IR-RANDAN JGĦINNA NIĠĠIELDU KONTRA D-DNUB
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Pellegrinaġġ Penitenzjali Djoċesan
Parroċċa Żebbuġ, Għawdex – L-Erbgħa, 17 ta’ Frar 2010

Reliġjożità awtentika

Xi darba ġie li nistaqsi għaliex Alla huwa daqshekk sieket u mbiegħed minna meta aħna poplu daqshekk reliġjuż u għandna daqshekk pjetà! Huwa ftit stramb kif minkejja li aħna nies tal-Knisja, akkaniti għall-festi, nieħdu għalina jekk xi ħadd ifettillu jmiss xi statwa, niftaħru li għandna traduzzjonijiet reliġjużi, imbagħad nitolbu u ma naqegħlux, insejħulu u ma jagħtix widen, tant li hemm min jibda jaħseb li Alla raqad!

Din kienet is-sitwazzjoni tal-poplu Lhudi, tant li lil Alla jgħidlu: “somna u int ma ħaristx, għakkisna ruħna u int ma ntbahtx” (Is 58,3).

It-tifsira ta’ dan kollu jagħtiha Alla nnifsu permezz tal-profeta: “f’jum is-sawm tagħkom tagħmlu li tridu, u tgħakksu lill-ħaddiem tagħkom. Araw, issumu bil-kwistjonijiet u l-ġlied u tidorbu bil-ponn bla ħaqq. Jekk issumu kif qegħdin issumu issa, leħinkom ma jinstamax fl-għoli (Is 58,4-5). Għal-Lhud is-sawm kien espressjoni tar-reliġjożità tiegħu. Imma x’sens kellha din ir-reliġjożità meta mbagħad kienu jagħmlu li jridu, kellhom kwistjonijiet bejnietnhom, kienu jidorbu lil xulxin u jgħakksu l-ħaddiem?

Anke fil-każ tagħna r-reliġjożità tagħna hija fiergħa jekk imbagħad nagħmlu li rridu u nittraskuraw x’irid Alla minna; jekk aħna dejjem bit-tilwim bejnietna; jekk aħna nidorbu lil xulxin mhux biss bid-daqqiet tal-ponn, imma anke b’ilsienna; jekk aħna kapaċi ngħakksu lill-bniedem biex nużawh għall-kapriċċi tagħna! F’sitwazzjoni bħal din, ir-reliġjożità tagħna aktar ixxaqleb lejn kultura milli lejn twemmin f’Alla ħaj!

Il-kuxjenza u s-sens tad-dnub

Waħda mir-raġunijiet għaliex teżisti din il-qasma bejn twemmin u ħajja hija għax il-kuxjenza tagħna raqdet, jekk mhux ukoll għax tlifniha! Meta l-vuċi tal-kuxjenza tinħanaq, nibdew naċċettaw kollox u nagħmlu dak kollu li jiġi għal idejna u ngħidu dak kollu li jiġi f’rasna! Il-bniedem bla kuxjenza ibża’ minnu għax għandu l-ħila jsir theddida għal ħajtek! Fis-soċjetà tagħna hemm sinjali li juru li xi wħud saru bla kuxjenza u għalhekk jitkellmu u jiddeċiedu skont x’jaqbel lilhom fil-mument opportun!

Il-bniedem b’kuxjenza marida, jew agħar minn hekk b’kuxjenza mitfija, jitlef is-sens tad-dnub. Għalih xejn ma hu xejn u kollox jgħaddi. It-tajjeb kapaċi jsejjaħlu ħażin u l-ħażin isejjaħlu tajjeb. Nies bħal dawn huma mħawda u jħawdu lill-oħrajn.

Fi kliem il-profeta, il-prattika reliġjuża tkun awtentika meta l-bniedem reliġjuż jissielet kontra d-dnub. Infatti s-“sawm” – kelma oħra flok reliġjożità – jogħġob lil Alla m’hux meta “tħoll l-irbit tal-ħażen, u tqaċċat ix-xkiel tal-madmad, li tibgħat ħielsa l-maħqurin, u tkisser kull madmad? M’hux li taqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ, u ddaħħal f’darek lill-imsejken bla saqaf? M’hux li tlibbes lil min tara għarwien, u n-nies ta’ darek ma tinsihomx?” (Is 58,7-8).

Fi żmien ir-Randan nisimgħu aktar mis-soltu dwar is-sawm. Napprezza meta nisma’ adulti u żgħar jgħidu li fir-Randan isumu, ma jieklux ħelu, ma jpejpux, eċċ. Imma dan is-sawm u ċ-ċaħdiet ftit li xejn ikollhom valur reliġjuż jekk ma jkunux imsieħba minn impenn serju biex il-bniedem iħoll l-irbit tal-ħażen, iqaċċat ix-xkiel tal-madmad tad-dnub, jeħles lill-maħqurin, jaqsam ħobżu ma’ min hu bil-ġuħ, idaħħal f’daru lill-imsejken, ilibbes lill-għarwien u ma jinsiex lin-nies ta’ daru! Dan ifisser li s-sawm jagħmel sens jekk min isum ikun fi proċess ta’ konverżjoni biex jaħraq id-dnubiet bl-imħabba t’Alla.

