KUNFLITT TA’ ĊIVILTAJIET
Nhar it-Tlieta 8 ta’ Settembru 2009, filgħodu, l-Isqof Mario Grech mexxa quddiesa pontifikali fl-okkażjoni tal-festa ta’ Marija Bambina li saret fil-Bażilika tax-Xagħra, Għawdex. Fl-omelija tiegħu huwa qal:
“F’epoka ta’ kunflitti ta’ ċivilitajiet, iċ-ċiviltà Kristjana tal-Ewropa kull ma jmur qed tiddgħajjef. Fattur ewlieni f’dan il-proċess huwa l-liberaliżmu li min-natura tiegħu jirrifjuta d-dimensjoni reliġjuża. Effett ta’ dan, illum għandna politiċi, leġiżlaturi, xjenzjati u ħassieba li jagħżlu li fl-operat tagħhom ma jagħmlu ebda referenza għal Alla. Sfortunatament anke xi Nsara llum jidhru konvinti li biex ikunu politically correct, ikun aħjar jekk ma jesprimux il-konvinzjonijiet Insara tagħhom fil-pubbliku. Dan l-atteġġjament qabbad fl-Ewropa proċess ta’ apostasija tal-Kristjanità.
Il-festa tal-Vittorja hija marbuta ma’ żewg ġrajjiet li seħħew snin ilu fl-istorja ta’ ġensna, imma fl-istess waqt jispiraw proċess li għadha għaddejja minnu c-civiltà tagħna.
Il-konfront mat-Torok fl-Assedju l-Kbir ifakkarna fil-preżenza tal-Iżlam fl-Ewropa u f’pajjiżna. Ċertament li l-Iżlam huwa wieħed mill-qawwiet morali tal-umanità u d-djalogu bejn il-Musulmani u l-Insara għandu jissokta għax jista’ jagħmel il-ġid. Imma n-nuqqas ta’ tolleranza li naraw f’ħafna pajjiżi Iżlamiċi, peress li xi membri ta’ din ir-reliġjon ma jagħrfux id-dritt għal-libertà reliġjuża u d-dritt għal-libertà tal-kuxjenza, joħloq tħassib serju, aktar u aktar meta fil-prinċipju dawn ma jeskludux l-użu tal-vjolenza. Dawn huma żewġ prinċcipji importanti fin-nisġa taċ-ċiviltà tagħna.
Għalkemm fit-8 ta’ Settembru 1943 bdiet l-irtirata tan-Nażiżmu bl-iffirmar tal-armistizju mill-Italja, xi kultant l-ispirtu Nażista jinħass fostna llum. Kif in-Nażi riedu jeqirdu lil-Lhud biex jassiguraw razza pura, illum fostna hawn min irid, bl-iskuża biex ma nitħalltux ma’ nies b’ġilda skura, jagħlaq il-bieb għal dawk l-immigranti li qed jaslu fuq xtutna fuq id-dgħajjes. Anke jekk għall-argument dawn l-immigranti huma kollha Musulmani, kif ipprova jallega xi ħadd, xorta ma għandniex nagħlqu qalbna għalihom – fl-aħħar mill-aħħar, il-Musulmani huma proxxmu wkoll! Però tajjeb niftakru li fost dawn l-imsejkna immigranti hemm ukoll għadd ta’ Nsara. Ma nistgħux nippermettu li dak li għamlu n-Nażi fl-olokawst, jirrepeti ruħu fi żmienna f’mod jew ieħor. Huwa minnu li l-mezzi tagħna huma limitati ħafna biex nindirizzaw din id-dramma umana waħidna, imma fl-assenza ta’ mezzi materjali n-nazzjon għandu vuċi li tista’ tinstema f’fora internazzjonali u tinterpella għal aktar ħidma fattiva favur din il-kawża.
L-esperimenti fuq il-bniedem li kienu jagħmlu n-Nażi fil-kampijiet tal-konċentrament ifakkruna fl-istess esperimenti umani li jsiru llum fil-laboratorji. F’ċerti każi, l-inġenerija ġenetika hija manipulazzjoni tal-ħajja umana. Xi wħud qed jistennew li jkollna qafas legali li jagħti liċenzja biex isiru ċerti interventi kemm biex inisslu l-ħajja, kif ukoll għal motivi terapewtiċi. Li jkollna leġiżlazzjoni li tirregola dawn il-prattiċi huwa urġenti. Wieħed jistenna li din tkun tirrispetta l-liġi t’Alla. Għal kull eventwalità, wieħed dejjem għandu jżomm quddiem għajnejh li mhux dak kollu li legalment jista’ jsir, huwa moralment jew etikament leċitu.
L-individwaliżmu, l-utilitarjaniżmu u l-egoiżmi li ħolqu sistemi rrendew is-soċjetà ta’ żminijietna inċivili! F’dan il-kuntest, in-Nisrani huwa msejjaħ biex jipproponi ċ-ċiviltà tal-imħabba. Mhux biżżejjed li llum għamilna liġijiet li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem, għax jekk jonqos ir-rispett u s-sens ta’ qadi lejn l-oħrajn, anke l-ugwaljanza quddiem il-liġi tista sservi bħala alibi biex ikun hemm diskriminazzjoni u sfruttament. Għalhekk f’din iċ-ċiviltà tal-imħabba, l-istess ġustizzja tiġi integrata u sublimata fl-imħabba.
It-test sħiħ tal-omelija jidher ‘il quddiem.