Dijanjożi ta’ pazjent tieħu f’kunsiderazzjoni kemm is-sintomi tal-marda, kif ukoll il-kawża ta’ dawk l-effetti! Tkun miżura dgħajfa jekk wieħed jikkura l-ġerħat ta’ persuna diabetika, mingħajr ma jindirizza l-marda tad-diabete!
Inħoss li dan qed jiġri wkoll fostna meta nitkellmu dwar it-tisħiħ taż-żwieġ u l-familja. Huwa importanti li wieħed jitfa’ dawl fuq il-periklu ta’ forom emerġenti tal-familja, dwar kruha tat-tifrik tal-familji, id-divorzju, il-koabitazzjoni, il-permessività sesswali, eċċ. Imma nemmen li dawn huma biss sintomi soċjali li, aktar milli għandhom jiġu indirizzati bħala diffikultajiet fihom infushom, hemm bżonn nintebħu x’inhu l-isem tal-marda. Dawn il-problemi matrimonjali u familjari huma l-effett ta’ kawża eżistenzjali wisq aktar profonda u aktar wiesgħa. Nifhem li l-azzjoni urġenti li teħtieġ is-soċjetà tagħna hija li bis-serjetà tindividwalizza l-għerq li kontinwament qed innibbet fergħat ġodda li huma bgħula.
Barra minn hekk, din ix-xorta ta’ riflessjoni hija utli biex hekk tissaħħaħ il-motivazzjoni wara ċerti għażliet, anke fil-kamp tal-familja, li l-bniedem jemmen li għandu jagħmel illum – aktar u aktar meta dawn huma għażliet li jmorru kontra l-mainstream tas-soċjetà attwali! Ħafna drabi mhux biżżejjed li wieħed jippreskrivi ċerta mediċina jew stili ta’ ħajja lill-marid, għax jekk il-pazjent ma jkunx konvint li ma jistax ma jieħux dik il-mediċina jew ma jaddottax dak l-istil ta’ ħajja, kollox jibqa’ għaddej!
Filwaqt li Samuel Huntington jgħid li llum il-kawża tal-kunflitti fid-dinja hija l-iskontru (clash) bejn iċ-ċiviltajiet, James Kurth jippreċiża illi l-iskontru veru li qed nassistu għalih mhux tant bejn iċ-ċiviltajiet il-kbar tad-dinja (il-Punent, id-dinja Iżlamika u l-Konfuċjanizmu tal-Lvant), imma t-tensjoni u l-kunflitti fiċ-ċiviltà tal-Punent – bejn dawk li għandhom viżjoni Lhudija-Kristjana tal-ħajja u dawk li telqu din il-viżjoni biex iħaddnu diversi skejjel ta’ ħsieb bħalma huma l-feminiżmu, il-multikulturaliżmu, il-liberaliżmu – liema diversità ssib is-somma tagħha f’dik li tissejjaħ “ortodossija sekularista” jew “sekulariżmu”.
Forsi xi ħadd jaħseb li din tinvolvi tensjoni bejn ir-raġuni u l-fidi! Filwaqt li ma tnaqqas xejn mill-għajnuna li kapaċi tagħti l-Kelma t’Alla u t-Tradizzjoni fil-Knisja biex il-bniedem jasal għall-verità, il-viżjoni morali Kristjana mhix kontra r-raġuni; anzi Robert P George, professur fil-ġurisprudenza, li kien wiehed mit-tim li pproduċa d-Dikjarazzjoni ta’ Manhattan (Nov. 2009), itenni li “Christian moral teaching can be shown to be rationally superior to orthodox secular moral beliefs”.
Hija premessa ta’ min għandu twemmin sekularista li r-raġuni umana mhix fakultà biex il-bniedem jiskopri x’inhu t-tajjeb li għandu jagħmel; imma huwa juża r-raġuni biex jikseb dawk il-mezzi li bihom ikun jista’ jilħaq dak li jixtieq – dak li tgħidlu l-passjoni tiegħu! Dan jikonfermah David Hume, filosofu li waqqaf is-sekulariżmu modern, meta jgħid li “Reason is and ought only to be slave of the passions, and may never pretend to any office other than to serve and to obey them”. Allura skond dawn ir-raġuni għandha funzjoni puramament strumentali: ir-raġuni ma tgħidilniex x’għandna nagħmlu, imma nużawha biss biex niksbu dak li nixtiequ!
