Ufffiċċju Komunikazzjoni Soċjali
Kurja tal-Isqof
Rabat
Għawdex
28 ta’ Diċembru 2009
Stqarrija lill-Midja
DAWL FUQ ID-DLAMIJIET TA’ LLUM
Fil-quddiesa ta’ filgħaxija nhar il-Milied, l-Isqof t’Għawdex Mons Mario Grech qaddes quddiesa pontifikali fil-Katidral t’Għawdex. Huwa wassal dan il-messaġġ:
“Għall-bniedem li jkun miexi fid-dlam tal-ħajja, il-Milied inissel it-tama għax fit-twelid ta’ Kristu “id-dawl idda fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux”.
Meta twieled Ġesù kien hemm tliet tipi ta’ persuni li kienu fid-dlam, imma meta ltaqgħu ma’ Ġesù tarbija beda jbexbex jum ġdid għalihom. F’dawn il-kategoriji ta’ nies naraw esperjenzi tal-bniedem ta’ llum. Continue reading >>
Uffiċċju Komunikazzjoni Soċjali
Kurja tal-Isqof
Rabat
Għawdex
20 ta’ Diċembru 2009
IL-LINGWAĠĠ EVANĠELIKU TAL-PRESEPJU
Messaġġ tal-Isqof Mario Grech
fl-okkażjoni tal-ftuħ u t-tberik tal-Wirja ta’ Presepji
imtellgħa mill-Għaqda Ħbieb tal-Presepju – Għawdex
Sala tal-Ministeru għal Għawdex – Is-Sibt 19 ta’ Diċembru 2009
“Din il-wirja hija xhieda li fostna mhux biss għandna artisti li b’ħila joħolqu l-presepju, imma għandna wkoll għadd ġmielu ta’ ’skribi’. Għaliex meta l-artist jibni jew ipitter il-presepju, huwa jkun qiegħed ukoll jikteb mill-ġdid l-Evanġelju, li huwa l-bxara t-tajba ta’ Alla li sar bniedem biex jifdina. Min jieqaf jara l-presepju, fl-istess ħin ikun qed “jaqra” il-ġrajja tal-inkarnazzjoni tal-Iben t’Alla. Continue reading >>
Uffiċċju Komunikazzjoni Soċjali
Kurja tal-Isqof
Rabat
Għawdex
20 ta’ Diċembru 2009
Il-bieraħ filgħodu, is-Sibt 19 ta’ Diċembru 2009, fil-knisja tal-Patrijiet Franġiskanki Minuri f’Għajnsielem, l-Isqof Mario Grech mexxa quddiesa pontifikali li fiha ta ordna lil Fra Stephen Magro OFM bħala Djaknu. Fl-omelija l-Isqof Grech qal:
BIEX IS-SOĊJETÀ STERILI TAGĦTI L-ĦAJJA
“Fejn fl-imgħoddi s-soċjetà tagħna kienet fekonda, tant li pproduċiet ħafna ħwejjeġ sbieħ u għamlet kisbiet importanti, dan l-aħħar donnu qed tinfirex l-isteriltà. Dan huwa minnu kemm fis-sens li l-ħajja umana saret razzjonata, tant li r-rata tat-twelid naqset ħafna – anke jekk dan ser ikollu konsegwenzi negattivi fil-futur – , kif ukoll għaliex f’diversi aspetti tal-ħajja sirna tant sterili li m’għandniex ħila nwelldu xejn ġdid! Continue reading >>
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Festa ta’ Santa Luċija, Santa Luċija, Għawdex
Il-Ħadd, 13 ta’ Diċembru 2009
Ftit aktar minn 40 sena ilu, fi tmiem il-Konċilju Vatikan II, fil-messaġġ tagħhom lill-umanità, l-isqfijiet appellaw lin-nisa biex jagħtu sehemhom ħalli “il-bnedmin jirrikonċiljaw ruħhom mal-ħajja”. Meta tqis kemm illum il-ħajja tal-bniedem hija vulnerabbli, inħoss li għandi nagħmel eku ta’ dik il-vuċi profetika tal-Konċilju u mill-ġdid nappella lin-nisa biex b’mod attiv jirrikonċiljaw lill-bniedem mal-ħajja.
