem batut mhix biss dnub li jagħmlu l-individwi personalment, imma wkoll tal-istituzzjonijiet kull darba li jonqsu milli jwettqu dmirhom f’soċjetà demokratika.  Mhux biss l-individwi saru indifferenti lejn xulxin, imma wkoll in-nazzjonijiet!

It-tweġiba tagħna: is-solidarjetà
Il-kmandament tal-imħabba li tana Ġesù huwa t-tweġiba għal din l-isfida: “Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin” (Ġw. 13,34).  Din l-imħabba tal-proxxmu tissarraf fi spirtu ta’ solidarjetà.  Ġesù qalilna ċar u tond: “Kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt. 25,40).  Kuntrarju għal kif jaħsbu xi wħud, is-solidarjetà mhix atteġġjament sentimentali jew xi forma ta’ assistenzjaliżmu!  Infatti tkun solidali ma jfissirx li tagħmel elemożina jew xi azzjoni karitattiva ta’ darba!  Kif jikteb il-Papa Benedettu XVI fl-enċiklika Caritas in Veritate, hemm bżonn negħlbu l-viżjoni frammentata tas-solidarjetà, jiġifieri ta’ solidarjetà bl-iskossi jew darba kull tant, u niskopru d-dimensjoni soċjali u politika tagħha.  Hemm rabta bejn is-solidarjetà u l-ġustizzja: għax li ma tittraskurax lill-proxxmu tiegħek jassigura ħarsien mhux biss tal-ġid individwali imma wkoll tal-ġid komuni.  Is-solidarjetà hija virtù li tesprimi ruħha f’imġiba abitwali u kontinwa tal-persuna – jiġifieri mġiba li ssir parti mill-karattru tal-persuna u li tidher fl-azzjonijiet kollha tagħha ta’ kuljum.  Is-solidarjetà hija dispożizzjoni tal-qalb li tgħaqqad iċ-ċittadini kollha flimkien b’tali mod li ħadd ma jitħalla jinħakem mix-xewqa li jintilef fil-folla anonima – għax huwa faċli li, biex wieħed ifarfar ir-responsabiltajiet tiegħu, anke dawk soċjali, jagħżel li jkun bla isem u jilbes il-maskra biex jaħbi wiċċu!

Atteġġjament ġdid: il-moderazzjoni
It-triq privileġġjata biex is-soċjetà konsumista tagħna ma titlifx dan l-ispirtu ta’ solidarjetà hija s-sobrjetà jew il-moderazzjoni.  Il-ħela u l-eċċessi fl-infiq jifgaw fil-bniedem dik il-vuċi li tgħidlu biex jagħti każ tal-proxxmu tiegħu fil-bżonn.  L-għażliet fil-ħajja ekonomika familjari u soċjali għandhom isiru bil-qies u l-moderazzjoni.  Atteġġjament sobriju jgħin biex ikun hemm aktar disponibiltà ħalli jkun hemm tqassim aktar ekwu tal-ġid miksub b’mod onest.  B’sobrjetà qed nifhmu li ma jkunx hemm tberbiq imma użu aktar responsabbli tar-riżorsi.  Kull azzjoni ta’ akkwist, barra li hija att ekonomiku  hija wkoll att morali, fis-sens li  hemm responsabiltà ta’ għemilna quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.

Din is-sobrjetà mhix biss valur personali imma wkoll istituzzjonali!  Hija ħaġa pożittiva li l-istituzzjonijiet jagħmlu razzjonalizzazzjoni tal-użu tar-riżorsi biex dawn jintużaw b’mod ġust, speċjalment f’dak li jirrigwarda t-tħaddim tal-fondi pubbliċi.  Abbuż minn fondi pubbliċi – jagħmlu min jagħmlu – mhu xejn għajr serq ta’ flus il-poplu.

Ma nistax ma nirrikonoxxix bi gratitudni s-sens ta’ solidarjetà li għandu l-poplu tagħna.  Apparti l-għaqdiet ta’ volontarjat u l-istituzzjonijiet ta’ karità li jżommu wieqfa bil-ġenerożità ta’ ħafna, insellem lil dawk is-sidien li fix-xhur li għaddew, b’riskju għall-patrimonju ekonomiku tagħhom, għażlu li ma jkeċċux lill-ħaddiema u baqgħu jipprovdulhom għajxien għalihom u għall-familji tagħhom.  Wieħed japprezza wkoll l-intervent tal-Istat u tal-imsieħba soċjali f’ċerti każijiet biex setgħu jiġu assigurati l-impiegi. Fl-istess waqt, wieħed jawgura li fostna jikber u jissaffa dan l-ispirtu ta’ solidarjetà.