Infatti għas-sekularisti, iż-żwieġ huwa biss ftehim legali biex iħares l-emozzjonijiet tal-partijiet, li jistgħu jkunu kemm raġel u mara kif ukoll tnejn tal-istess orjentament sesswali! Il-permanenza, l-esklussività u l-ftuħ għall-ħajja ma jagħmlux parti min-natura taż-żwieġ, imma kollox huwa negozjabbli bejn il-partijiet – kollox jiddependi mir-rieda jew il-kunsens tal-partijiet f’dik l-esperjenza. Xi sekularisti jistgħu jaslu biex jirrikonoxxu ċertu kontroll fuq l-attività sesswali barra ż-żwieġ – però mhux a bazi ta’ xi prinċipju morali, imma minħabba raġuni prudenzjali, per eż. peress li l-promiskwità tista’ tkun okkażjoni ta’ tixrid ta’ mard!
Fid-dawl tal-premess, jidhirli li ma għandniex insibu diffikultà biex niddeterminaw il-kawża prinċipali tas-sitwazzjoni preżenti taz-żwiġijiet u l-familji f’pajjiżna! Din il-filosfija sekularista b’morali utilitarista, iffumentat l-għajta għad-dritt għall-abort, dritt għad-divorzju, id-dritt taż-żwieġ bejn żewġ persuni tal-istess sess, id-dritt li wieħed jgħix ħajtu mingħajr ħadd ma jindaħallu, lanqas l-Istat!
Effettivament il-kultura sekularista hija kultura li ġġib ’il quddiem is-suġġettiviżmu morali u r-relattiviżmu! Jekk ma noqogħdux attenti, xi drabi anke xi diskors dwar il-primat tal-kuxjenza jista’ jkun ixaqleb lejn is-suggettiviżmu pur! Mhuwiex biss il-Papa Benedittu XVI li sikwit iwissi kontra d-dittatura tar-relattiviżmu morali u li din hija triq perikoluza, imma wkoll ċerti esponenti sekularisti qed jammettu li fl-aħħar mill-aħħar ir-relattiviżmu mhuwiex konsistenti ma’ ħafna claims morali tagħhom stess, bħalma huwa fil-każ tad-dritt għall-abort, id-dritt għal-liberta sesswali, id-dritt għall-mewt.
Nagħti eżempju: bil-kriterji sekularisti, jekk huwa dritt li jkun hemm liġi li tagħti d-divorzju, anke dawk li huma favur il-permanenza fiż-żwieġ għandhom id-dritt li jkollhom liġi li tħares l-indissolubilità taż-żwieġ! Filosfu politiku liberali magħruf, Joel Freinberg, wissa illi “Liberals must be aware of relativism – or, at least, of a sweeping relativism – lest they be hoist on their own petard”. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ prinċipji morali fermi, kollox jindika li l-istess pożizzjoni relattivista tas-sekularisti qed tħabbat wiċċha ma’ problema filosofika mhux żgħira! U l-filosfu Alasdair MacIntyre josserva li skejjel ta’ ħsieb dwar il-moralità jidħlu fi kriżi meta huma stess iqajmu mistoqsijiet li huma stess ma jkollomx tweġiba għalihom!
Mhux biss is-sekularisti sinċieri jinsabu fi kriżi, imma l-filosofija tagħhom, bil-pretensjonijiet li ġabet magħha, daħħlet u qed iddaħħal fi kriżi s-soċjetà tagħna!
Fil-ktieb tiegħu After Virtue, wara li jipprova kif falla l-pjan tal-Illuminiżmu u l-Liberaliżmu biex iwaqqaf sistema morali fuq “secular reason”, MacIntyre ixxebbah iċ-ċiviltà Ewropea u Amerikana ta’ żminijietna maż-żmien li wassal lill-Imperu Ruman f’dik l-epoka magħrufa bħala “iż-Żminijiet tad-Dlam”. Huwa jikteb illi f’dak iż-żmien, kien hemm persuni illi “turned aside from the task of shoring up the Roman imperium and ceased to identify the continuation of civility and moral community with the maintenance of that imperium. What they set themselves to achieve instead …. was the construction of new forms of community within which the moral life could be sustained so that both morality and civility might survive the coming ages of barbarism and darkness”.
