- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

In-Nawfraġju ta’ San Pawl: “il-mogħdija tal-Mulej” fostna
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Velja Djoċesana fl-okkażjoni tal-1950 Sena min-Nawfraġju ta’ San Pawl
Pjazza tal-Knisja, Munxar – It-Tlieta, 9 ta’ Frar 2010

Posted By admin On February 11, 2010 @ 8:47 pm In 2010 | Comments Disabled

The [1] Flash Player and [2] a browser with Javascript support are needed..


Festa nazzjonali

Il-festa tan-nawfraġju ta’ Missierna San Pawl m’hix biss festa reliġjuża tagħna l-Insara, imma għalina l-Maltin u l-Għawdxin hija festa tan-Nazzjon, hija festa li timmarka l-kalendarju nazzjonali tagħna għaliex in-nawfraġju ta’ Pawlu huwa parti mill-istorja ta’ ġensna.

Jekk ikollna nitfgħu ħarsa ħafifa fuq din l-istorja ta’ ġensna naraw illi seħħew diversi “passaġġi” li llum niftaħru bihom. Hekk, per eżempju, il-passaġġi li għamilna fl-Indipendenza, f’Jum il-Ħelsien ta’ pajjiżna, meta sirna Repubblika u meta dħalna fl-Ewropa. Dawn kollha huma passaġġi li ħallew marka fin-nisġa ta’ pajjiżna. Imma illejla nixtieq ngħinkom tirriflettu dwar passaġġ storiku ieħor illi wkoll iddetermina l-istorja ta’ pajjiżna.

Qed nirreferi għall-passaġġ jew “mogħdija” li wettaq il-poplu Malti u Għawdxi mal-wasla ta’ Pawlu fostna! Fir-rakkont tan-nawfraġju ta’ Pawlu li jagħtina Luqa fl-Atti tal-Appostli hemm elementi bibliċi li jfakkruni f’passaġġ ieħor importanti fl-istorja m’hux ta’ poplu li jgħix f’nazzjon partikulari, imma tal-poplu ta’ Alla li m’għandux konfini territorjali; bis-saħħa ta’ Pawlu aħna sirna nagħmlu parti minn dan il-poplu t’Alla!

Il-Mulej immarkana bil-“mogħdija” tiegħu fostna

Fl-Atti tal-Appostli għal darbtejn tissemma l-frażi “fl-erbatax-il ġurnata” jew “l-erbatax-il lejl”. Dan ifakkarna fir-rakkont tal-Eżodu meta l-Poplu ta’ Alla għadda mill-iskjavitù tal-Eġittu u wasal għall-ħelsien fl-art imwegħda, art li tnixxi ħalib u għasel. Meta l-poplu kien għadu fl-iskjavitù, Alla ried jgħinu jikseb il-ħelsien sħiħ; għalhekk qallu biex jieħu ħaruf ta’ sena u fl-erbatax tax-xahar ta’ Nisan joqtlu u bid-demm tiegħu iċappas l-għetiebi tal-bibien tiegħu biex f’dak il-lejl isseħħ il-mogħdija tal-Mulej minn fosthom – iseħħ l-“Għid” (ara Eż 12,3-11) u hekk jibda l-proċess tal-ħelsien. Fid-dawl ta’ dan, nara l-miġja ta’ Pawlu fostna bħala ġrajja provvidenzjali għax proprju fl-erbatax-il jum seħħ il-nawfraġju fuq xtutna u hekk bil-predikazzjoni tal-Appostlu seħħet fostna l-“mogħdija tal-Mulej”. Bil-miġja ta’ Pawlu fostna, kull wieħed u waħda minna, il-familji tagħna u djar tagħna ġew midluka m’hux bid-demm tal-ħaruf meħud minn nagħaġ jew mill-mogħoż (Eż 12,5), imma bid-demm tal-Ħaruf Divin. Pawlu tana lil Kristu, il-Feddej, li fuq is-salib ħasilna bid-demm tiegħu u naddafna mid-dnub. Hekk seħħet fostna l-mogħdija tal-Mulej. Dakinhar kien inawgurat proċess li għadu ma ntemmx, proċess li jimpenjana biex inkomplu nwettqu dan il-passaġġ spiritwali fl-istorja tagħna. Bis-saħħa tan-nawfraġju ta’ Pawlu, ġensna għamel passaġġ minn kultura teista għal kultura Kristjana.

