- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

ITTRA PASTORALI AVVENT 2009

Posted By admin On November 28, 2009 @ 9:40 pm In MEC Communications, Pastoral Letters | Comments Disabled

[1] Verzjoni PDF

[2] English Version of Pastoral Letter can be read from here

ITTRA
PASTORALI
MILL-E.T. MONS. PAWL CREMONA O.P.
Arċisqof ta’ Malta
u
MILL-E.T. MONS. MARIO GRECH
Isqof ta’ Għawdex
AVVENT 2009

SEJĦULHOM KRISTJANI (Atti 11,26)

Maħbubin Uliedna,
Aħna qegħdin inwasslulkom din l-Ittra Pastorali tagħna għall-Avvent, iż-żmien li għalina l-Insara jrid iwassalna biex niċċelebraw it-twelid ta‟ Sidna Ġesù Kristu fostna.
Din is-Sena, dan l-Avvent se jkun ukoll magħqud ma‟ żewġ miġjiet oħra li huma maħsubin biex jgħinuna nilqgħu dan il-messaġġ.
Is-sena d-dieħla, fl-2010, aħna se nfakkru lil Missierna San Pawl fin-nawfraġju li wasslu fuq din il-gżira. Dak iż-żmien in-nies laqgħu lil San Pawl b‟att ta‟ karità, meta marru jgħinuh wara l-għarqa. Iżda huma wkoll, megħjunin mill-mirakli ta‟ San Pawl fuq il-gżira, laqgħu l-messaġġ tiegħu: it-tislima li tawh meta telaq mill-gżira tagħtina ħjiel li hu ħalla komunità ta‟ nsara warajh. Il-laqgħa ta‟ Pawlu mal-Gvernatur tal-gżira, Publju, tiġi murija fil-kuntest ta‟ miraklu, li dejjem jiġi marbut max-xandir tal-Kelma.
Din is-sena ġie mħabbar ukoll li se jkollna l-Qdusija tiegħu il-Papa Benedittu XVI li hu wkoll se jagħmel żjara fil-gżira tagħna. Huwa wkoll, bħal Ġesù l-ewwel, bħala San Pawl, se jwasslilna l-Aħbar it-Tajba għaż-żminijiet tagħna llum.

It-Tweġiba tagħna

Fid-dawl ta‟ dan, aħna l-Isqfijiet nixtiequ li b‟din l-Ittra Pastorali nindirizzaw il-Poplu tagħna kollu, u b‟mod speċjali lil dawk li verament qegħdin ifittxu b‟impenn li jkunu membri sħaħ u impenjati tal-Knisja Kattolika f‟pajjiżna. Qegħdin ngħidu dan mhux biex nonqsu mir-rispett lil xi ħadd li jagħmel għażliet differenti, jew biex nagħmlu xi esklużjoni ta‟ xi ħadd fis-sens negattiv tal-kelma, iżda biex inħeġġu lil kulħadd biex jagħraf x‟inhi s-sejħa li qed jagħmillu Alla biex jagħmel l-għażla tiegħu jew tagħha li jsib postu fil-Knisja ta‟ Alla. Dawk li ma jemmnux iridu jaraw li hemm twemmin u mġiba partikolari mgħallma u murija f‟Sidna Ġesù Kristu fil-Komunità tal-Knisja. Jekk imbagħad dan jibda jagħmel sens spiritwali f‟qalbhom u f‟moħħhom dan għandu jwassal biex huma wkoll jingħaqdu b‟impenn mal-Knisja.

Sidna Ġesù Kristu kien diġà qal li ġie fid-dinja biex iġib il-firda (ara: Lq 12, 51). Imma, għal Ġesù, din il-firda hija temporanja, biex jidher aħjar il-messaġġ f‟dawk li jimpenjaw ruħhom biex jgħixu l-messaġġ tiegħu. F‟min jemmen, din il-firda iktar tnissel fih ix-xewqa li oħrajn jingħaqdu miegħu f‟dak li jemmen fih. Kull komunità nisranija f‟kull żmien, fil-għan li twassal il-messaġġ ta‟ Ġesù lil kulħadd, trid taħseb li tagħmel esperjenza ta‟ din il-firda.

Kif se nwettquha?

