ALLA JEDUKA L-BNIEDEM PERMEZZ TAL-KELMA TIEGĦU
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Għoti tal-ministeru tal-lettorat lis-Seminaristi Mark Bonello (Xagħra) u Daniel Grech (Kerċem)
Parroċċa Sannat – Il-Ħadd, 28 ta’ Frar 2010

Il-qawwa tal-Kelma ta’ Alla

‘Mulej, int tridna nisimgħu l-kelma tiegħek. Agħtina minn dan l-ikel’. Hekk tlabna fil-bidu ta’ din l-Ewkaristija. Din għandha tkun it-talba kontinwa tagħna f’dawn iż-żminijiet. Għaliex biex il-bniedem jinqala’ minn sitwazzjoni li jkun ilu snin twal fiha, biex joħroġ minn stat li jkun ikkalla fih u jimraħ f’mergħat ġodda, jeħtieġ li tasal għandu l-Kelma ta’ Alla.

Hekk seħħ lil Abraham! Miegħu jibda dak id-djalogu bejn Alla u l-bniedem, dak id-djalogu li semmejnielkom fl-ittra pastorali ta’ dan ir-Randan. Bis-saħħa ta’ dan id-djalogu, Abraham inqala’ minn Ur tal-Kaldej u beda jterraq it-triq li ndikalu Alla. Ma taħsbux bħali li anke llum, biex aħna ninqalgħu minn ċerti sitwazzjonijiet, biex aħna noħorġu minn ċerti stili ta’ ħajja u minn ċerti tradizzjonijiet, jeħtieġilna wkoll li tasal il-Kelma ta’ Alla?

Il-Kelma ta’ Alla ddaħħalna fil-misteru ta’ Alla

Fil-vanġelu li tħabbar ftit ilu (Lq. 9,28-36) nilmaħ esperjenza oħra li tirrifletti esperjenza umana ta’ żmienna: għandna esperjenza intima mal-kelma li sseħħ fuq dik il-muntanja. Il-ġrajja tat-Trasfigurazzjoni, iktar milli hija rakkont storiku, hija espressjoni mnebbħa minn Luqa u s-Sinottiċi li riedu jibagħtu lill-Knisja messaġġ qawwi dwar il-bżonn li n-Nisrani jagħmilha mal-Kelma t’Alla! Għaliex min jagħmilha mal-Kelma, jara u jisma’ lil Alla kif ġralhom l-appostli fuq it-Tabor. Min iħalli l-Kelma ddaħħlu fil-misteru ta’ Alla, huwa jara għeġubijiet kbar; huwa jara l-glorja u l-ġmiel li bihom huwa mlibbes Alla l-Imbierek, liema ġmiel Alla jifirxu fuq il-kreaturi tiegħu.

Għaliex nistgħu ninterpretaw l-esperjenza tat-Tabor bħala esperjenza intima mal-Kelma? Għaliex Pietru, Ġwanni u Ġakbu, f’dawk il-mumenti intimi mal-kelma, raw it-twettieq u t-tifsira tal-Liġi u tal-Profeti ppreżentati permezz ta’ Mosè u ta’ Elija; huma raw dan it-twettieq iseħħ fil-ġrajja tal-inkarnazzjoni tal-Kelma, fil-ġrajja ta’ Kristu li sar bniedem u għammar fostna. Barra minn hekk, Luqa jżid jinnota li l-Missier minn ġo sħaba nstema’ jgħid: “Dan hu ibni l-maħtur, isimgħu lilu”.

Il-Kelma t’Alla ssaħħaħ il-mixja tad-dixxipli

Din l-esperjenza kienu jeħtieġuha kemm l-appostli kif ukoll il-komunità primitiva tal-Knisja, u daqshekk ieħor teħtieġa l-komunità Nisranija llum. Infatti, ir-rakkont ta’ din il-ġrajja tat-Trasfigurazzjoni nsibuh f’kuntest ftit diffíċili u kollu sfidi mhux żgħar; huwa kuntest fejn lid-dixxipli tiegħu Kristu jgħidilhom ċar u tond li l-Kelma ser tiġi rifjutata, li l-Kelma ser issib min jiqfilha u jipprova jifgaha. Infatti, qabel ma jtellagħhom fuq il-muntanja, Kristu jħabbar il-misteru tal-mewt u l-qawmien tiegħu: hu jfissrilhom li l-Kelma ser tkun miċħuda mill-kittieba u l-qassisin il-kbar. Kompla jgħidilhom li “jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isalvaha. Għax x’jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha u mbagħad jintilef jew jinqered? Għax jekk xi ħadd jistħi minni u minn kliemi, Bin il-bniedem ukoll jistħi minnu meta jiġi fil-glorja tiegħu u tal-Missier u ta’ l-anġli mqaddsa.” (Lq. 9,27)

