- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

It-titjib fl-ekonomija jitlob aktar azzjoni kuxjenzjuza
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech fi tmiem is-Seminar New emgerging risk-work related stress

Posted By admin On May 8, 2010 @ 7:03 am In 2010 | Comments Disabled

Id-dritt għar-rispett tad-dinjità umana ta’ kull persuna illum mhux biss huwa għarfien miksub mill-kotra, imma hu wkoll minqux fil-leġislazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali. Imma, meta nqisu l-fatt li kulma jmur l-individwaliżmu qed dejjem jerfa’ rasu, ħafna drabi d-dinjità umana tal-persuna hija ssagrifikata biex jintlaħqu għanijiet oħra. Dan ġieli jseħħ fl-ingranaġġi tal-ekonomija, fejn biex il-qligħ ikun massimu l-bniedem jitqies bħala sinna fir-rota tas-sistema. F’każi bħal dawn il-ħaddiem jitqies bħala strument għas-sistema, u mhux is-sistema bħala strument għall-bniedem.

Nifhem li ma nkunx naqra ħażin is-sitwazzjoni jekk ngħid li fil-pajjiż hawn consensus biex jissokta l-impenn ħalli fix-xenarju internazzjonali l-ekonomija tal-pajjiż tkompli tissaħħaħ. Filwaqt li wieħed jawgura li jkun hemm interventi tekniċi ġodda li jġibu ’l quddiem id-dinja tax-xogħol u li jkattru l-impiegi, jidher li hemm ħtieġa ta’ mixja lejn aktar azzjoni kuxjenzjuża f’kull aspett tal-ħajja tagħna, inkluż fid-dinja tal-ekonomija u tax-xogħol.

Fl-1990, ftit wara l-waqgħa tal-Komuniżmu Ewropew, il-President Ċek Havel Vaclav kien għamel dan il-kumment fuq is-sistema ta’ dak iż-żmien: “Qed ngħixu f’ambjent moralment ikkontaminat. Aħna mradna moralment għax drajna ngħidu ħwejjeġ differenti minn dak li konna naħsbu. Tgħallimna ma nemmnu f’xejn, nittraskuraw lil xulxin, u naħsbu biss fina nfusna… Hemm bżonn nifhmu li dan kien dnub li għamilna kontra tagħna nfusna. Jekk nirrealizzaw dan kollu, allura t-tama terġa’ timla ’l qlubna”. Analiżi ta’ din ix-xorta għandha titfa’ dawl fuq ir-realtà tagħna llum!

Imma qabel Havel, il-kardinal Joseph Ratzinger, f’simposju li sar f’Ruma fl-1985 fuq “Id-djalogu bejn il-Knisja u l-Ekonomija”, kien fisser it-tħassib tiegħu fuq il-possibbiltà ta’ kriżi ekonomika fil-Punent, fejn flok il-Marxiżmu jimraħ il-Kapitaliżmu, minħabba l-faqar etiku f’materja ekonomika. Dakinhar Ratzinger kien qal li “decline of ethics” seta’ jwassal għal terremot fil-liġijiet tas-suq! Illum, meta naraw x’ġara s-sena l-oħra, nistgħu ngħidu li Ratzinger kien profeta!

F’dak l-istess intervent Ratzinger kien osserva illi “anki jekk l-ekonomija tas-suq ikollha r-regoli tagħha biex il-bniedem jimxi fuqhom, il-bniedem li għandu l-libertà morali dejjem jibqa’ fattur determinanti fid-dinja tal-ekonomija. Dawn is-setgħat spiritwali tal-bniedem fihom infushom huma ‘fabbrika’ fl-ekonomija, għax ir-regoli tas-suq jaħdmu biss meta jkunu sostnuti b’consensus morali”.

Fl-aħħar enċiklika tiegħu, Caritas in veritate, il-Papa Benedittu XVI jgħid li “l-azzjoni ekonomika fiha nfisha m’għandhiex titqies bħala xi ħaġa li tmur kontra s-soċjetà. Fih innifsu s-suq mhux – u ma jistax isir – il-post fejn min hu b’saħħtu jaħkem fuq min hu dgħajjef. Is-soċjetà m’għandhiex tħares lilha nfisha mis-suq, daqslikieku l-iżvilupp tas-suq ipso facto jfisser il-qerda ta’ relazzjonijiet umani awtentiċi. Huwa veru li s-suq jista’ jkun qawwa negattiva, mhux għax huwa hekk min-natura tiegħu imma għax ċerta ideoloġija tista’ tirrendih hekk.

