F’quddiesa pontifikali li l-Isqof Mario Grech mexxa nhar il-Ħadd filgħodu, 3 ta’ Jannar, fil-Bażilika ta’ San Ġorġ fl-okkażjoni tal-festa tal-Epifanija, huwa wassal dan il-messaġġ:
Skont it-tradizzjoni, il-maġi li marru jaduraw lil Ġesù tarbija kienu għorrief u slaten. F’Betlehem huma kellhom laqgħa kemm ma’ Kristu kif ukoll mal-ewwel komunità Nisranija preżenti fil-Familja Mqaddsa. X’messaġġ għandha l-komunità Nisranija llum lill-“maġi” ta’ żminijietna li qed jagħtu direzzjoni lill-ħajja tas-soċjetà? Dawn huma l-politiċi, il-leġiżlaturi u n-nies ta-kultura u tal-midja.
F’Novembru li għadda, grupp ta’ Kattoliċi, Anglikani, Ortodossi u Evanġeliċi permezz tad-Dikjarazzjoni ta’ Manhattan sejħu lil dawk li għandhom kuxjenza Nisranija biex jingħaqdu flimkien u jwasslu lill-“maġi” kontemporanji messaġġ dwar il-valur tal-ħajja, in-natura taż-żwieġ u l-libertà reliġjuża – tliet prinċipji fundamentali tal-ġustizzja u l-ġid komuni.
Filwaqt li jfakkru fid-dmir ta’ kull ċittadin li jobdi l-liġijiet ġusti, iddikjaraw li mhux lesti li joqogħdu għal liġijiet immorali. L-istituzzjonijiet ta’ dawn il-komunitajiet Insara jirrifjutaw li jagħmlu abort, riċerki li jeqirdu l-embrijun uman, assistenza lil min irid jagħmel ewtanasja u kull azzjoni kontra l-ħajja.
Huma jtennu wkoll li ma jridux imilu quddiem xi liġi li titlob minnhom li jbierku partnerships sesswali immorali; li b’xi mod jikkunsidraw dawn ir-relazzjonijiet daqslikieku huma żwiġijiet normali; u li ħadd ma jpoġġilhom sarima fuq fommhom biex ma jgħidux il-verità dwar il-moralità u l-immoralità taż-żwieġ u l-familja.
Huma jaffermaw id-dritt tal-libertà reliġjuża u d-dritt għal-libertà tal-kuxjenza. Quddiem kultura li trid li d-diskors reliġjuż jibqa’ bejn l-erba’ ħitan tas-sagristija, hemm bżonn jiġi affermat li f’soċjetà demokratika, bħal kull ċittadin ieħor, in-Nisrani għandu d-dritt li jitkellem fil-pjazez.
Dan kollu japplika għar-realtà tagħna! L-Insara f’pajjiżna, flimkien ma’ dawk kollha ta’ rieda tajba, għandhom joħolqu moviment li jimbotta l-konvinzjonijiet morali u reliġjużi tagħhom fil-ħajja pubblika, biex “il-maġi” ta’ llum jagħrfu jieħdu direzzjoni korretta u, jekk ikun meħtieġ, jitbiegħdu minn dawk “il-palazzi” moderni tat-tmexxija u tal-ġustizzja li f’xi waqtiet isiru jixbhu l-“palazz ta’ Erodi”.