- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

GĦAL TQARBIN SEWWA
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Solennità tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej
Knisja Katidrali – Il-Ħadd 6 ta’ Ġunju 2010

Posted By admin On June 11, 2010 @ 10:03 am In 2010 | Comments Disabled

Lill-Insara ta’ Korintu San Pawl kellu jiktbilhom dak illi smajna fit-tieni qari llum (1 Kor 11:23-26) mhux għax ma kinux jafu jew qatt ma semgħu illi l-Mulej Ġesù fl-Aħħar Ċena ħa l-ħobż u bidlu f’Ġismu, ħa l-inbid u bidlu f’Demmu, imma għax fil-komunità ta’ Korintu mas-snin kienu nibtu abbużi kontra l-Ewkaristija. Il-poplu Nisrani ta’ dak iż-żmien kien beda jittratta l-Ewkaristija daqslikieku kienet ikel u xorb ieħor, tant illi Pawlu stess jiktbilhom li “kulmin jiekol il-ħobż jew jixrob il-kalċi tal-Mulej bla ma jixraqlu, ikun ħati tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej… Min jiekol u jixrob bla ma jagħżel minn ikel ieħor il-Ġisem tal-Mulej, ikun jiekol u jixrob il-kundanna tiegħu stess” (1 Kor 11:27-29).

Nispera li ma jkunx hawn xi ħadd li jgħid li l-Isqof ta’ Għawdex hu “fundamentalist” għax qiegħed jirrepeti t-tagħlim Kattoliku dwar l-Ewkaristija! Propju llum, fis-solennità tal-Corpus Domini, intenzjonalment jew mhux intenzjonalment, kompliet tixtered aħbar li tmur kontra t-tagħlim Kattoliku dwar l-Ewkaristija. Jiena nħossni fid-dmir, għalhekk, illi nfakkarkom x’inhi l-Ewkaristija!

Il-preżenza reali ta’ Kristu fl-Ewkaristija

Ma nistagħġibx li jinkiteb dak li jinkiteb, jew jingħad dak li jingħad, fi żminijietna! Qed ngħixu fi żmien fejn, għalkemm nidhru li aħna reliġjużi, qegħdin nitilfu s-sens tas-sagru, qegħdin nitilfu s-sens ta’ Alla. Ħaġa wara l-oħra, naslu wkoll biex nibdew nittrattaw l-Ewkaristija b’mod li ma jixirqilhiex, biex ma ngħidx li nkunu aħna stess li nkattru l-abbużi tal-Ewkaristija. Inħoss li rridu nagħmlu ftit waqfa bħala Knisja u naraw jekk it-twemmin tagħna fl-Ewkaristija hux awtentiku jew iddeġenerax maż-żmien.

It-twemmin tagħna fl-Ewkaristija huwa tqil għax ma jinftehimx bir-raġuni; imma fl-istess ħin huwa tagħlim sempliċi ħafna għal min għandu l-fidi. Nemmnu li l-ħobż u l-inbid, li minn hawn u ftit ieħor sejrin intellgħuhom fuq din il-mejda tas-sagrifiċċju, għall-kelmiet tas-saċerdot “Dan huwa Ġismi” u “Dan huwa Demmi”, għalkemm jibqgħu bit-togħma ta’ ħobż u nbid, is-sustanza tagħhom tinbidel. Dan fis-sens li, waqt li f’ħalqek tibqa’ ttiegħem l-għaġina u l-inbid, nemmnu li għall-kelmiet tal-Konsagrazzjoni dawn jinbidlu fil-Ġisem u fid-Demm ta’ Kristu. Fl-Ewkaristija hemm il-preżenza vera u reali ta’ Kristu l-Iben ta’ Alla, veru Alla u veru bniedem, bl-umanità u bid-divinità tiegħu.

Veru li r-riħ tal-Protestantiżmu, mingħajr forsi ma ndunajna, qiegħed jonfoħ fl-awli liturġiċi tagħna. Għax il-Protestanti, li huma Nsara, m’għandhomx l-istess twemmin li għandna aħna dwar l-Ewkaristija. Għal ħafna minnhom l-Ewkaristija hi biss sinjal jew sempliċi simbolu. Xi wħud minnhom iżommu li Kristu huwa preżenti fl-Ewkaristija, imma dan sakemm tispiċċa l-liturġija tagħhom. Filfatt ħafna fosthom ma jemmnux bħalna li hemm is-Sagrament fit-tabernaklu. Imma aħna nemmnu li l-ħobż ikkonsagrat li jifdal wara l-Quddiesa huwa l-Ġisem ta’ Ġesù u jibqa’ hekk.

