Sintesi tal-omelija li għamel l-Isqof Mario Grech ilbieraħ il-Ħadd, 4 ta’ Lulju 2010 waqt pontifikal li qaddes fil-parroċċa tal-Għarb fl-okkażjoni tal-festa tal-Viżitazzjoni tal-Madonna lil Eliżabetta.
Waħda mill-isfidi li għandu l-bniedem illum hija li jipprova jagħraf u jimxi t-triq ta’ ħajtu ma jaqbadx triq li ma tkunx triqtu. Miskin hu dak li jsib ruħu qed jagħmel xogħol li ma jkunx għal qalbu jew ma jkunx konvint mill-istat li jkun ħa! Biex ikun f’paċi miegħu nnifsu u jkun jista’ jipproduċi, il-bniedem ma jistax jiżbalja l-vokazzjoni tiegħu.
F’termini psikoloġiċi, wieħed ma jistax ma jkunx jaf lilu nnifsu. Huwa għandu janalizza x’inhuma l-inklinazzjonijiet naturali, ix-xewqat profondi u l-abilitajiet tiegħu biex imbagħad f’ħajtu jkun jista’ jagħmel għażliet ħalli jħossu mwettaq u realizzat. Hekk bl-għażliet partikulari li jagħmel huwa jkun qed iwieġeb għall-vokazzjoni tiegħu biex hu jkun hu u mhux dak li ħaddieħor jew iċ-ċirkustanzi jriduh li jkun. F’termini teoloġiċi, il-bniedem tal-fidi jemmen li Alla, għax ihobb lill-bniedem, għandu pjan individwali għal kull persuna. Alla jagħmel sejha lill-bniedem u dan jibqa’ fil-libertà jekk iweġibx jew le għal din il-vokazzjoni.