MacIntyre ikompli li “for some time now we, too, have reached that turning point. What matters at this stage is the construction of local forms of community within which civility and the intellectual and moral life can be sustained througħ the new dark ages which are already upon us. And if the tradition of the virtues was able to survive the horrors of the last dark ages, we are not entirely without grounds for hope”.
Aħna mdorrijin nassoċjaw il-Barbari ma’ dawk li kienu jaħarqu l-bliet, l-irħula u d-djar! Illum, il-barbariżmu huwa forza ta’ ħsieb li mhux biss qiegħed inniżżel għarkubtejjhom istituzzjonijiet u strutturi politiċi kbar, imma qed iħarbat in-nies u l-familji tagħna! Kif ikompli josserva MacIntrye, issa “the barbarians are not waiting beyond the frontiers; they have been governing us for quite some time. And it is our lack of consciousness of this that constitutes part of our predicament”.
Għalhekk, jekk tassew irridu nagħmlu xi ħaġa biex nilqgħu kontra l-mewġa ta’ tkissir taż-żwiġijiet u l-familji, filwaqt li huwa tajjeb li jsiru interventi biex jiġu ndirizzati l-issues familjari partikulari, nemmen li hija urġenti l-“pastorali tal-ħsieb”. Huwa fatt pożittiv li fostna għandna diversi ħassieba li, għax huma konvinti li l-filosofija Kristjana hija ċavetta valida biex jinterpretaw ir-realtà, taw u qed jagħtu kontribut fit-tiswir ta’ ħsieb san. Għandna nagħtu aktar spazju lil dawn il-persuni, anke fil-Knisja, biex il-ħsieb ikompli jiddakkar b’dakkir tajjeb!
Imbagħad huwa importanti d-djalogu ma’ dawk kollha li għandhom fakultà li jagħġnu l-ħsieb u jieħdu deċizjonijiet, jiġifieri mal-ħassieba, dawk li jgħallmu, in-nies tal-kultura, tal-politika, tal-midja, biex fi spirtu ta’ tfittix sinċier nagħrfu l-iżball (fallacy) ta’ ċerti pożizzjonijiet li qed jittieħdu u niskopru dak li għandna nagħmlu għall-ħarsien taż-żwieġ naturali a bazi ta’ ċertezzi, valuri u prinċipji etiċi sodi.
Huwa dan id-djalogu li inkoraġġixxa l-Papa Benedittu XVI f’intervista li ta lill-ġurnalisti waqt il-vjaġġ minn Ruma għall-Portugal: “In these centuries of a dialectic between enlightenment, secularism and faith, there were always individuals who sought to build bridges and create a dialogue, but unfortunately the prevailing tendency was one of opposition and mutual exclusion. Today we see that this very dialectic represents an opportunity and that we need to develop a synthesis and a forward-looking and profound dialogue. In the multicultural situation in which we all find ourselves, we see that if European culture were merely rationalist, it would lack a transcendent religious dimension, and not be able to enter into dialogue with the great cultures of humanity all of which have this transcendent religious dimension – which is a dimension of man himself. So to think that there exists a pure, anti-historical reason, solely self-existent, which is ‘reason’ itself, is a mistake; we are finding more and more that it affects only part of man, it expresses a certain historical situation but it is not reason as such. Reason as such is open to transcendence and only in the encounter between transcendent reality and faith and reason does man find himself. So I think that the precise task and mission of Europe in this situation is to create this dialogue, to integrate faith and modern rationality in a single anthropological vision which approaches the human being as a whole and thus also makes human cultures communicable.”
Kull viżjoni, għażla jew azzjoni fir-rigward taż-żwieġ u l-familja titlaq minn ħsieb jew konvinzjoni. Billi l-ħsieb jissawwar f’kuntest kulturali partikulari, nifhem li jkun għaqal għal min irid iħares iż-żwieġ u l-familja li, kif seħħ fl-imgħoddi, anke llum inkomplu ninvestu aktar “fl-emerġenza edukattiva”.