It-twemmin tagħna fil-preżenza reali ta’ Ġesù fl-Ewkarstija m’għandux ikun biss tpaċpiċ bil-kliem, imma rridu nuruh bl-imġiba tagħna. X’jiswa li aħna jkollna mejda mħejjija tajjeb, imma mbagħad ma nersqux biex nirċievu dak l-ikel? Qiegħed nitkellem dwar il-qdusija u l-bżonn tat-tqarbin possibbilment kuljum. Issa daħlet id-drawwa li nitqarbnu darba kultant jew forsi darba l-Ħadd. Meta nagħmlu hekk, mingħajr ma nafu, indirettament inkunu qegħdin nibagħtu messaġġ li aħna ma nemmnux fl-Ewkaristija.

Rispett u qima lejn l-Ewkaristija

Kif inġibu ruħna aħna fil-preżenza tal-Ewkaristija, quddiem Ġesù ħaj? Il-prattika tagħna tixhed li ħadna wisq kunfidenza mal-Ewkaristija! Ngħidu aħna, kif inġibu ruħna malli nidħlu fil-knisja? Nemmnu li hawnhekk għandna s-Sagrament? Normalment aħna nsellmu lil xulxin, imma ħafna jinsew l-ewwel isellmu lil Kristu. Forsi m’aħniex konvinti li Hu qiegħed preżenti, u allura jkollna raġun ma nsellmulux! Jekk ma ssellimlux, x’aktarx tkun qiegħed tgħid li ma temminx li Hu qiegħed preżenti.

Kif inġib ruħi fil-preżenza ta’ Ġesù Ewkaristija? Aħna tgħallimna li ġest simboliku u espressiv quddiem il-Maestà Divina huwa propju billi ninżlu għarkupptejna quddiemu. Min tassew jemmen fl-Ewkaristija jgħożż l-adorazzjoni Ewkaristika. Imma llum irkupptejna bbiesu wisq biex nitgħawġu u ninżlu għarkupptejna, kemm quddiem is-Sagrament espost għall-adorazzjoni u kemm waqt il-Konsagrazzjoni fil-Quddiesa. Hemm bżonn li ma nibqgħux nilagħbu mal-Ewkarstija: fil-mument li Kristu jkun espost solennement fl-ostja, nemmnu jew ma nemmnux li hemmhekk hemm Alla, li aħna dħalna fil-preżenza tiegħu? Issa li spiċċaw il-Kwaranturi mqaddsa nistaqsi kemm minna sabu ftit ħin aktar mis-soltu u ġew jagħmluha ftit ma’ Ġesù Ewkaristija! Kollox jirrifletti l-profondità tat-twemmin tagħna fl-Ewkaristija.

L-istat tal-grazzja u l-mixja tal-konverżjoni

Imbagħad il-Knisja tgħallimna illi biex nersqu għall-Ewkaristija aħna rridu nkunu bla dnub, partikularment bla dnub mejjet. Fi kliem San Pawl, “ħa jgħarbel il-bniedem lilu nnifsu, imbagħad jiekol il-ħobż u jixrob il-kalċi”. Il-bniedem jista’ jaqa’ fid-dnub il-mejjet mhux biss b’attività sesswali barra miż-żwieġ, imma wkoll b’għażliet diversi oħra li jagħmel fil-ħajja, bħalma huma l-għażliet fil-kamp tal-ħajja, tal-ġustizzja, tal-komunjoni, tal-ħarsien tal-ambjent, u oħrajn. Hu żball li rriduċejna d-dnubiet għal dak li għandu x’jaqsam mas-sesswalità biss. Huwa tagħlim kostanti tal-Knisja li min ikun fid-dnub il-mejjet għandu bżonn iqerr qabel jersaq biex jirċievi l-Ewkaristija. Għax biex nitqarbnu rridu nkunu fil-grazzja ta’ Alla, u d-dnub il-mejjet iċaħħad dan l-istat tal-grazzja. Jien ma nistax nersaq nirċievi l-Ewkaristija jekk jiena mċappas bid-dnub il-mejjet, u t-tagħlim tal-Knisja kien u għadu illi qabel ma nersaq biex nirċievi l-Ewkaristija rrid nersaq biex niċċelebra r-rikonċiljazzjoni tiegħi permezz tas-sagrament tal-Qrar. Imma anki fuq is-sagrament tal-Qrar għandna xi ngħidu!

Din mhix kwistjoni ta’ min se jżommok li ma tersaqx jew min sejjer iressqek. Qed ngħidilkom it-tagħlim Kattoliku x’inhu. Magħmula tagħna jekk il-kuxjenzi tagħna illaxkaw daqshekk li jgħaddi kollox! Jekk wieħed ikun għamel għemil li fih innifsu huwa diżordni morali, anki jekk din il-persuna suġġettivament ikollha raġunijiet li jiskużawha jew inaqqsulha l-ħtija, xorta ma tistax tersaq titqarben jekk tista tkun ta’ skandlu għall-oħrajn.

