NIĠĠIELDU L-FAQAR BILLI NEDUKAW AKTAR

Nhar il-Ħamis 4 ta’ Marzu 2008 filgħaxija il-Moviment Comunione e Liberazione ċċelebra it-28 sena mit-twaqqif tiegħu u l-ħames snin mill-mewt tal-fundatur Don Luigi Giussani, b’quddiesa mmexxija mill-ET Mons Isqof Mario Grech fil-knisja ta’ San Ġakbu, il-Belt. Fl-omelija, l-Isqof qal:

Is-soċjetà tista tiġġieled il-faqar materjali, intellettwali, etiku u spiritwali li hawn fostna billi tinvesti aktar fl-edukazzjoni. L-edukazzjoni tinkludi mhux biss it-tagħlim fl-iskejjel, imma l-formazzjoni tal-persuna sħiħa. Il-fatt li llum aktar studenti qed jiksbu tagħlim akkademiku mhux biżżejjed għax, kif għidna fl-Ittra Pastorali ta’ dan ir-Randan, għalkemm ħafna saru jafu jaqraw, m’humiex kapaċi jaqraw l-istorja tagħhom u tal-ġens tagħhom; għalkemm ħafna jafu jgħoddu s-somom, imbagħad ma jafux jagħmlu s-somom ta’ ħajjithom. Sistema edukattiva tajba, speċjalment f’dan iż-żmien ta’ relattiviżmu, iserraħ fuq x’kunċett għandna tal-bniedem!

Fuq l-eżempju ta’ Don Luigi Giussani, fundatur tal-Moviment Comunione e Liberazione,li għamel mill-edukazzjoni l-kariżma tal-Moviment, il-komunità Nisranija ma tistax tittraskura “il-pastorali tal-ħsieb”. Forma ta’ din il-pastorali tista’ tkun attività mal-istudenti universitarji żgħażagħ biex dawn ikunu familjari mal-kitbiet ta’ ħassieba Nsara – għax il-ħsieb inissel il-ħsieb!

Is-sehem speċifiku tan-Nisrani f’din il-ħidma edukattiva huwa li jwassal lil Kristu. Biex il-Bxara t-Tajba tinfed l-isfidi tal-istorja u tasal għand il-bniedem, din trid tkun ikkomunikata b’mod li jkollha dinjità kulturali! Għalhekk, il-messaġġ ta’ Kristu jeħtieġ li jiġi tradott bi kliem li jattira l-interess u jinftiehem illum. Biex jintlaħaq dan il-għan, il-gruppi ekkleżjali, bħalma huwa l-Moviment Comunione e Liberazione, għandhom iservu bħala laboratorju fejn il-membri jelaboraw lingwaġġ li mbagħad jitwassal fil-kultura ta’ llum.

Bħal fil-każ ta’ Don Giussani, iż-żewġ pulmuni tar-riflessjoni li nagħmlu aħna jridu jkunu r-raġuni u l-fidi. Wieħed jawgura li l-pastorali tal-ħsieb tkun isserraħ fuq dawn iż-żewġ prinċipji.

Ladarba l-persuna ta’ Kristu tagħti tifsira aħħarija lil kull bniedem u lil kull ħaġa, ma hemm xejn fid-dinja li jista jgħix waħdu u jevita li jiltaqa’ ma’ Kristu! Huwa importanti li bil-ħidma edukattiva tagħna nippruvaw ngħinu lill-bniedem jiltaqa’ ma’ Kristu.