Nistħajjel li jista’ jkun hemm min id-dnub tiegħu ibeżżgħu. Dan mhux biss jaqta’ qalbu li jista’ jinqala’ minn dnubu, imma jibża’ jew jistħi jersaq għand Alla biex jitlob maħfra. Kif aħna l-isqfijiet għidna fl-Ittra Pastorali ta’ dan ir-Randan, “Alla jmexxina biex insiru bnedmin sħaħ, mifruda mid-dnub u marbuta mar-rieda tiegħu. L-ewwel u qabel kollox Hu jkellem lill-qalb. Isibna proprju fejn aħna nħossu l-vojt, fejn aħna mweġġgħa, fejn aħna mifnija mid-dubji. Imissna biex ifejjaqna proprju fejn aħna konfużi, fejn aħna l-iktar dgħajfa quddiem vizzji bħad-droga, ix-xorb u l-logħob, li bil-mod il-mod ineżżgħuna minn kull dinjità… Alla qatt ma jaqta’ qalbu mill-bniedem. Alla għandu fiduċja kbira fina. Ir-realtajiet koroh ta’ ħajjitna lil Alla ma jnaffruhx u ma jdejquhx. Hu jħabbat biex niftħulu ħalli jidħol, biex lil dik il-persuna u lil dik is-soċjetà jiffurmaha u jħarisha bħall-mimmi ta’ għajnejh.”

Is-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni

Din l-esperjenza tal-imħabba u l-maħfra t’Alla normalment issir fis-sagrament tal-Qrar. Meta niċċelebraw dan is-sagrament, Alla jħassar d-dnub tagħna u jkompli jedukana. F’isem Alla, il-konfessur m’hux biss jassolvi d-dnub, imma bil-kelma mislufa lilu minn Alla, huwa jeduka u jifforma l-kuxjenza tagħna!

Fil-Pjan Pastorali tad-Djoċesi tagħna ngħidu li f’dawn it-tliet snin hemm bżonn nirriflettu dwar is-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni bit-tama li mbagħad nagħmlu r-riformi meħtieġa biex dan is-sagrament niċċelebrawh bis-serjetà u s-sagralità li jixirqulu. Jien xejn ma jien kuntent li f’ċerti parroċċi għadna ma ħsibnix biex ikollna ambjent dinjituż fejn isir il-qrar. Ma nistgħux nibqgħu nippermettu li l-qrar isir fuq il-bankun tas-sagristija jew f’xi post fejn l-intimità tas-sagrament ma tkunx imħarsa b’mod skrupluż! Dwar dan hi meħtieġa riflessjoni u azzjoni kemm min-naha tagħna s-saċerdoti li nqarru kif ukoll min-naha tal-penitenti.

Għeżież saċerdoti li llejla ser tirċievu l-mandat biex fil-ġimgħat li ġejjin bil-predikazzjoni tagħkom twasslu l-Bxara t-Tajba lill-poplu ta’ din il-gżira, fi kliem il-profeta Isaija ngħidilkom: “Iftaħ garġik, għajjat u la tiskotx! Għolli leħnek bħal tromba! Dnubhom uri lill-poplu tiegħi, u ħtijiethom lil dar Ġakobb!” (Is 58,1-2). Fl-istess ħin għidu lil dan il-poplu biex jagħmel il-qalb għax bil-mewt u l-qawmien tiegħu, Kristu huwa l-Feddej tagħna.

Meta naslu biex id-dnub tagħna jinħaraq quddiem Alla, ir-reliġjożità tagħna ssir aktar awtentika. Kif jgħid il-profeta: “Imbagħad ifiġġ bħaż-żerniq id-dawl tiegħek, u malajr tagħlaqlek il-ġerħa tiegħek. Quddiemek timxi l-ġustizzja tiegħek, u l-glorja tal-Mulej timxi warajk. Jekk biss issejjaħlu, iwieġeb il-Mulej; jekk tgħajjatlu, jgħidlek ‘Hawn jien’. Jekk tneħħi minn nofsok il-moħqrija, ma tmiddx subgħek u ma tagħmilx deni b’ilsienek, jekk int qalbek toħroġ għall-imġewwaħ, u xxabba’ qalb l-imnikket, mbagħad id-dawl tiegħek ifiġġ fid-dlam, u s-swied tiegħek ikun bħan-nofsinhar. U l-Mulej jibqa’ jmexxik għal dejjem, u jxebbagħlek qalbek fl-imkejjen niexfa, u jsaħħaħlek għadmek. Int tkun bħal ġnien bis-saqwi, bħal għajn ta’ ilma ma jonqos qatt” (Is 58,9-12).