Irridu niftakru li s-suq ma jeżistix fi stat pur imma jieħu s-sura tiegħu mix-xejriet kulturali li jagħtuh direzzjoni. L-ekonomija u l-finanzi, bħala għodda, jistgħu jintużaw ħażin jekk min qiegħed imexxi jkun immotivat minn skopijiet egoistiċi. Għodda li hija tajba fiha nfisha tista’ tinbidel f’għodda li tagħmel il-ħsara. Huwa l-bniedem, bir-raġuni mdallma tiegħu, li jista’ joħloq dawn il-konsegwenzi, u mhux l-għodda fiha nfisha. Għalhekk mhix l-għodda li hemm bżonn inqisu sewwa, imma l-individwi, il-kuxjenza morali tagħhom u r-responsabbiltà personali u soċjali tagħhom” (nru 36).

Fid-dawl ta’ dan il-kliem ebda teknika jew sistema mhi indipendenti mill-individwi li japplikawha; imma għax l-individwi li jħaddmu s-sistema jistgħu jkunu mingħajr ebda prinċipji ta’ etika u morali, dawn jafu jirrendu s-sistema taħdem ħażin! In-normi etiċi jiġu qabel dawk legali (pożittivi), għax qabel huma miktuba f’xi kodiċi dawn in-normi etiċi huma miktuba fil-qalb. Filwaqt li huwa aktar faċli għall-bniedem li għandu konvinzjonijiet etiċi li jobdi r-regoli tas-soċjetà, min huwa nieqes minn dan il-binarju etiku ħafna drabi jsib diffikultà biex iħalli lil min, fis-soċjetà, jindirizzalu l-eżerċizzju tal-libertà tiegħu b’xi regoli!

Għalhekk, filwaqt li jibqa’ dejjem validu kull diskors biex dejjem ikollna mekkaniżmi, kuntratti tax-xogħol u regoli tajbin, biex kemm jista’ jkun nirreġistraw progress, u fl-istess waqt id-drittijiet tal-ħaddiema jkunu rrispettati, jibqa’ dejjem il-prinċipju li l-aqwa riżorsa li għandna bżonn hija li jkollna persuni li għandhom sinsla etika u morali soda.

Huwa meħtieġ li l-attitudni ta’ Kajjin, li għax kien xħiħ u għajjur qatel lil ħuh Abel, tinbidel fl-attitudni li kellu s-Samaritan it-tajjeb, li għax kien iħobb lill-proxxmu tiegħu ħaddem il-ġid li kellu biex sieħbu li kien midrub jerġa’ jieħu l-ħajja.

Filfatt, barra mill-ħtieġa ta’ business ethics, l-isfida li għandna quddiem il-kriżi ekonomika u finanzjarja, fi kliem il-Papa Benedittu fl-istess enċiklika, hija li “wieħed juri, bil-ħsieb u bl-għemil, mhux biss li l-prinċipji tradizzjonali ta’ etika soċjali, bħalma huma t-trasparenza, l-onestà u r-responsabbiltà, ma jistgħux jiġu ttraskurati jew imnaqqsa, imma li fir-relazzjonijiet kummerċjali l-prinċipju tal-gratwità u l-loġika tal-għotja bħala espressjoni ta’ fraternità jistgħu u għandhom isibu posthom fl-attività ekonomika normali” (nru 36).

Fid-dawl ta’ dan nikkonkludu li, filwaqt li ħidma biex ikun hemm titjib fil-kundizzjonijiet partikulari tax-xogħol hija azzjoni doveruża, għax b’tali intervent tkun qed tiġi rrispettata fil-konkret id-dinjità tal-persuna, tajjeb li l-imsieħba soċjali kollha jkollhom viżjoni aktar wiesgħa u jirrikonoxxu li biex ikun hemm titjib fl-ekonomija, tkattir tal-ġid komuni, u tisħiħ u ġenerazzjoni ta’ impiegi, l-aqwa investiment huwa li jkun hemm aktar formazzjoni tal-kuxjenzi ta’ dawk kollha involuti, biex issir possibbli dik l-interazzjoni etika tal-kuxjenzi u tal-imħuħ ta’ dawk kollha ddedikati biex jiżguraw żvilupp aktar sħiħ u uman.

Sfida bħal din tikxef kemm huwa indispensabbli li l-bniedem ikollu għarfien ta’ Alla, li huwa l-ġabra ta’ dak li hu veru u tajjeb. Meta l-bniedem għażel li jinfatam minn Alla, bħalma għamel Kajjin, tħawwad u ħawwad. Inħallu lil Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla u ta’ Ġużeppi l-mastrudaxxa, jurina t-triq.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2010/05/08/it-titjib-fl-ekonomija-jitlob-aktar-azzjoni-kuxjenzjuza-omelija-ta-mons-isqof-mario-grech-fi-tmiem-is-seminar-new-emgerging-risk-work-related-stress/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.