Nhar il-Ġimgħa, 5 ta’ Marzu 2010, l-Assoċjazzjoni “Centesimus Annus” organizzat seminar dwar l-iżvilupp soċjo-ekonomiku f’Għawdex. Wieħed mill-kelliema kien l-E.T. Mons Isqof Mario Grech, li għamel dan id-diskors:
Għal żvilupp ekonomiku u soċjali t’Għawdex
Għawdex huwa soċjetà li għandha aspetti li huma speċifikament tagħha, kemm fuq livell soċjali u kif ukoll ekonomiku. Dawn l- aspetti, li huma pjuttost distinti minn dawk ta’ Malta, jippreżentaw kemm diffikultajiet uniċi kif ukoll opportunitajiet li jistgħu jiġu sfruttati fl-interess nazzjonali.
Il-fatt li Għawdex huwa fiżikament mifrud minn Malta, li hi mgħammra b’infrastruttura fiżika, istituzzjonali u umana ferm aktar adekwata, joħloq dipendenzi u żvantaġġi uniċi, bħal, per eżempju, tendenza li l-attività kummerċjali, kulturali u soċjali tikkonċentra ruħha f’Malta. Fl-istess waqt, l-iżolament jagħmel lil Għawdex vetrina unika li tippreserva aħjar il-wirt kulturali u soċjali tagħha.
Għalhekk nistaqsi jekk hemmx lok li dawk l-istituzzjonijiet li għandhom responsabilità politika, ekonomika u soċjali fuq livell nazzjonali, jiffukaw aktar enerġija biex jaqraw aħjar dawn ir-realtajiet kemmxejn distinti bejn iż-żewġ gżejjer. Kull risposta li jagħtu l-istituzzjonijiet għandha tkun ibbażata fuq l-istampa fattwali, u mhux mistħajla, ta’ dawn ir-realtajiet.
F’din l-analiżi tas-sitwazzjoni Għawdxija hu importanti li l-Istat ikun inklussiv u jilħaq lil kull min jesprimi interess u kapaċità li jkabbar il-ġid komuni f’Għawdex mhux bhala reġjun għalih imma bħala parti tassew integrali min-nazzjon.
Nixtieq nara l-Istat jimbotta aktar “soul searching” fuq l-identità, ir-realtà u l-problemi tal-gżira tagħna. Dan l-eżerċizzju m’għandux jikkunsidra biss il-kontribut li jistgħu jagħtu l-istituzzjonijiet tal-Istat, imma wkoll fuq l-esperjenza tal-ħajja f’Għawdex kif għexuha u għadhom jgħixuha komunitajiet u ċelloli li jinsabu kemm fiċ-ċentri urbani kif ukoll fl-iżgħar komunitajiet tal-gżira Għawdxija. Nemmen li l-Istat għandu juri disponibilità li jimmobilizza dawn iċ-ċelloli li, għalkemm huma żgħar, huma r-ruħ li jibnu l-irħula u ċ-ċentri urbani ta’ Għawdex. Huma forza importanti li tista’ tikkontribwixxi biex titqajjem mewġa ta’ tiġdid u ottimiżmu fuq kif il-Maltin u l-Għawdxin inħarsu lejn ir-realtà Għawdxija.
Jekk nagħtu leħen lil kull min jgħix ir-realtà Għawdxija nkunu ngħinu mhux biss biex jitkattar l-iżvilupp soċjali, ekonomiku u kulturali f’Għawdex, imma wkoll li tali żvilupp jinfirex mal-gżira u ma jkunx monopolizzat minn xi individwi b’saħħithom jew minn xi grupp li jinzerta jgawdi minn kapaċità organizzattiva aktar qawwija minn ta’ oħrajn.