Imbagħad, biex jagħmlilhom kuraġġ, Kristu jeħodhom fuq il-muntanja biex jitlob! Ġesù jeħodhom ’il bogħod mill-istorbju tal-ħajja ta’ kuljum, biex f’dan il-mument ta’ talb l-appostli jagħmlu esperjenza intima tal-Kelma; u frott ta’ dan, huma jimtlew bil-kuraġġ biex x’ħin jiltaqgħu ma’ dan it-tfixkil u ma’ min irid jipprova jsikket u jwarrab il-kelma ta’ Alla, huma ma jaqtgħux qalbhom.

Komunità Nisranija msawra madwar il-Kelma ta’ Alla

Dawn it-tliet dixxipli flimkien jagħmlu “komunità ċkejkna”, u għalhekk fihom nistgħu nilmħu l-komunità ekkleżjali. Għax dak li jġarrab id-dixxiplu b’mod individwali, tgħaddi minnu wkoll il-komunità. Il-komunità wkoll hija msejħa biex tgħix il-misteru tal-Għid: għax hija komunità mibnija madwar il-Kelma, għaliha wkoll hemm lest il-ħlas tal-profeta – hija wkoll tkun immaqdra, umiljata u mwarrba! Għalhekk il-komunità ma tistax ma tfittixx il-faraġ u l-qawwa li jiġu mill-intimità mal-Kelma!

Il-bniedem ta’ llum li jfittex jagħmel dak li jrid Alla minnu, qed jiġi rifjutat, mgħajjar u miċħud. Meta fiż-żminijiet tagħna l-komunità Nisranija għaddejja minn ċerti provi, hija trid tkompli tersaq lejn il-kelma ta’ Kristu biex tkun aktar konvinta minn dak li jrid Alla; altrimenti, hemm riskju li timxi mal-kurrent u mal-ispirtu tad-dinja.

Għadha friska l-Ittra Pastorali li aħna l-isqfijiet wassalnielkom ħmistax ilu. Fost ħwejjeg oħra, bħala rgħajja spiritwali tagħkom, għidna li naraw li s-sigriet tas-sistema ta’ pajjiżna huwa li aħna nilqgħu lil Alla bħala l-edukatur tagħna. Fi kliem ieħor, jekk ma rridux li nibqgħu sejrin lura, is-sigriet tal-mod kif aħna qegħdin norganizzaw u nindirizzaw lilna nfusna bħala nazzjon huwa li aħna nilqgħu lil Alla bħalma għamel Abraham. Alla biss jista’ jaqlagħna, għax ninsabu mwaħħlin waħda sewwa.

Weħilna mhux biss fil-ħajja familjari u soċjali, imma f’xi waqtiet inħoss li weħilna anke fil-ħajja ekkleżjali tagħna! Hemm ċerti mumenti fejn aħna weħilna u ma nistgħux nagħmlu pass ’il quddiem. Ma tridx tkun Salamun biex tifhem ir-raġuni ta’ dan l-istaġnar! Aħna għadna sajmin mill-Kelma, u dan minkejja l-proposti li saru u qegħdin jsiru biex lill-komunità Nisranija ngħinuha tagħmel l-esperjenza tat-Tabor fejn tiltaqa’ mal-Kelma. Għandi f’moħħi dawk il-gruppi li jiltaqgħu biex jiċċelebraw il-Kelma, il-Komunitajiet Ewkaristiċi, il-gruppi tal-Lectio Divina u l-Għaqdiet tal-apostolat tagħna. Ma hemmx għalfejn infittxu xi soluzzjonijiet ta’ barra minn hawn biex riġlejna ma jibqgħux marbuta mal-art bil-konsegwenza li sirna tqal biex nagħmlu avvanz. Is-soluzzjonijiet qegħdin qrib tagħna ħafna.

Alla jeduka l-bniedem permezz tal-Kelma

Fl-Ittra Pastorali tagħna għidna li Alla għandu programm edukattiv biex lill-bniedem, hi x’inhi l-kundizzjoni tiegħu. Alla għandu fiduċja fil-bniedem u jibqa’ jsus warajh u jipproponilu l-programm edukattiv li bih hu jista’ jsalva.
 