Mill-mewt għall-ħajja

Fl-Atti tal-Appostli nkomplu naqraw li l-ġifen li fuqu kien għaddej Pawlu kien imħabbat ħafna mill-baħar. Ir-riħ tant kien jonfoħ u jqajjem mewġ għoli li l-baħrin fuq il-ġifen “tilfu kull tama li jsalvaw”(Atti, 27,13). Fil-lingwaġġ bibliku l-baħar għandu tifsira negattiva: huwa simbolu tal-qawwa ħażina, tal-kaos u tal-mewt. Il-baħar huwa l-ambjent fejn jgħammru l-bhejjem selvaġġi, bħal ma kien il-Levjatan (ara Is 27,1; Ġob 3,8). Għalhekk il-baħar irrabjat huwa simbolu tal-qawwiet ħżiena li jridu jibilgħu lill-bniedem! Fl-istorja tal-Eżodu ma naqrawx ukoll li l-poplu ta’ Alla kellu jgħaddi mill-baħar tal-Qasab, u li kieku ma kienx hemm l-intervent divin il-baħar kien jiblagħhom? (Eż14).

Pawlu flimkien mal-ekwipaġġ li kien hemm fuq il-ġifen jitħabat fl-ibħra territorjali tagħna għadda minn dan “il-baħar”, li kif qed ngħidu huwa simbolu tal-qawwiet negattivi u ħżiena. Dak il-baħar li kien iħabbat il-ġifen li fuqu kien hemm Pawlu, huwa l-istess baħar li qed iħabbat il-ġifen ta’ Kristu llum, u li fuq dan il-ġifen li huwa l-Knisja aħna lkoll rekbin. Huwa l-istess “baħar” li, bl-għajnuna ta’ Pawlu, ġensa qasam u għad irid ikompli jaqsam!

Għaġna ġdida, bniedem ġdid

Fl-Eżodu naqraw li lill-poplu tiegħu Alla qallu biex jiċċelebra ta’ kull sena dan il-jum tal-mogħdija tal-Mulej billi għal sebat’ijiem jieklu “ħobż ażżmu”, li huwa l-ħobż li jfakkar fit-tbatija li kienu jġarrbu meta kienu lsiera fl-Eġittu – huwa l-ħobż li jfakkar fil-passaġġ għall-ħelsien! Għalhekk, f’dawk is-sebat’ijiem, il-Lhud jarmu l-ħobż bil-ħmira li jkollhom, jieklu biss dan il-ħobż bla ħmira, mbagħad wara dawn il-jiem jagħmlu “għaġna ġdida”, li tfakkarhom li huma stess, frott tal-passaġġ, ikun twieldu mill-ġdid u saru għaġna ġdida.

Ma jfakkarkomx dan f’dak li jirrakkontalna Luqa fl-Atti ta’ l-Appostli meta jgħidilna li Pawlu ordna lil dawk li kien hemm miegħu fuq il-ġifen biex jarmu l-qamħ il-baħar? (27,28). Hekk Pawlu, wara li pprovdilhom “il-ħobż” li fuqu qal il-barka tar-radd il-ħajr, talabhom jarmu “l-għaġna l-qadima” ħalli huma jsiru għaġna ġdida! Hekk ukoll il-poplu tagħna li jagħmel dan il-passaġġ flimkien ma’ Pawlu, kellu bżonn jarmi l-għaġna l-ħażina ħalli jkun hemm għaġna ġdida; kellu bżonn li jbiddel il-libsa l-qadima u jkun bniedem ġdid u għaġna ġdida. Ċertament li meta Pawlu laqqa’ lill-Maltin ma’ Kristu u huma kkonfrontaw ruħhom mal-Evanġelju, sabu valuri li jaqblu mal-Bxara t-Tajba, imma sabu wkoll valuri, atteġġjamenti, drawwiet u fehmiet li kienu jikkuntrastaw mal-verità li tana Kristu. Kienet din il-“ħmira l-qadima” li kellhom u għandna nwaddbu ’l barra! Nistħajjel lil Pawlu jeżorta lill-Maltin bl-istess kliem li jikteb lill-Korintin: “Tnaddfu mill-ħmira l-qadima ħalli tkunu għaġna ġdida, kif intom bla ħmira. Il-Ħaruf tal-Għid tagħna li hu Kristu, hu maqtul. Nagħmlu festa, mhux bil-ħmira l-qadima, anqas bil-ħmira tal-qerq u tal-ħażen, imma bil-ħobż bla ħmira tas-safa u tas-sewwa” (1Kor 5,6-8).