Solidarjetà soċjali
Is-soċjetà trid tkun solidali maż-żgħażagħ tagħna, speċjalment billi tfittex tipprovdilhom xogħol produttiv, mhux biss biex jaqilgħu l-għajxien tagħhom imma wkoll biex jiksbu dinjità.  Din l-attenzjoni jeħtieġuha partikularment iż-żgħażagħ Għawdxin, li sakemm f’Għawdex ma jkunx hawn investiment serju mis-settur privat jew mis-settur pubbliku, ser jibqgħu ffaċċjati bl-isfida tal-emigrazzjoni interna bid-diffikultajiet li ġġib magħha.

Is-solidarjetà tissarraf ukoll fil-kontribut li kull ċittadin huwa fid-dmir li jagħti fir-rispett lejn il-liġijiet fiskali, biex il-kaxxa tan-Nazzjon tkun tista’ tipprovdi l-għajnuna lil min jeħtieġ, partikularment liż-żgħir.  Għalhekk tkun solidali jfisser li ma jkunx hemm evażjoni tat-taxxi.

Solidarjetà fl-edukazzjoni
Hemm bżonn inkunu solidali aktar mat-tfal tagħna billi noffrulhom aktar opportunitajiet edukattivi li jgħinuhom jibnu karattru sod u ta’ fibra.  Biex noffru dan is-servizz, is-sistema edukattiva għandha tgħin lill-għalliema biex mhux biss jgħallmu s-suġġetti akkademiċi imma jieħdu ħsieb il-bniedem sħiħ.  Xi drabi tingħata l-impressjoni li l-insistenza hija ħafna aktar fuq l-aspett akkademiku milli fuq il-formazzjoni  tal-persuna sħiħa.  Aspett importanti ta’ dan il-proċess edukattiv huwa l-formazzjoni etika u spiritwali tal-persuna.

Solidarjetà mal-familji
Qed tasal f’widnejna l-karba ta’ għadd ta’ żwiġijiet u familji li qed jiltaqgħu ma’ diffikultajiet li qegħdin ipoġġu f’riskju l-istabilità taż-żwieġ u l-għaqda tal-familja.  L-atteġġjament tagħna quddiem dawn id-drammi umani m’għandux ikun ta’ kundanna jew stmerrija!  Is-sens ta’ solidarjetà jitlob li noffru rimedju li jkun jaqbel man-natura taż-żwieġ u tal-familja – rimedju mmirat biex ifejjaq u jgħin lill-koppja f’diffikultà terġa’ tikseb l-istabilità u mhux biex jifred il-miżżewġin!  Il-Kummissjoni Djoċesana Familja qed tagħmel xogħol utli ħafna f’dan ir-rigward.  Fid-djoċesi ser inwaqqfu “Konsultorju tal-Familja” li jservi bħala “klinika” fejn koppja tista’ tirrikorri biex tikseb il-mediċina tal-fejqan u mhux id-daqqa tal-mewt!  Għalkemm inizjattiva bħal din titlob li d-Djoċesi tapplika riżorsi umani u finanzjarji kbar, jiena ċert li hemm ħafna li lesti jgħinu biex nagħtu n-nifs tal-ħajja lil min irid jgħix imma qed jinqatagħlu n-nifs!

Solidarjetà ambjentali
B’sens ta’ solidarjetà mal-ġenerazzjonijiet futuri, illum aktar minn qatt qabel aħna rridu nħarsu l-ambjent ta’ madwarna.  Il-qerda tal-ambjent biex ikun sodisfatt l-egoiżmu uman u l-kilba għall-flus tiġri meta l-bniedem jaħkem l-ambjent b’mod kapriċċjuż u jinsa għal kollox li warajh ġejjin bnedmin oħra li wkoll għandhom id-dritt li jgħixu f’dinja li tixraq lill-bniedem.

Alla solidali mal-bniedem
Il-festa ta’ Marija mtellgħa fis-sema tikkonferma kemm Alla huwa solidali mal-bniedem.  Alla tant ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem (ara Ġw. 3,16).  L-ewwel, Ġesù Kristu bata u miet biex ikun bħalna f’kollox; imbagħad, meta bil-qawmien tiegħu huwa rebaħ fuq il-mewt, b’solidarjetà magħna tana sehem minn din ir-rebħa fuq l-agħar għamla ta’ faqar li jista jaħkimna: id-dnub u l-mewt.  L-akkwist tal-Assunta huwa l-akkwist tagħna.  Dan huwa motiv biex nifirħu flimkien u naħdmu għal soċjetà fejn is-solidarjetà tgħammar fost il-bnedmin.

Nagħtikom il-barka pastorali tiegħi.

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, fil-Belt Victoria, illum, il-Ġimgħa 6 ta’ Awwissu 2010, festa tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej.

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Mons Salv Debrincat
Kanċellier


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2010/08/07/socjeta-fejn-tghammar-is-solidarjeta-ittra-pastorali-tal-et-mons-mario-grech-isqof-ta%e2%80%99-ghawdex-fl-okkazjoni-tal-festa-ta%e2%80%99-marija-mtellgha-s-sema-2010/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.