Illum it-Tnejn 1 ta’ Frar 2010, Mons Isqof Mario Grech ħatar lil Mons Jimmy Xerri Ph.L. bħala l-Arċipriet il-ġdid tal-parroċċa tan-Nadur. Mons Xerri, saċerdot mill-presbiterju tal-parroċċa ta’ San Ġorġ, Victoria, Għawdex, ilu għal dawn l-aħħar 15-il sena missjunarju fil-Brażil.
Mons Jimmy Xerri qed jissuċċiedi lil Mons Salv Muscat li kien ilu Arċipriet tal-parroċċa tan-Nadur minn Novembru 1982.
Mons Jimmy Xerri twieled nhar it-30 ta’ Awissu 1957 fi New South Wales, l-Awstralja, minn Frank u Ġeswalda neè Vella. Gie mgħammed nhar il-15 ta’ Settembru 1957 fil-parroċċa tal-Verġni Marija tal-Karmelu, immexxija mill-patrijiet Karmelitani f’Wenworthville, bl-isem ta’ James George.
Beda l-edukazzjoni primarja tiegħu fl-iskola tas-sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù , u meta l-familja tiegħu irritornat f’Għawdex, kompla l-edukazzjoni fl-iskola Sir Arturo Mercieca u mbagħad Ninu Cremona fuq livell sekondarju.
Fl-1974 beda l-kors tiegħu fis-Seminarju ta’ Għawdex li kellu jwasslu biex jiġi ordnat saċerdot. Is-sena intermedjarja għamilha f’Melbourne, l-Awstralja, fil-parroċċa ta’ St Bernardette, f’North Sunshine. Huwa rċieva l-ordinazzjoni presbiterali fil-knisja Katidrali nhar is-Sibt 27 ta’ Ġunju 1981, minn idejn l-E.T. Mons Nikol Ġ. Cauchi. Iċċelebra l-ewwel quddiesa solenni tiegħu fil-parroċċa ta’ San Ġorġ, fil-belt Victoria.
Wara l-ordinazzjoni, Dun Jimmy mar Ruma u hemm ħa l-kors tal-filosofija. Lura f’Għawdex hu għadda erba’ snin bħala direttur tal-Istitut San Ġużepp, f’Għajnsielem. F’dak iż-żmien kien ukoll lecturer tal-Istorja tal-Filosofija fis-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù. Għal madwar tmien snin kien ukoll segretarju tal-Isqof Nikol Ġ. Cauchi u ħadem ukoll bħala segretarju fl-iskola tas-Seminarju Minuri.
Ghal snin twal Dun Jimmy wettaq ukoll ħidma pastorali fiż-żona tar-Ragħaj it-Tajjeb, f’Taċ-Ċawla. Hawn hu kien magħruf għall-omeliji tiegħu u għall-qalb kbira li kellu għal kulħadd u kien maħbub ħafna mit-tfal, żgħażagħ, adulti u anzjani. Mhux biss kien jorganizza l-laqgħat tal-Azzjoni Kattolika, imma wkoll spiss kien itella’ drammi u attivitajiet ta’ kull xorta flimkien maż-żgħażagħ.
Kien minn hawn li ħass is-sejħa li jħalli pajjiżu u telaq lejn il-Brażil biex iwettaq ħidma missjunarja f’dan il-pajjiż. Għadda żmien f’parroċċa f’Maceiò u għal xi snin okkupa l-kariga ta’ Rettur fis-Seminarju tal-istess belt. Dan l-aħħar kien kappillan ta’ San Sebastjan, f’Messias, fl-istat ta’ Alogoas, Brażil.
Barra l-kotba li kien ippublika meta kien għadu Għawdex, fosthom ‘Lejn Kultura Nisranija’ fl-1993, li baqa’ jservi għal snin twal bħala l-aħjar ġabra tas-sillabu tar-Reliġjon fuq livell avvanzat, kemm ilu l-Brażil Dun Jimmy ippubblika ħames kotba.
Monsinjur Ġdid għall-Kapitlu tal-Katidral
Mons Isqof Mario Grech ħatar lill-Kan Dun Anton Refalo Zammit mill-parroċċa tax-Xagħra bħala Monsinjur Kanoniku tal-Katidral ta’ Għawdex.