Kodiċi ta’ ħajja

Matul l-eżodu tiegħu mill-Eġittu, Alla ta lill-poplu tiegħu t-twavel tal-Kmandamenti li huma kodiċi ta’ ħajja li tixraq lill-bniedem. Aħna nistgħu ngħidu li matul it-tliet xhur li Pawlu għamel fostna lilna wkoll ħallielna t-twavel tal-Liġi l-Ġdida, għaliex bil-predikazzjoni tiegħu Pawlu ħallielna l-Vanġelu mfisser mill-Appostlu, interpretu awtentiku tal-Kelma!

Ngħixu llum it-tifsira tal-ġrajja tan-Nawfraġju

Kif diġà għidt, din hija esperjenza tagħna llum. Aħna wkoll illum imsejħin biex inwettqu din il-mogħdija, illi nċappsu l-ġnub u l-blata tal-bibien tad-djar tagħna bid-Demm imqaddes ta’ Kristu, illi kull wieħed minna jġorr fuq ġbinu l-marka tas-sinjal tas-salib, l-għelm tal-fidwa tagħna! Aħna lkoll imsejħin biex ma naqtgħux qalbna ngħumu f’dan il-baħar imqalleb; aħna msejħin nitfgħu l-baħar l-għaġna l-qadima u nagħmlu għaġna ġdida u nkunu bnedmin ġodda.

Fidi u soċjetà ċivili

Iva, dan huwa l-passaġġ Pawlin li wassal lill-poplu ta’ Alla f’pajjiżna għall-ħelsien. B’danakollu ikollna nammettu li l-poplu tagħna donnu ma tantx għadu jgħożż din il-ġrajja. Għandi t-tħassib tiegħi kemm il-poplu Malti qiegħed jgħix id-dinamika ta’ dan il-passaġġ tant importanti li fil-ħajja tagħna jseħħ b’mod sagramentali dakinhar li nirċievu l-magħmudija. Meta nitgħammdu, aħna ninżlu fl-ilma, simbolu tal-mogħdija mill-baħar, biex noħorġu bnedmin ġodda rebbieħa fuq il-ħażen. Veru li l-poplu tagħna formalment huwa mgħammed, imma nistaqsi jekk tassew aħniex impenjati li ngħixu l-magħmudija tagħna, m’hux biss individwalment imma wkoll bħala kollettività. Jekk aħna poplu tal-imgħammdin, allura anke l-istess strutturi soċjali tagħna għandhom ikunu mdakkra minn dan it-tiġdid spiritwali u uman. Ma nkunu nitolbu xejn stroardinarju jekk aħna nistennew li dawk l-istrutturi, li jaħdmu għax aħna stess nagħżluhom u rriduhom, ikunu strutturi li jirrispettaw il-valuri tagħna, li ma nistħux ngħidu li rċivejna l-magħmudija Kristjana, għamilna dan il-passaġġ u ma ngħejjewx insejħu oħrajn biex jagħmlu din l-esperjenza profondament spiritwali u profondament umana.