Ġieli jkun hemm xi wħud li jitkellmu fuq il-libertà fil-Knisja Kattolika, bħalma jitkellmu fuq id-dritt għal-libertà ta‟ opinjoni fl-Istat. Ir-realtà hija totalment differenti. Id-drittijiet tal-membri tal-Istat joħorġu mill-fatt li huma ċittadini tal-istat demokratiku mit-twelid tagħhom, jew minn ċittadinanza mitluba u mogħtija mill-Istat. Ma titlobx għażla minn dawn iċ-ċittadini: għalhekk l-Istat irid jaċċetta l-libertà ta‟ opinjoni taċ-ċittadini kollha, sakemm ma tmurx kontra xi ġid komuni. Għalhekk nitkellmu minn soċjetà pluralistika u liberali fis-sens sabiħ u pożittiv tal-kelma.
Persuna tidħol fil-Knisja Kattolika permezz tas-sagrament tal-Magħmudija. Fil-magħmudija in-nisrani jgħaddi minn, u jirċievi l-grazzja li ħarġet mill-mewt u l-Qawmien ta‟ Ġesù. Hija grazzja li tiġi offruta lill-bnedmin kollha. Iżda ladarba hija offerta, titlob li persuna, liberament, tilqa‟ din l-offerta. Fil-każ ta‟ tarbija, il-ġenituri jilqgħu din l-offerta u jgħammdu lit-trabi tagħhom, għaliex huma jixtiequ jgħaddu lil uliedhom il-Fidi tagħhom fi Kristu fi ħdan il-Knisja. Meta persuna ssir adulta, jiġifieri tkun tista‟ tagħmel id-deċiżjonijiet tagħha, hija trid tikkonferma din id-deċiżjoni liberament, inkella ma tkunx qiegħda tħalli l-grazzja taħdem fiha. Dawn id-deċiżjonijiet jimplikaw li wieħed iħaddan il-ħajja u t-tagħlim ta‟ Sidna Ġesù Kristu. Il-magħmudija u l-konferma tagħha jikkorrispondu mas-sejħa ta‟ Ġesù lid-dixxipli tiegħu: “Ejja warajja”. Din hija l-„kuxjenza kollettiva‟ li jidħol għaliha n-Nisrani.
L-istess ħaġa tiġri per eżempju meta wieħed jagħżel li jidħol fi grupp ambjentalista, jew tal-isports eċċ. Kulħadd ikun jaf il-„kuxjenza kollettiva‟, l-finalitajiet tal-grupp li jkun daħal fih: għalhekk għażlu. L-għażla jkun għamilha meta ddeċieda li jidħol jew ma jidħolx f‟dak il-grupp. Mill-għażla li jkun għamel, joħorġu d-deċiżjonijiet kollha tiegħu, jew għallinqas ikejjel id-deċiżjonijiet tiegħu ma‟ din il-„kuxjenza kollettiva‟.
Hija l-istess konklużjoni loġika li jridu jagħmlu l-membri tal-Knisja Kattolika biex iħossuhom membri sħaħ tal-Knisja. Iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed jinħass il-bżonn li kull wieħed u waħda minna jagħmel din il-għażla. Ġesù għamel din il-firda fost dawk li kienu jkunu jisimgħuh b‟din l-offerta: “Imxi warajja” (Lq 9,59). Huma dawk biss li qalu „Iva‟ lil Ġesù li saru verament „tiegħu‟! Tant hu hekk li f‟Antjokja,”d-dixxipli għall-ewwel darba, sejħulhom „Kristjani‟” (At 11,26).
Ħafna minna rċevejna l-fidi tagħna minn ħdan kultura li kienet tgħaddilna l-Fidi u r-Reliġjon Nisranija: mal-Fidi tagħna kellna kultura li tipproteġina. Il-kultura llum għandha wkoll xi ideat tagħha li xi drabi jbegħduna mill-Mulej. Dan ifisser li min ma għamilx din id-deċiżjoni konxja, ta‟ adult, li jimxi wara l-Mulej, jibqa‟ jsejjah lilu nnifsu Nisrani, iżda faċli jitmexxa bil-kultura tal-mument: ikun iktar jirrifletti lilha milli lil Kristu.

