Archive for June, 2009

Ordinazzjoni ta’ Presbiteri u Djakni

ordinazzjoni_poster.jpg

Il-Ġimgħa, 12 ta’ Ġunju - Velja ta’ Talb fis-Seminarju tal-Qalb ta’ Gesu fid-9.00 p.m.
Is-Sibt, 13 ta’ Ġunju - Ordinazzjoni ta’ Presbiteri fil Knisja Katidrali fis-6.30 p.m.
It-Tlieta, 23 ta’ Ġunju - Ordinazzjoni ta’ Djakni fil-Knisja Katidrali fil-5.30 p.m.

 

STQARRIJA GHALL ISTAMPA TAL-KULLEĠĠ TAL-KAPPILLANI TA’ MALTA
Uffiċċju Stampa, Kurja ta’ L-Arċisqof, Floriana

Il-Kulleġġ tal-Kappillani ta’ Malta esprima d-diżapprovazzjoni tiegħu għall-att vandalu li sar fuq il-Kurja tal-Isqof ta’ Għawdex u għall-insulti li saru kontra l-Isqof stess.  Huma juru s-solidarjeta’ sħiħa mal-Isqof Mario Grech u jwegħduh it-talb tagħhom biex ikompli bil-ħidma dedikata tiegħu bħala Ragħaj tad-Djoċesi ta’ Għawdex u jkompli jaħdem għall-ġid tal-Knisja f’Għawdex.

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
Uffiċcju Stampa, Kurja ta’ l-Arċisqof, Floriana

L-Arċisqof Pawlu Cremona, O.P., u l-Vigarju Ġenerali, Monsinjur Annetto Depasquale esprimew is-solidarjetà tagħhom ma’ ħuhom Monsinjur Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex.

Huma talbu lill-Mulej biex ikompli jieqaf miegħu u jbierku bid-doni tal-għerf u l-qawwa biex jibqa’ jkun xbieha tar-Ragħaj it-Tajjeb qrib il-merħla tiegħu.

STQARRIJA TAL-KULLEĠĠ TAL-KAPPILLANI TA’ GĦAWDEX

Fid-dawl tal-ġrajjiet tal-lejl li għadda, meta persuna jew persuni mhux magħrufa kitbu kliem offensiv fil-konfront tal-ministeru pastorali tal-Isqof t’Għawdex, Mons Mario Grech, il-Kappillani ta’ Għawdex, f’laqgħa li saret illum, il-Ħamis, 4 ta’ Ġunju 2009, iddeċidew li jesprimu dan li ġej:

1.    Jiddeploraw dan l-attakk fuq l-integrità personali ta’ Mons Isqof;

2.    Jirriaffermaw il-fiduċja tagħhom fit-tmexxija tiegħu u fil-ħeġġa tiegħu li jiddefendi dak kollu li huwa ta’ ġid għall-ħajja tal-Knisja f’Għawdex;

3.    Jinkoraġġuh li jibqa’ jżomm leali lejn l-impenji li assuma quddiem il-Knisja kollha f’Għawdex dak in-nhar li ġie msejjaħ għall-ministeru ta’ Isqof;

4.    Waqt li jirringrazzjawh għad-dedikazzjoni ġeneruża fil-ministeru tiegħu, jitolbu lill-Insara tad-djoċesi biex juru s-solidarjetà tagħhom speċjalment bit-talb għal Mons Isqof.

Dun Tarcisio Camilleri
Segretarju Kulleġġ tal-Kappillani

STQARRIJA TAL-KURJA TA’ GĦAWDEX

Matul dan il-lejl saret kitba mal-ħajt tal-Kurja b’allegazzjonijiet malafamanti fuq il-ħidma tiegħi bħala Ragħaj Spiritwali marbuta ma’ deċiżjonijiet li stajt ħadt biex, kif huwa dmir tiegħi, inħares l-interessi tal-Knisja kollha f’Għawdex.

Filwaqt li niċħad dawn l-allegazzjonijiet għax huma bla fundament, nassigura lill-poplu ta’Alla afdat fil-kura tiegħi li l-għażliet li jkolli nagħmel, wara li nkun ikkonsultajt ruħi,  inwettaqhom b’kuxjenza u responsabilità quddiem Alla u l-Knisja, anke jekk dan jiswieli prezz.

Sodisfatt li ħafna jħobbu l-Knisja, imma jiddispjacini li kultant nara sinjali ta’ nuqqas ta’ komprensjoni u kollaborazzjoni. Nitlob is-solidarjeta fit-talb.

Illum, il-Ħamis, 4 ta’ Ġunju 2009.

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

The Maltese Herald - 2 ta’ Ġunju 2009

The Maltese Herald Logo 

Niżżel il-paġna dwar Għawdex tal-ħarġa ta’ The Maltese Herald ta’ din il-ġimgħa

The Maltese Herald - 2 ta’ Gunju 2009