Fl-istess waqt, minħabba l-iżvantaġġi partikulari li toffri l-gżira Għawdxija, kemm l-istituzzjonijiet li jaħdmu minn Għawdex kif ukoll dawk li huma bbażati f’Malta imma li għandhom funzjoni importanti x’jaqdu biex Għawdex jimxi ’l quddiem, għandhom isibu l-appoġġ tal-imsieħba soċjali kollha. Biex soċjetà tirnexxi, jeħtieġ tobdi l-kmand tal-liġi, altrimenti t-tħaddim tal-istituzzjonijiet jiddgħajjef. Dan jgħodd b’mod partikulari f’ambjent żgħir bħal Għawdex fejn il-liġi faċli tinkiser u xi darba bl-appoġġ ta’ min għandu d-dmir li jara li l-liġi tkun osservata! Fejn jiddgħajfu l-istituzzjonijiet jikbru l-isfidi biex jiġi ġġenerat żvilupp u biex il-frott ta’ dan l-iżvilupp jitqassam b’mod ġust.
Huwa ferm interessanti l-fatt li f’dawn il-ġranet fil-“pjazza tan-nazzjon” għaddejja riflessjoni dwar il-problema tal-komunikazzjoni mhux biss bejn Għawdex u Malta, imma wkoll bejn Għawdex u l-bqija tad-dinja; għax huwa fatt li fil-preżent hemm ċirkustanzi fejn wieħed jieħu aktar ħin biex jasal minn Malta għal Għawdex milli minn Ruma għal Malta! Nemmen li jekk l-isfida tal-komunikabilità tiġi indirizzata bis-serjetà, tkun infetħet arterja prinċipali tal-qalb Għawdxija. Kull proposta biex tintgħeleb l-insularità għandha tiġi kkunsidrata; l-importanti huwa li tkun soluzzjoni li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent u tkun aċċessibbli għal kulħadd u mhux għal ftit!
L-Istat jista’ jgħin biex jassigura li Għawdex jingħata leħen effettiv fl-istituzzjonijiet importanti għall-iżvilupp soċjali, ekonomiku u kulturali tan-nazzjon. Allura tajjeb inkunu viġilanti biex f’kull waqt ikun aċċertat li l-interessi speċifiċi tal-gżira jkunu fil-qalba tal-aġenda nazzjonali. Wara kollox, jekk Għawdex ikabbar il-ħolqien tal-ġid u jtejjeb it-tqassim ġust tiegħu, tistgħana wkoll Malta. Ikun żball strateġiku mhux biss għal Għawdex imma wkoll għan-nazzjon, jekk Għawdex jitqies bħala sempliċi “addenda” jew “appendiċi” ta’ pajjiżna! Xi drabi nieħu l-impressjoni li l-iżolament t’Għawdex mhux biss wieħed fiżiku, imma, agħar minn hekk, huwa wieħed mentali, tant li Għawdex sempliċament mhux fl-equation ta’ ċerti istituzzjonijiet nazzjonali u ta’ ċerti mħuh.
Il-Knisja tirrikonoxxi l-kompetenza li l-Istat għandu biex imexxi ’l quddiem dan l-isforz li jiffoka fuq ir-realtà u l-isfidi li qed jiffaċċja Għawdex, kif ukoll li joffri soluzzjonijiet tekniċi biex dawn id-diffikultajiet jingħelbu. Fl-istess waqt, il-Knisja hija ħerqana li tkompli tagħti l-kontribut tagħha lejn dan l-isforz.
Fid-dawl tat-tagħlim soċjali tagħha, il-Knisja tixtieq li kull xorta ta’ proċess ta’ żvilupp propost għal Għawdex għandu jġib ’il quddiem il-ġid komuni u jtejjeb il-qagħda ta’ kulħadd, speċjalment ta’ dawk żvantaġġati. Id-djoċesi ma tkejjilx l-iżvilupp esklussivament b’kejl ekonomiku u tekniku, imma tixtieq tara żvilupp li, filwaqt li jippermetti livell ta’ ħajja materjali aħjar, fl-istess ħin jimbotta ’l quddiem l-iżvilupp tal-bniedem sħiħ. Id-djoċesi taħdem, u qed tara kif tista’ taħdem aktar, biex tkun forza li timbotta żvilupp ġenwin, li jirrendi fit-tul, u allura hu sostenibbli, u li hu soċjalment u moralment ġust.