Imma dan tagħlim li qatt ma smajnieh? Kien hemm bżonn dan il-kjass kollu? Issa min mhux qiegħed jifhimni f’dan kollu, nitolbu jsib qassis tal-affari tiegħu li jgħallmu dak li tgħallem Ommna l-Knisja u jitolbu jfissirlu dak li jiena qed ngħidilkom illejla. Xi ħadd ikkummentali fin-negattiv dwar l-istqarrija li aħna l-isqfijiet għamilna fuq it-tqarbin u dawk li huma f’sitwazzjoni irregolari taż-żwieġ. Lil din il-persuna għidtilha li fil-ġudizzju tiegħi dik l-istqarrija kien jonqosha sentenza waħda: illi ngħidu lil min qiegħed f’sitwazzjoni bħal din, imma qiegħed f’mixja ta’ konverżjoni, biex ifittex il-gwida ta’ saċerdot. Imma fl-istess nifs lil dik il-persuna żidt ngħidilha li għalkemm ġie f’moħħi ndaħħal dik is-sentenza, dan m’għamiltux. Għax sfortunatament hemm saċerdoti li m’iniex lest nafdalhom it-tmexxija tal-kuxjenzi!

Is-sawma u r-ringrazzjament wara t-tqarbin

Barra li neħtieġu nkunu fl-istat tal-grazzja biex nersqu għall-Ewkaristija, il-Knisja tgħallimna ħwejjeġ oħra importanti li fil-fehma tiegħi qegħdin nittraskurawhom. Ngħidu aħna, hemm is-sawma ta’ qabel it-tqarbin. Forsi hemm min ma jifhimx ir-raġuni ta’ din is-sawma siegħa qabel it-tqarbin. Imma dik is-sawma tgħinek tistenna l-mument tal-laqgħa ma’ Kristu! Għandha sens pedagoġiku, għax tippreparana talinqas minn siegħa qabel! Tfakkarna li mhux il-każ li wieħed jidħol mit-triq u jibqa’ sejjer “jibla’ l-ostja”. Is-sawma mill-ikel materjali tgħinna nagħmlu fuqna nfusna kontrolli spiritwali biex nieħdu ħsieb insewwu l-inkonsistenzi żgħar fil-ħajja Nisranija.

Barra din il-preparazzjoni ta’ qabel hemm il-mument ta’ ringrazzjament ta’ wara t-tqarbin. Veru illi l-aktar parti qasira fil-liturġija tal-Quddiesa hija mit-tqarbin sal-barka tal-aħħar. Ħafna drabi gwaj għaċ-ċelebrant jekk wara t-tqarbin jagħmel pawsa ta’ silenzju, għax jibdew “jitħarrku l-linef”! It-tmiem tal-Quddiesa ma jfissirx li aħna ġejna meħlusa milli nieqfu u nkomplu dak il-kollokju tal-qalb ma’ Kristu li nkunu rċivejna ġewwa fina bit-tqarbin.

Id-dmir li nwasslu l-tagħlim tal-Knisja

Ngħidilkom is-sewwa, ma kellix ħsieb li nagħmel din l-omelija llejla. Imma fiċ-ċirkustanzi – billi dan l-aħħar fostna qed jixtered tagħlim li jmur kontra d-duttrina Kattolika dwar l-Ewkaristija; billi qed ngħixu fi żmien fejn, għalkemm nidhru li aħna reliġjużi, qed nitilfu s-sens tas-sagru, u hekk naslu wkoll biex nabbużaw mill-Ewkaristija – ħassejtni fid-dmir bħala ragħaj spiritwali tagħkom li ngħidilkom x’inhu t-tagħlim Kattoliku dwar l-Ewkaristija. Jekk jiġi xi “anġlu” ieħor u jgħaddilkom tagħlim ieħor, toqogħdux għalih.

Jiena nitlobkom illum, fil-festa tal-Ewkaristija, sabiex nagħmlu talba ta’ riparazzjoni lil Alla, lil Ġesù, anki f’din il-purċissjoni li nagħmlu wara din il-Quddiesa, ħalli npattu għal dawk id-dnubiet li jsiru kontra l-Ewkaristija. Fl-istess ħin nitlob lill-Ispirtu s-Santu jieqaf magħkom ħalli tkomplu temmnu b’qawwa u sodezza illi hawnhekk aħna miġburin mal-Mulej Ġesù. Aħna mhux sejrin nagħmlu purċissjoni b’relikwa jew wara statwa tal-kartapesta jew tal-ġibs; dawk kollha huma biss sinjali li jfakkru. Aħna ħerġin purċissjoni wara l-Ewkaristija. Se jkollna f’idejna lil Kristu, l-Iben ta’ Alla. M’aħniex aħjar minn dawk in-nies li jitkellem fuqhom il-vanġelu tal-lum: nies morda li jfittxu l-fejqan, oħrajn għajjenin li jfittxu s-serħan u l-qawwa. Taqtgħux qalbkom! Fittxu li tikbru fl-imħabba u fil-qima tagħkom lejn Ġesù fl-Ewkaristija.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2010/06/11/ghal-tqarbin-sewwa-omelija-ta%e2%80%99-mons-isqof-mario-grech-solennita-tal-gisem-u-d-demm-tal-mulej-knisja-katidrali-%e2%80%93-il-hadd-6-ta%e2%80%99-gunju-2010/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.