L-Għażliet fostna

Xi wħud li ħallew lilhom infushom jitmexxew mill-kultura biss, illum għażlu li ma jibqgħux parti mill-Knisja Kattolika u ħarġu minnha. Għalkemm dan iweġġagħna u nixtiequ narawhom jerġgħu jirritornaw għall-Knisja, wieħed jirrispetta d-deċiżjoni li għamlu.
Xi wħud isibuhom komdi li jagħżlu mill-elementi tal-Fidi tagħna biex ma jitilfu xejn mill-kultura tagħna. Xi wħud għadhom isejħu lilhom infushom membri tal-Knisja Kattolika, iżda ma daħlux fl-aċċettazzjoni tal-„kuxjenza kollettiva‟ tal-membri tal-Knisja Kattolika. Aħna nixtiequ li nħeġġu lil dawn l-aħwa jiddeċiedu fejn se jqiegħdu l-għażliet fundamentali tagħhom. Nafu li dan mhux faċli! Inħossu li huwa diġà sinjal pożitiv meta jħossu nternament li huma f‟pożizzjoni skomda bejn il-fidi u l-pressjoni tal-kultura tal-lum fejn tmur kontra l-valuri tal-Fidi. Dan għandu jgħinhom biex jieħdu deċiżjoni.
Imbagħad hemm xi wħud li għamlu l-għażla fundamentali fil-ħajja tagħhom li kkonfermat il-fidi li rċevew fil-magħmudija. Ir-Reliġjon kulturali nbidlet b‟għażla ta‟ Fidi li ddawwal il-viżjoni tagħhom tad-dinja ta‟ madwarhom: daħlu fil-„kuxjenza kollettiva‟ tal-Knisja u jistgħu jingħarfu għax huma parti minn din il-„kuxjenza kollettiva‟.
Ġesù, li kien jaf in-natura tal-bniedem, qegħedha ċara l-għażla tagħna: “Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus” (Mt 6,24). Bi „flus‟ Ġesù qiegħed jifhem dak kollu li jtellef lill-bniedem milli jaqdi lil Alla. Ma riedx li nidħqu bina nfusna. Min jagħżel li jaqdi l-flus huwa ċar fil-ħsibijiet tiegħu: jista‟ xi darba jagħmel għażla oħra. Min jagħżel li jaqdi lil Ġesù huwa wkoll ċar: irid jersaq lejn Ġesù. L-ikbar traġedja, u Ġesù kien jafha, hija ta‟ dawk li jibqgħu fin-nofs. Jaħsbu li jistgħu jgħaddu mingħajr ma jagħmlu l-għażla għal Ġesù, jibqgħu isejħu lilhom infushom „insara‟ għaliex hekk ġew mgħammda, iżda fil-fatt jaqdu l-kultura ta‟ llum f‟kollox.
U hawnhekk tiġi l-kuntradizzjoni ta‟ xi wħud. Ngħid li jien nisrani u ma nersaqx lejn il-Knisja, lejn il-Kelma ta‟ Alla u lejn l-Ewkaristija. Din il-ħaġa ssir biss meta nitkellmu fuq il-Fidi tagħna, għax meta fil-ħajja soċjali tagħna nidħlu għal xi impenn, normalment naċċettaw dak kollu li titlob din l-għażla. Ngħidu li aħna nsara iżda ma nipprattikawx il-Fidi, u allura nibdew nitbegħdu mill-Fidi jew ngħixuha biss fil-qoxra!
Hija din l-isfida tagħna, din il-firda, li xtaqna nipproponu għal din is-Sena ta‟ San Pawl. Nixtiequ li din is-sena tkun ta‟ tisħiħ għal kull min diġà għażel lil Kristu biex jimxi warajh. Nixtiequ nuru l-imħabba tagħna għal dawk li għażlu li ma jridux jimxu wara Ġesù fil-Knisja. Iżda fuq kollox nixtiequ tkun sena ta‟ grazzja u ta‟ deċiżjoni għal dawk li għadhom fin-nofs: dawk li għadhom iħossuhom insara iżda mhux qegħdin iwieġbu għas-sejħa ta‟ Ġesu‟ biex jimxu warajh.

Konklużjoni

Aħna qegħdin f‟mument importanti tal-Knisja tagħna f‟pajjiżna. Aħna konna trabbejna u għexna f‟kuntest ta‟ kultura li kienet mimlija bis-sinjali tar-reliġjon Kattolika. Ir-realtà issa hija ħafna differenti. Il-kultura prevalenti m‟għadhiex tirrifletti f‟ħafna affarijiet dak li joħroġ mill-Fidi u t-tagħlim ta‟ Sidna Ġesù Kristu. Biex ngħixu l-Fidi f‟din ir-realtà rridu li din il-fidi l-ewwel tkun preżenti f‟qalbna għax għażilna li nilqgħu s-sejħa li għamlilna Ġesù, u mbagħad inkunu kapaċi ngħixu ta‟ „Kristjani‟ fil-kultura llum.
Il-komunità tal-Knisja trid tingħaraf iktar mill-kliem u l-imġieba tal-membri tagħha milli biss mir-reġistri tal-Magħmudijiet. Ġesù kien ċar: li jridu jagħrfuna mill-għemejjel tagħna.
Xtaqna li ngħidu dan b‟imħabba u urġenza kbira mhux biex inbeżżgħu lil xi ħadd. Dan kollu qegħdin ngħiduh f‟kuntest ta‟ ħafna mħabba anki għal dawk li ddeċidew li jitilqu l-Knisja, u forsi jħossu li għandhom jeħduha kontra l-Knisja fuq ċerti punti. Qegħdin ngħiduh għaliex irridu nkunu konxji minn dan il-proċess, u nidħlu fih, mhux inħalluh jgħaddi minn fuqna.
F‟din is-sena l-Mulej qed jagħmillek din l-offerta permezz tagħna. It-tweġiba hija f‟idejk. Nitolbu biex ikun hemm ħafna li jgħidu bħal San Pietru: “Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta‟ dejjem, u aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta‟ Alla” (Ġw 6, 68.69). Kull min għamel l-għażla bħal San Pietru, ma ddispjaċihx!
Nagħtukom il-barka pastorali tagħna b‟rahan ta‟ kull ġid mis-sema.
Illum, 22 ta’ Novembru 2009,
Solennità ta’ Sidna Ġesù Kristu, Sultan tal-Ħolqien kollu.
 PAWL CREMONA O.P. MARIO GRECH
Arċisqof ta’ Malta Isqof ta’ Għawdex


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2009/11/28/ittra-pastorali-avvent-2009/

URLs in this post:
[1] Verzjoni PDF: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2009/11/avvent-2009.pdf
[2] English Version of Pastoral Letter can be read from here: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2009/11/advent-2009.pdf

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.