Qabel ma ġie Pawlu fostna kien hawn dak li llum nistgħu nsejħulu sekulariżmu, jiġifieri kien poplu li ma kienx għaraf lil Alla veru ta’ Ġesù Kristu; imma ma’ Pawlu sar passaġg: ma’ Pawlu għarafna lil Kristu l-Iben t’Alla li sar bniedem biex juri lill-bniedem min hu l-bniedem. Għalhekk anke llum, filwaqt li rridu nirrispettaw il-lajċità pożittiva tas-soċjetà, ma naħsibx li għandna nfittxu li ninfatmu minn dak kollu li għandu referenza għal Alla, Għax altrimenti, jekk, kif għidt aktar ’il fuq, bis-saħħa tan-nawfraġju ta’ Pawlu ġensna għamel passaġġ minn kultura teista għal kultura Kristjana, il-lajċiżmu jista’ jwassalna biex nagħmlu passaġġ bil-kontra: minn soċjetà li temmen f’Alla għal waħda bla Alla.

Ngħaddu l-fidi lil uliedna

F’dak il-lejl tal-mogħdija tal-Mulej u tal-mogħdija tal-bniedem, Alla jirrakkomanda lill-poplu tiegħu ħalli jirrakkonta liċ-ċkejkin dak li Hu għamel miegħu meta għenu jibda t-triq tal-ħelsien – “meta hu baqa’ għaddej minn nofs id-djar ta’ wlied Iżrael fl-Eġittu meta darab lill-Eġizzjani iżda ħeles lil djarna” (Eż 12,27). Illejla qed nara diversi familji li ġew hawnhekk b’uliedhom żgħar; qed nara numru sabiħ ta’ adolexxenti. Forsi llejla dawn jistaqsu: “Ma, pa, nanna, għaliex illum ħadtuna l-Munxar f’dan il-ksieħ?”

Għeżież genituri, ħossukom kburin li llum, f’dan il-lejl li qed infakkru l-passaġġ ta’ Malta għall-ħajja ġdida Kristjana, intom tistgħu tgħaddu lil uliedkom din l-esperjenza. Importanti li t-trażmissjoni minn ġenerazzjoni għal oħra tal-konvinzjonijiet u l-valuri Kristjani tagħna ma taqtax. Hija l-familja l-ewwel skola u l-ewwel knisja li fiha ssir it-trażmissjoni ta’ dawn il-valuri. Dawn it-tfal tagħkom, jekk ma tgħaddulhomx intom dan il-patrimonju u din l-Aħbar it-Tajba, hemm ħaddieħor li kapaċi jimlielhom moħħhom u qlubhom b’ħafna imbarazz.

Nistennew iż-Żjara tal-Papa

Illum għandna bżonn Mosè ġdid. Pawlu huwa l-Mosè tal-poplu Malti u Għawdi li ħariġna mill-iskjavitù għall-ħelsien ta’ wlied Alla. Pawlu m’għadux magħna imma, jekk Alla jrid, fi ftit ġimgħat oħra nilqgħu fostna lil Pietru, is-sieħeb ta’ Pawlu. Aħna qegħdin nistennew lill-Q.T. il-Papa Benedittu XVI, is-suċċessur ta’ Pietru, jasal fuq xtutna biex f’isem Kristu, Mosè l-ġdid, bil-preżenza tiegħu u bil-kelma tiegħu jgħin lil dan il-poplu jissettja tajjeb il-boxxla ta’ fejn ser jagħtina d-direzzjoni għall-ġejjieni. B’ħeġġa nitħejjew għal din iż-żjara tal-Vigarju ta’ Kristu fostna, li ġej biex iwettaqna fl-impenn tagħna ħalli nsostnu dak il-passaġġ li pajjiżna għamel 1950 sena ilu meta seħħ in-nawfraġju tal-Appostlu Missierna San Pawl.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2010/02/11/in-nawfragju-ta%e2%80%99-san-pawl-%e2%80%9cil-moghdija-tal-mulej%e2%80%9d-fostna-omelija-ta%e2%80%99-mons-isqof-mario-grech-velja-djocesana-fl-okkazjoni-tal-1950-sena-min-nawfragju-ta%e2%80%99-san-pa/

URLs in this post:
[1] Flash Player: http://www.macromedia.com/go/getflashplayer
[2] a browser with Javascript support: http://www.mozilla.com/firefox/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.