IL-MARA EDUKATRIĊI TAL-QALB U TAL-ISPIRTU

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji ta’ talb għan-nisa kattoliċi, organizzat mill-Azzjoni Kattolika fid-djoċesi t’Għawdex ilbierah it-Tlieta 17 ta’ Mejju 2010, l-Isqof Mario Grech mexxa konċelebrazzjoni fid-Dar Ċentrali tal-Azzjoni Kattolika u fl-omelija wassal dan il-messaġġ:

Fil-familja, il-mara hija edukatriċi tal-qalb u tal-ispirtu. Filwaqt li l-formazzjoni intellettwali tista’ tigi delegata lil ħaddieħor, bħalma jiġri meta nibagħtu lil uliedna fl-iskejjel, il-formazzjoni affettiva u dik spiritwali fil-familja hija ħidma partikulari tal-mara. 

Il-bniedem u s-soċjetà jsofru telfa kbira jekk fiż-żwieġ u fil-familja ma tibqax tinħass il-preżenza tal-mara. Huwa minnu li llum anke l-ħajja tal-mara saret aktar mgħaġġla u mgħobbija, bil-konsegwenza li mhux dejjem jibqagħlha l-ħin u s-sabar biex toffri preżenza ta’ kwalità lill-membri tal-familja; imma jibqa’ l-fatt li xejn u ħadd ma jista’ jieħu post l-imħabba u d-dehen tal-ġenju femminili fil-familja. Fejn il-mara hija assenti, il-vojt tagħha jinħass.

Bil-kelma tagħha kif ukoll bl-istess silenzju attent tagħha, hija kapaċi tfarraġ u ssaħħaħ il-qlub midruba. Il-ġenerożità kbira u d-disponibilità tagħha biex dejjem tingħata lill-oħrajn joffru eżempju mill-aqwa biex dawk ta’ madwarha jissaħħu fil-virtù tal-imħabba.

Il-mara hija l-ewwel katekista fid-dar li taf titkellem dwar Alla ma’ żewġha u ma’ wliedha. Ebda teologu jew predikatur ma jista’ jkun effettiv fix-xandir tal-Kelma t’Alla daqs il-mara fil-familja, li taf issib il-waqt u l-mod kif  tagħmel lil Alla preżenti fil-ħajja ta’ kuljum ta’ dawk ta’ madwarha. Hija l-mara li bl-intwizzjoni tagħha taf issus mal-membri tal-familja biex jimxu fid-dawl tal-liġi t’Alla. Fuq kollox, il-mara hija dik li tiġbor lill-familja għat-talb u bis-sempliċità tagħha twassal lill-oħrajn jitkellmu ma’ Alla.

Għalhekk, nappella lin-nisa kattoliċi biex ma jittraskurawx din il-missjoni tagħhom fil-familja, għax is-sehem tagħhom huwa determinanti fil-binja tal-karattru ta’ ħafna.