Archive for August, 2010

Il-Maġisteru u l-kuxjenza

Fl-okkażjoni tal-festa tal-Madonna ta’ Loreto, li ġiet iċċelebrata lbieraħ il-Ħadd 29 ta’ Awwissu 2010, fil-parroċċa ta’ Għajnsielem, Għawdex, Mons Isqof Mario Grech mexxa quddiesa pontifikali u fl-omelija li għamel wassal dan il-messaġġ:

Il-futur jiddependi minn kemm il-bniedem ikun kapaċi jew inkapaċi li jagħżel bejn dak li hu tajjeb jew ħażin, bejn dak li hu veru jew falz. Miskina dik is-soċjetà li ssejjaħ tajjeb dak li hu ħażin!

Il-progress materjali u xjentifiku huwa akkwist utli ħafna; imma jekk il-bniedem isir moralment illitterat, il-progress jista’ jinbidel f’forza qerrieda tal-umanità.

Bil-kisbiet ta’ tant drittijiet ċivili li seħħew mal-medda tas-snin, il-bniedem sar aktar ħieles; imma jekk il-libertà tkun miftuma mill-verità, il-libertà ssir biss liċenzja biex wieħed jagħmel li jrid, u hekk jirfes id-drittijiet tal-oħrajn.

Dan kollu l-bniedem jista’ jilqa’ għalih jekk jikkura l-kuxjenza morali tiegħu. Għalkemm huwa impenn diffiċkli u delikat biex wieħed ikollu kuxjenza vera, retta u ċerta, dan huwa proċess neċessarju. Billi l-kuxjenza hija t-tmun li tagħti d-direzzjoni tal-ħajja, tkun ħasra kbira għaċ-ċittadin u għas-soċjetà jekk il-kuxjenza timrad, togħdos fl-iżball jew saħansitra titlef is-sensibiltà tagħha.

Biex wieħed iserraħ fuq il-kuxjenza tiegħu u jimxi magħha, il-kuxjenza trid tkun iffurmata u mdawla bil-verità. Din il-verità teżisti qabel il-kuxjenza: ix-xogħol tal-kuxjenza huwa li ssib u tapplika din il-verità.

Għall-Kattoliċi l-Maġisteru (duttrina) tal-Knisja huwa don provvidenzjali għax jgħallem dawk il-prinċipji tal-morali li, fid-dawl tagħhom, il-ġudizzju tal-kuxjenza jista’ jkun veru, rett u ċert. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħid li l-Maġisteru tal-Knisja jgħin fil-formazzjoni tal-kuxjenza (n.1785). Il-Maġisteru tal-Knisja mhux ostaklu, imma għajnuna mogħtija minn Kristu lill-bnedmin ta’ rieda tajba biex ifittxu, isibu u jilqgħu l-verità: huwa qiegħed hemm biex il-kuxjenza morali tasal b’mod ċert għall-verità. Il-Maġisteru tal-Knisja mhux opinjoni fost il-ħafna opinjonijiet oħra. Il-Maġisteru mhux realtà li jnaqqas, jhedded jew ineħħi l-libertà tal-kuxjenza personali, imma għajnuna li ddawwal il-kuxjenza.

Fi kliem il-Papa Pawlu VI, il-Kattoliċi għandhom juru ubbidjenza u rispett profond u leali, intern u estern, lejn il-Maġisteru tal-Knisja. Dan id-dmir ġej mill-fatt li aħna nemmnu li r-rgħajja spiritwali għandhom id-dawl tal-Ispirtu biex ifissru l-verità (Humanae Vitae, 28). Il-Konċilju Vatikan II jghallem li “meta l-isqfijiet jgħallmu f’għaqda mal-Isqof ta’ Ruma huma għandhom ikunu mismugħa minn kulħadd b’venerazzjoni bħala xhieda tal-verità divina u kattolika; il-fidili għandhom jaċċettaw il-ġudizzju tal-isqof tagħhom, mogħti f’isem Kristu, fi ħwejjeġ ta’ fidi u morali u joqogħdu għalih b’qima reliġjuża. Iżda din il-qima reliġjuża tar-rieda u tal-intellett għandha tingħata b’mod partikulari lill-maġisteru awtentiku tal-isqof ta’ Ruma, ukoll meta ma jkunx qiegħed jitkellem ex-cathedra, b’mod illi l-maġisteru l-iżjed għoli tiegħu jkun magħruf b’rispett u l-ġudizzju tiegħu jkunu obduti bis-sinċerita’ skont il-ħsieb u r-rieda li huwa juri. (Lumen Gentium n.25)