Femminiżmu ġdid
L-esperjenza tal-maternità tnissel sensibilità qawwija favur il-ħajja. Il-maternità ġġorr magħha rabta speċjali mal-misteru tal-ħajja umana li titnissel fi ħdan il-mara. Dan il-kuntatt uniku mal-bniedem li jissawwar fil-ġuf, inissel fil-mara atteġġjament għal kollox uman mhux biss lejn il-wild li jitwieled mill-mara, imma lejn kull bniedem. Dan jagħti timbru speċjali favur il-ħajja lill-personalità tal-mara. Continue reading >>
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Għoti tal-Ministeru tal-Akkolitat
Parroċċa San Lawrenz, Għawdex – Il-Ħadd, 6 ta’ Diċembru 2009
Esperjenzi ta’ qtiegħ il-qalb
Hija l-esperjenza tal-bniedem ta’ llum li jiġri li nagħtu bidu għal xi proġett u mmiddu għonqna għal ċerta direzzjoni imma ma nwasslux, għax qisu naqtgħu jiesna li dak l-iskop li nkunu ffissajna naslu biex nilħquh.Dan narawh fil-ħajja individwali tagħna; per eżempju, l-instabilità tal-bniedem illum li ma jafx x’irid – filli miexi f’direzzjoni u filli f’oħra.Dan narawh fil-ħajja tal-familja tagħna, fejn sfortunatament għandna koppji li jibdew il-ħajja taż-żwieġ u tal-familja u ma jwasslux imma jieqfu f’nofs it-triq.Narawh ukoll xi drabi fil-ħajja tagħna s-saċerdoti.Dan narawh fil-ħajja tas-soċjetà li tagħmel ħafna proġetti imma ħafna drabi tħalli x-xogħol nofs kedda u jkollha tibdel u taghmel adattamenti għaliex jew it-triq hija twila u mħarbta jew għax insibuha magħluqa u ma nistgħux ninfdu. Continue reading >>
Fl-okkażjoni tal-festa tal-Kunċizzjoni li saret fil-Qala, Għawdex, l-Isqof Mario Grech għamel stedina biex ikollna soċjetà u Knisja mingħajr tbajja’:“Il-kuntrast tal-festa tal-Kunċizzjoni: dik li tnislet mingħajr tebgha ġiet iċċelebrata minn Knisja u soċjetà mtebbgħa. Din it-tebgħa qed tikber għax kotor id-dnub, partikularment dak li ġej mill-malizzja, imma fuq kollox għax illum il-bniedem qed jitlef is-sens tad-dnub.Hemm id-dnub kontra l-komunjoni fil-Knisja u fis-soċjetà . It-tixwix, tkeskis, qlajjiet, gideb u l-għawi jistigaw il-mibgħeda u jnisslu l-firda. Imġieba bħal din hija skandlu u tfieri lill-individwi u lill-komunità.Hemm id-dnub kontra l-ħajja, bħal fil-każ ta dawk il-ħajjiet umani li wara li jitnisslu fil-laboratorju jiġu mormija jew iffriżati għax mhux kollha jitqiegħdu fil-ġuf. Is-soċjetà jkollha aktar għalfejn tinkwieta meta prattika bħal din ikollha l-protezzjoni tal-liġi.Hemm id-dnub kontra ż-żwieġ u l-familja. Għal xi wħud l-infedeltà fiż-żwieġ hija prassi aċċettata. Il-ġmiel tas-sesswalità qed jitbattal b’kampanja favur sess bl-irħis fiż-żwieġ u barra miż-żwieġ. Il-vjolenza domestika hija dramma mhux tant rari fostna.Fid-dawl tal-konferenza ta’ Copenhagen dwar il-klima, il-bniedem għandu jagħmel eżami ta kuxjenza dwar id-dnubiet kontra l-ambjent. L-ambjent huwa don t’Alla u għandu jiġi trattat b’responsabiltà lejn il-foqra, lejn il-ġenerazzjonijiet futuri u lejn is-soċjetà.F’dan il-kuntest, il-festa tal-Kunċizzjoni tgħidilna li d-dnub mhux l-aħħar kelma fl-istorja tal-bnedmin. Għax kif bil-merti ta’ Kristu, Marija ġiet meħlusa minn kull dnub, hekk il-bniedem li jilqa’ lil Kristu f’ħajtu jsib fiH ir-raġuni biex jirbaħ id-dnub fid-diversi espressjonijiet tiegħu.
Il-bieraħ, il-Ħadd 6 ta’ Diċembru, Mons Isqof Mario Grech ta l-ministeru tal-akkolitat lil ħames seminaristi Għawdxin. Is-seminaristi li rċevew dan il-ministeru huma: Krystoff Buttigieg (mill-parroċċa tal-Qala), Samuel Grech (mill-parroċċa ta’ Għajnsielem), John Meilaq (mill-parroċċa tal-Katidral), Trevor Sultana u Franklin Vella (mill-parroċċa tax-Xewkija). L-għoti tal-ministeru tal-akkolitat sar waqt ċelebrazzjoni tal-quddiesa fil-parroċċa ta’ San Lawrenz.