- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

INDIEMA U SOGĦBA

Posted By admin On April 8, 2010 @ 3:15 pm In MEC Communications | Comments Disabled

Dan l-aħħar, il-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XVI, bagħat Ittra lill-Knisja fl-Irlanda dwar it-traġedja tal-abbużi sesswali fuq minuri.  Fiha hu tkellem fuq il-kruha li hemm f’dawn  id-delitti. Huwa sejħilhom: “atti kriminali u ta’ dnub”.  Dan id-delitt, bil-mistħija tal-Knisja kollha, jidher iktar fil-kruha tiegħu meta huwa mwettaq minn saċerdoti. Aħna lkoll, bħala Knisja, irridu ngħaddu mill-indiema u mis-sogħba mhux biss għad-dnub ta’ dawk li għamlu dawn l-abbużi, iżda nħossu wkoll l-umiljazzjoni li dawn saru minn dawk li suppost, f’isem il-Knisja, kellhom id-dmir li jħarsu u jipproteġu lil dawn iż-żgħar. Dan huwa mument ta’ umiljazzjoni għall-Knisja kollha.
Dan jgħodd ukoll għall-Knisja f’Malta li bħall-Papa turi “d-dispjaċir u s-sogħba” tagħha lejn dawk kollha li kienu abbużati, lejn l-aħwa Insara kollha li ħassuhom imfixklin, u lejn is-soċjeta’ Maltija kollha.


Fl-ittra tiegħu, il-Papa kompla jinsisti fuq dak li dejjem kien igħid u jagħmel, jiġifieri li ma għandu jkun hemm l-ebda dgħufija kif jiġu ttrattati dawn il-każi anki jekk il-Knisja tkompli titlob għall-konverżjoni ta’ min wettaq dawn l-atti.
Il-Knisja f’Malta kienet mill-ewwel  Djoċesijiet meta fl-1999 ħadet passi u waqqfet kunsill magħruf bħala Response Team taħt it-tmexxija ta’ Mħallef irtirat biex ikun jista’ jinvestiga allegazzjonijiet  ta’ każi ta’ akkużi ta’ abbużi sesswali kemm fuq minorenni kif ukoll fuq adulti minn saċerdoti, reliġjużi u operaturi pastorali lajċi tagħha. Biex il-każi jkunu indagati fl-inqas żmien possibbli, ftit xhur ilu hija għamlet ResponseTeam ieħor. Il-Knisja f’Malta ġġedded u tqawwi l-impenn tagħha kontra dawn l-abbużi wkoll fid-dawl ta’ analisi profonda li hija tagħmel tal-Ittra tal-Papa Benedittu XVI lill-Knisja fl-Irlanda.
Filwaqt li nappellaw lill-insara li f’materja gravi bħal din jikkoperaw mal-awtoritajiet kompetenti kollha, anke ċivili, nerġgħu ntennu dak li l-Knisja qalet sa mill-1999 li l-insara għandhom l-obbligu li minflok jisktu u jostru, jikkoperaw mal-Knisja biex fi ħdanha din il-pjaga tissaffa u titneħħa.

Minkejja li dawn il-każi huma ta’ umiljazzjoni għall-Knisja hija xorta waħda trid tkompli taqdi l-missjoni li Alla afdalha f’idejha b’risq il-bniedem sħiħ fid-dawl tal-Aħbar it-Tajba.
Irridu nagħmlu tagħna dawk il-kliem ta’ San Pawl fuq id-dgħufija tiegħu: “għax il-qawwa tiegħi (tal-Mulej)  tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef… għax meta nkun dgħajjef (San Pawl) inkun qawwi” (2 Kor 12, 9.10). Ejjew nieħdu dan il-mument ta’ umiljazzjoni u ta’ tbatija bħala sejħa  biex dejjem iktar ngħaqqdu l-missjoni tagħna bħala Knisja mhux mal-ħiliet umani tagħna, iżda ma’ dipendenza fuq il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

+ Pawlu Cremona O.P.                                  + Mario Grech
Arċisqof ta’ Malta                                      Isqof ta’ Għawdex


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2010/04/08/indiema-u-soghba/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.