Għamilna dan il-pellegrinaġġ flimkien biex nirringrazzjaw lil Alla għall-fatt li 1950 sena ilu persuna straordinarja rifset fuq xtutna. Qed nirreferi għal San Pawl Missierna. Kien straordinarju għax kien ministru t’Alla u appostlu ta’ Ġesù Kristu! In-nawfraġju ta’ Pawlu f’pajjiżna kien l-okkażjoni biex din il-persuna straordinarja wasslitilna messaġġ straordimarju: il-Bxara t-Tajba ta’ Ġesù Kristu.
Fl-Atti tal-Appostli naqraw li meta l-Maltin laqgħu lil Pawlu u l-messaġġ tiegħu u indunaw b’din l-istraordinarjetà, “huma biddlu l-ħsieb” (Atti 28,6), fis-sens li bdew jirraġunaw b’mod differenti.
Jien nitlob lil Alla biex f’din it-tifkira tal-1950 sena minn meta seħħet din il-ġrajja providenzjali, il-ġens tagħna wkoll jerġa’ jiltaqa’ ma’ dak Kristu li xandar Pawlu biex hekk “ibiddel l-ħsieb”. Għaliex xi drabi għalina jgħodd dak li Pawlu qal lill-Galatin: li aħna nies bla moħħ! Fostna hemm min għandu ħsieb illoġiku li jwassal għal konklużjonijiet bla sens. Hemm ukoll il-ħsieb li jserraħ fuq il-falsità. Qed ngħixu f’epoka maħkuma mill-“ħsieb dgħajjef”. Biżżejjed wieħed jifli ftit kif qed nitkellmu lum dwar iż-żwieġ u l-familja! Fis-soċjetà jeżistu ħafna sinjali li juru li hemm bżonn “nibdlu l-ħsieb”.
Billi fil-jiem li ġejjin aħna ser nilqgħu fostna l-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XVI, nawgura li l-kelma tiegħu tgħinna “nibdlu l-ħsieb” fis-sens li nirriformaw il-ħsieb għal wieħed imdawwal mill-verità. Iż-żjara apostolika tal-Papa fostna jista’ jkollha dan l-effett mhux biss jekk aħna niftħu qalbna għad-diskorsi li hu ser jagħmel, imma fuq kollox jekk nixtarru l-Maġisteru tiegħu.
Nixtieq inwassal dan il-messaġġ lil kulħadd, kbar u żgħar, imma partikularment lil dawk li, minħabba l-uffiċċju tagħhom, kemm fis-soċjetà kif ukoll fil-Knisja, għandhom ir-responsabiltà li jgħinu fit-tiswir tal-ħsieb ta’ ħafna oħrajn! Ħsieb fqir jiġġenera faqar ta’ kull tip; mentri ħsieb mibni fuq is-sewwa jissarraf f’kotra ta’ ġid. Il-Bxara t-Tajba ta’ Ġesù Kristu, li hija l-aqwa riżorza li għandu Benedittu XVI, għandha tistimula u tassigura dak il-ħsieb ġenwin li huwa l-bażi ta’ kull deċiżjoni għaqlija li jagħmel il-bniedem.