Dan il-programm edukattiv jinsab fl-Iskrittura. Il-kelma li llum l-Knisja tpoġġielna fuq fommna fit-talba tal-bidu tindikalna dan il-programm: “Mulej, int tridna nisimgħu lil Ibnek”. Dan nagħmluh permezz tal-Iskrittura mqaddsa. Id-djalogu ta’ salvazzjoni li seħħ ma’ Abraham baqa’ għaddej fl-istorja, sab il-milja tiegħu fi Kristu u għadu għaddej illum. Fl-Iskrittura naraw kif Alla m’hux biss jitkellem man-nies fl-istorja tan-nies, imma naraw ukoll ġrajjiet kbar iseħħu fil-ħajja ta’ individwi u ta’ popli li emmnu fil-Kelma, bħalma emmen Abraham u bħalma emmnu d-dixxipli.,

Il-ministeru tax-xandir tal-Kelma

Jekk Alla huwa l-edukatur tagħna u aħna għandna l-programm edukattiv tiegħu, min ser ikellimna f’isem Alla? Hawnhekk nara lil dawk li l-Knisja tafdalhom il-ministeru tax-xandir tal-kelma – il-ministeru tal-lettorat li llum ser jiċievu tnejn mis-seminaristi tagħna, Daniel u Mark. Bħal Daniel u Mark hawn oħrajn li Alla sejħilhom ħalli jagħtu lilhom infushom u hekk din il-Kelma ma tibqax kelma stampata imma ssir sagrament li jagħti l-ħajja! Meta l-lettur iħabbar il-Kelma, huwa jkun ilaqqa’ l-Kelma mal-bniedem ta’ llum. Bħal Kristu fuq il-muntanja, dak li għandu l-ministeru li jxandar il-Kelma t’Alla lill-ġemgħa liturġika jkun jiddisponihom biex jisimgħu u jaraw lil Alla, u hekk il-glorja tiegħu tistrieħ fuqhom.

Għalhekk irrodd ħajr lil Alla li lill-Knisja tagħna llum żejjinha b’dan il-ministeru. Fl-istess ħin, filwaqt li dawn il-letturi l-ġodda nħeġġiġhom biex jagħrfu b’liema responsabiltà sejrin jeżerċitaw dan il-ministeru, inħeġġeġ ukoll lill-komunità Nisranija biex titlob għal dawk li diġà rċivew il-ministeru tal-kelma imma għal xi raġuni jew oħra m’hux jirnexxilhom ilaqqgħu lill-poplu ta’ Alla mal-Kelma; għal dawk li forsi minħabba l-piżijiet żejda li jkollhom iġorru fil-komunita Nisranija li hija attenta biex tħares il-patrimonju storiku aktar milli attenta biex tiġġedded fuq il-linji tal-Konċilju Vatikan II, m’għandhomx ħin biex l-ewwel nett biex huma stess jitolbu u jiltaqgħu mal-Kelma, u mbagħad biex ilaqqgħu lill-ġemgħa mal-Kelma li ltaqa’ magħha Abraham u l-komunità tal-appostli rappreżentata f’Pietru, Ġwanni u Ġakbu.

“Nitgħarrsu” mal-Kelma

Nawguralkom, Mark u Daniel, biex tixxenqu ħalli issiru dak li fil-liturġija Ebrajka jissejjaħ Hatan Torah, li nistgħu nittraduċuh bħala “l-għarus tal-kelma”. Dan jirrifletti l-kwalità ta’ relazzjoni li jrid ikollkom intom u kull min il-Knisja afdatlu l-ministeru li jxandar il-Kelma – qed nifhem anke aħna l-qassisin li nistgħu wkoll nitqiesu bħala għarajjes tal-Kelma. Din hija t-tip ta’ relazzjoni li trid tinħoloq bejna u bejn il-Kelma, partikularment bejna u bejn Kristu, il-Kelma eterna tal-Missier. Imbagħad meta l-ministru tal-Kelma jkun tassew l-għarus tal-kelma, jasal ukoll biex iħajjar oħrajn biex jitgħarrsu mal-Kelma.

Meta aħna nidħlu f’dan il-program edukattiv ta’ Alla, aħna jirnexxielna m’hux biss ninqalgħu minn ċerti sitwazzzjonijiet bħalma għamel Abraham, imma nirtu l-wegħdiet li Alla għamel lill-poplu tiegħu. Bħal Pietru, Ġwanni u Ġakbu, meta nisimgħu leħen il-maħtur, aħna nkunu nistgħu ngħidu “kemm huwa sew li aħna hawn”.