- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

ĠUSTIZZJA SĦIĦA
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Ċelebrazzjoni ta’ Ras ir-Randan
Knisja Katidrali – L-Erbgħa, 17 ta’ Frar 2010

Posted By admin On February 18, 2010 @ 12:45 pm In 2010 | Comments Disabled

Għall-Insara r-Randan huwa żmien ta’ 40 ġurnata li matulhom inħejju lilna nfusna biex niltaqgħu ma’ Kristu fil-misteru tal-Għid – Kristu li bata, miet u qam rebbieħ. Dwar Kristu, San Pawl jgħid li “dak li ma kienx jaf x’inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina sabiex aħna nsiru fih ġustizzja ta’ Alla” (2Kor 5,21).  X’inhi din il-ġustizzja li Alla jagħti permezz tal-fidi fi Kristu (cfr. Rum 3,22)?

Skont id-definizzjoni klassika, il-ġustizzja hija li kull wieħed jirċievi dak li hu tiegħu. Imma ħafna drabi dan is-sens ta’ ġustizzja napplikawh biss f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġid materjali. Dan huwa biss diskors limitat dwar il-vera ġustizzja. Huwa fatt li ħafna drabi d-dinja sa dan il-livell ta’ ġustizzja tasal – jekk tasal! Dwar dan is-suġġett nirreferi għall-Ittra Pastorali li ktibt fl-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Marija tas-sena 2009.

Imma l-bniedem, barra li għandu ħtiġijiet materjali li b’ġustizzja hemm bżonn li jkunu sodisfatti, għandu wkoll ħtiġijiet spiritwali. Il-bniedem għandu bżonn ta’ xi ħaġa intima li ebda liġi umana ma tista’ tissodisfa għal kollox. Il-bniedem jeħtieġ li jkun maħbub. Ikun hemm verament ġustizzja meta dan il-bżonn tal-imhabba jkun ikkurat. L-imħabba ta’ bejnietna hija neċessarja, imma din l-imħabba umana ma timlix il-qalb għal kollox! M’hix imhabba sħiħa. Alla biss jista’ jimla l-qalb umana. Kif jgħid Santu Wistin: “il-qalb tal-bniedem ma ssibx mistrieħ jekk mhux fik, o Alla”.

Il-bniedem għandu dritt għal Alla. Soċjetà li tassew tgħożż il-ġustizzja ma tistax ma tirrikonoxxix li l-bniedem jirċievi dak li huwa tiegħu meta l-ftuħ tiegħu għal Alla ma jiġix fgat. Santu Wistin jistaqsi: “fejn qegħda l-ġustizzja meta l-bniedem jaħrab lil Alla?”. X’ġustizzja qegħdin infittxu aħna meta qegħdin inwarrbu lil Alla? X’ordni ġust qed nibnu fis-soċjetà meta nagħmlu għażliet li jbegħidu lill-bniedem minn Alla, jew meta ma nieħdux miżuri biex inrażżnu dak li qed jipprova joqtol lil Alla mill-kuxjenza taċ-ċittadin?

Il-ġustizzja distributtiva, jigifieri li l-ġid u l-piżijiet jitqassmu fuq iċ-ċittadini proporzjonalment skont il-ħtiġijiet u l-ħiliet ta’ kull wieħed, hija valur importanti; imma waħidha mhix biżżejjed. Min fis-soċjetà u fil-Knisja għandu r-responsabilità li jipprovdi biex ikun hemm ordni ġust, irid jagħti każ mhux biss li jkun hemm il-ġustizzja distributtiva, imma li tiġi mħarsa l-ġustizzja f’dan is-sens wiesgħa li semmejt. Min hu responsabli għandu jgħin lill-bniedem u lis-soċjetà jagħrfu jissodisfaw dan il-bżonn interjuri u spiritwali.

Fil-ħajja tal-komunità ekkleżjali forsi dan huwa diskors skontat għax huwa floku f’kuntest reliġjuż. Anzi, ikun jistona jekk il-komunità Nisranija twettaq ħidma filantropika biss u ma tipprovdix kif nissodisfaw il-bżonn ta’ Alla li għandu l-bniedem.

Imma jista’ jkun li f’kuntest ċivili dan li qed ngħid idarras minħabba s-separazzjoni bejn soċjetà sekulari u soċjetà reliġjuża!  Filwaqt li għandha tibqa’ mħarsa l-awtonomija tas-soċjetà ċivili minn dik reliġjuża, li s-soċjetà ċivili tirrispetta d-dritt tal-bniedem għal Alla ma jfissirx li l-Istat għandu jiffavorixxi jew jagħti privileġġi lil xi soċjetà reliġjuża jew knisja; imma jfisser li s-soċjetà ċivili b’sens ta’ ġustizzja għandha d-dmir li tirrispetta u tippromovi d-dimensjoni spiritwali taċ-ċittadini.

Kristu sar ġustizzja għalina għaliex bil-mewt u l-qawmien tiegħu Hu ħabbibna mill-ġdid ma’ Alla. Fil-misteru tal-Għid niltaqgħu ma’ Kristu li jiftħilna mill-ġdid it-triq li tgħaqqadna mal-Missier. Kristu hu feddej ta’ kull bniedem għax ħelisna mid-dnub li kien jimblokka l-ftuħ tal-bniedem għal Alla. Hekk nistgħu nimtlew b’din  l-imħabba divina li dehret fi Kristu.

Għalhekk f’dan iż-żmien tar-Randan, li matulu Alla jistedinna biex inċarrtu qlubna u mhux ilbiesna, aħna għandna l-grazzja mhux biss li nissodisaw dan il-bżonn naturali li niltaqgħu ma’ Alla f’Ġesù Kristu, imma wkoll li ngħinu lill-aħwa biex ma jibqgħux fl-iżball meta jaħsbu li jistgħu jgħaddu mingħajr Alla.  Ir-Randan huwa żmien li matulu aħna niskopru r-rilevanza t’Alla u nfittxu li nagħmluh aktar relevanti għall-oħrajn. Jekk Alla jkun fostna, id-diskors dwar il-ġustizzja distributtiva jsegwi; imma jekk Alla ma jkunx magħna u nibqgħu sajmin dwaru, l-inġustizzji jkomplu jikbru.

Nitlob lil Alla li f’dan iż-żmien sabiħ tal-liturġija nitħeġġu biex niltaqgħu ma’ Kristu, partikularment fil-Kelma tiegħu.  Il-Kelma t’Alla tagħmel lil Alla preżenti fostna. Huwa għalhekk li meta jixxandar l-Evanġelju aħna nibqgħu bilwieqfa u nistennew il-barka bil-Ktieb tal-Evanġelju. Għalina dak il-Ktieb huwa qaddis. Kif noqogħdu miġbura meta nirċievu l-barka Ewkaristika, daqshekk ieħor għandna nuru qima lill-Kelma. Hija din il-Kelma li ser taslilna b’qawwa kbira matul dawn l-40 jum tar-Randan. Permezz ta’ din il-Kelma aħna m’hux biss nidħlu fi djalogu ma’ Alla, imma nintebħu x’nistgħu nagħmlu biex madwarna jkun hawn ordni soċjali aktar ġust.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2010/02/18/gustizzja-shiha-omelija-ta%e2%80%99-mons-isqof-mario-grech-celebrazzjoni-ta%e2%80%99-ras-ir-randan-knisja-katidrali-%e2%80%93-l-erbgha-17-ta%e2%80%99-frar-2010/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.