Newsheet tal-Għaqdiet Kattoliċi - Settembru 2010

 logonewsheet.jpg

Niżżel in-newsheet ta’ Settembru minn hawn

NOTA PASTORALI FUQ IŻ-ŻWIEĠ U L-FAMILJA
mill-Arcisqof Pawlu Cremona u l-Isqof t’Ghawdex Mario Grech

Il-Knisja tqis li x-xandir ta’ dak li temmen fih fuq bosta temi, inklużi ż-żwieġ u l-familja, huwa dmir tagħha quddiem Alla u servizz b’risq is-soċjetà. L-iskop ta’ din in-Nota Pastorali huwa li xxandar il-pożizzjoni tal-Knisja Kattolika lil dawk li jirrikorru lejha biex jiksbu direzzjoni. Permezz ta’ din l-Ittra, il-Knisja trid ukoll taqsam il-veduti tagħha mas-soċjetà Maltija inġenerali.
Il-Knisja minn dejjem tkellmet fuq is-sbuħija u l-importanza taż-żwieġ, il-bażi tal-familja bħala rigal fundamentali mogħti minn Alla. Din hija konvinzjoni valida kemm għaż-żwieġ bħala sagrament, kif ukoll għaż-żwieġ bħala istituzzjoni naturali.
B’mod partikolari, il-Knisja tibbaża t-twemmin tagħha fuq iż-żwieġ fuq il-kliem ta’ Sidna Ġesù Kristu, meta qal “Ma qrajtux li sa mill-bidu l-Ħallieq għamilhom raġel u mara, u qal, ‘Minħabba f’hekk raġel iħalli lil missieru u ‘l ommu u jingħaqad ma’ martu u t-tnejn isiru ġisem wieħed?’ Għalhekk mhumiex aktar tnejn, imma ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad Alla, m’għandux iħollu l-bniedem’” (Mt 19, 4-6).

Continue reading >>

Il-Bxara t-tajba dwar iż-żwieġ u l-familja

Għadd kbir ta’ familji lbieraħ, l-Erbgħa 11 ta’ Awwissu, inġabru fis-Santwarju Ta’ Pinu biex flimkien mal-Isqof Mario Grech isellmu lill-Madonna bit-talba tar-Rużarju. Fi tmiem it-talba saret il-konsagrazzjoni tal-familji lill-Madonna.

F’messaġġ li għamel f’din l-okkażjoni, l-Isqof Grexċh għamel sejha lill-familji biex fiċ-ċirkustanzi li għaddejja minnhom il-familja f’pajjizna, huma jersqu għand Kristu li għandu bxara tajba dwar iż-żwieġ u l-familja.  Għal Kristu, iż-żwieġ huwa esperjenza umana tant densa u sabiħa, li Hu għolla ż-żwieġ naturali għal sagrament li jagħti l-grazzja lill-mizzewġin. Il-kelma tal-Vanġelu kif imfissra mill-Knisja hija gwida u għajnuna għal dawk il-miżżewġin u l-familji li qed jiffaċċjaw xi problema. Il-miżżewġin Insara huma msejħa biex bħas-Sammaritan it-tajjeb ifejqu l-ġrieħi, jagħmlu l-qalb u jwieżnu lil min qed isib diffikultà biex jerfa’ r-responsabiltajiet taż-żwieġ u l-familja.

Continue reading >>

SOĊJETÀ FEJN TGĦAMMAR IS-SOLIDARJETÀ
ITTRA PASTORALI TAL-E.T. MONS MARIO GRECH ISQOF TA’ GĦAWDEX
FL-OKKAŻJONI TAL-FESTA TA’ MARIJA MTELLGĦA S-SEMA 2010

SOĊJETÀ FEJN TGĦAMMAR IS-SOLIDARJETÀ

Minkejja li llum twessgħet ix-xibka tal-komunikazzjoni bejnietna, ħafna drabi l-bniedem xorta waħda għadu jsib ruħu jgħix waħdu, imdawwar minn folla anonima, fejn il-vuċi tiegħu tibqa’ mhix mismugħa u bla tweġiba.  Din is-solitudni mhux biss hija forma ġdida ta’ faqar, imma tkompli ttaqqal il-piż tal-faqar.

Tliet forom ta’ faqar
Kif ġie rrappurtat dan l-aħħar, f’pajjiżna hawn 15% tal-popolazzjoni fir-riskju ta’ faqar materjali.  Dan il-fatt iħassibna ħafna.  Għandna min hu fqir għax nieqes mill-mezzi.  Hemm ukoll dawk li, għax għandhom mezzi limitati, ma jifilħux għal ċerti piżijiet finanzjarji anke ta’ ħwejjeġ essenzjali.  Imbagħad hemm dawk li għandhom il-mezzi, imma ma jafux iħaddmu b’għaqal dak li għandhom u għalhekk iberbquh!

Continue reading >>