Is-settur privat f’Għawdex jista’ jiġi mgħejjun jikkontribwixxi għall-iżvilupp billi jiġi mħajjar jipparteċipa b’mod aktar b’saħħtu fl-attività ekonomika tal-gżira. Ikun interessanti jekk wieħed jesplora hijiex minnha l-impressjoni li l-ekonomija Għawdxija hi dipendenti fuq is-settur pubbliku b’mod aktar qawwi minn dik Maltija. Tajjeb nistaqsu kif nistgħu nimbuttaw ’il quddiem aktar inizjattiva privata, kemm lokali kif ukoll internazzjonali, fl-attività ekonomika Għawdxija.
Huwa fatt magħruf li l-ekonomija hija realtà soċjali li tinbidel kontinwament. Niftakru fl-opportunitajiet ta’ xogħol li kienu jipprovdu investimenti barranin fl-industrija tat-tessuti u ħwejjeġ f’Għawdex. Issa li dawn tnaqqru minħabba żvilupp li ma jistax jitwaqqaf, tajjeb li naraw kif nistgħu ngħinu lis-settur privat f’Għawdex jaqsam mill-iżvilupp li ninnutaw li qed iseħħ fl-ekonomija Maltija f’oqsma ġodda li jirrikjedu preparazzjoni aktar intensiva u taħriġ aktar estensiv fost il-ħaddiema. Żvilupp f’Għawdex jitlob li l-istruttura ekonomika tinbidel biex tirrispondi għall-isfidi ġodda.
Hemm però setturi oħrajn – insejħilhom setturi indiġeni – fejn is-settur privat għandu jiġi mgħejjun biex ikabbar dejjem aktar. Forsi żvilupp attent fis-settur agrikolu jista’ mhux biss jgħin l-iżvilupp ekonomiku tal-gżira, imma wkoll jgħin lil Għawdex jikkonserva l-identità distinta tiegħu, b’benefiċċju mhux biss għalina lkoll, Maltin u Għawdxin, imma wkoll għat-turiżmu. F’Għawdex l-agrituriżmu għadu fil-bidu tiegħu u tajjeb li jikber.
Il-Knisja, li għandha patrimonju reliġjuż, storiku, artistiku, kulturali u arkittetoniku, tista’ sservi wkoll bħala mezz biex tiżdied l-attrazzjoni ta’ Għawdex għal turisti li jżuru lil gżiritna biex iduqu mill-wirt spiritwali u kulturali li aħna mogħnijin bihom. It-turiżmu reliġjuż huwa opportunità li għadha mhix sfruttata biżżejjed. Bħala Knisja, aħna lesti li noffru kull kollaborazzjoni biex jiġi promoss din ix-xorta ta’ turiżmu. Huwa fatt li sa llum hija l-Knisja li qed terfa’ piż finanzjarju mhux żgħir biex tieħu ħsieb il-konservazzjoni tal-bini u tal-arti kif ukoll biex torganizza l-festi titulari u ċelebrazzjonijiet oħra li huma attrazzjoni turistika kif ukoll attività ekonomika sustanzjali. Ġustament wieħed jistaqsi jekk huwiex ġust min-naħa tal-Istat u tas-soċjetà kummerċjali li l-Knisja ġġorr dan il-piż waħidha!
Fl-aħħar u mhux l-inqas, inħeġġeġ attività bħal dik li qed nassistu għaliha llum. Grazzi għall-inizjattiva li qed juru l-membri tal-għaqda Centesimus Annus, qed jiġi promoss l-interess ta’ Għawdex u kif dan jista’ jiġi mgħejjun anke fid-dawl li jipprovdi t-tagħlim soċjali tal-Knisja. Il-fatt li llejla persuni li jerfgħu ċerti responsabilitajiet fil-ħajja soċjali u ekonomika tal-pajjiż jagħżlu li jiddiskutu t-tema tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku f’Għawdex fil-kuntest tat-tagħlim soċjali tal-Knisja, jixraqlu l-ammirazzjoni u s-sapport tagħna lkoll.