Dan l-aħħar, il-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XVI, bagħat Ittra lill-Knisja fl-Irlanda dwar it-traġedja tal-abbużi sesswali fuq minuri. Fiha hu tkellem fuq il-kruha li hemm f’dawn id-delitti. Huwa sejħilhom: “atti kriminali u ta’ dnub”. Dan id-delitt, bil-mistħija tal-Knisja kollha, jidher iktar fil-kruha tiegħu meta huwa mwettaq minn saċerdoti. Aħna lkoll, bħala Knisja, irridu ngħaddu mill-indiema u mis-sogħba mhux biss għad-dnub ta’ dawk li għamlu dawn l-abbużi, iżda nħossu wkoll l-umiljazzjoni li dawn saru minn dawk li suppost, f’isem il-Knisja, kellhom id-dmir li jħarsu u jipproteġu lil dawn iż-żgħar. Dan huwa mument ta’ umiljazzjoni għall-Knisja kollha.
Dan jgħodd ukoll għall-Knisja f’Malta li bħall-Papa turi “d-dispjaċir u s-sogħba” tagħha lejn dawk kollha li kienu abbużati, lejn l-aħwa Insara kollha li ħassuhom imfixklin, u lejn is-soċjeta’ Maltija kollha.


