Archive for June, 2009

Newsheet tal-Għaqdiet Kattolici - Lulju 2009

 logonewsheet.jpg

Fil-ħarġa ta’ dan ix-xahar:

  • Manifestazzjoni Marjana Djoċesana f’Marsalforn
  • Pellegrinaġġ Djoċesan għal Had-Dingli
  • Kalendarju Pastorali - Lulju 2009

Newsheet tal-Għaqdiet Kattolici - Lulju 2009

ORDINAZZJONI TAD-DJAKONAT

djakni_2009-debono_noel-grech_maximillian.jpg

Għada t-Tlieta, 23 ta’ Ġunju 2009  Mons Isqof Mario Grech ser jmexxi konċelebrazzjoni solenni fil-Katidral li fiha ssir l-Ordinazzjoni tad-Djakonat tas-seminaristi Noel Debona mill-parroċċa tan-Nadur u Maximilian Grech mill-parroċċa tal-Kattidral.  Il-ħin ikun fil-5.30 p.m.

L-insara tad-Djoċesi huma msejjħa biex joffru t-talb tagħhom għal dawn il-kandidati li ser jersqu biex jirċievu l-ordni tad-Djakonat u biex jieħdu sehem f’din iċ-ċelebrazzjoni.

Il-Ħajja f’Għawdex
Ġunju/Lulju 2009

hajjafghawdexgunju2009.jpg

Il-Ħajja f’Għawdex hija rivista maħruġa mid-Djoċesi ta’ Għawdex.  L-ewwel ħarġa kienet f’ Ġunju ta’ 1945 u din il-ħarġa hija id-909 waħda.  Koppji jistghu  jinxtraw direttament minn Lumen Christi Bookshop jew billi jsir abbonament għall-sena.

Artikli online mill-ħarġa ta’ Ġunju-Lulju 2009.

Editorjal u Werrej
Il-Ħajja fid-Djoċesi
X’għadda minn għalina
Leħen Għawdxin
Wirt Għawdex

TLIET SAĊERDOTI ĠODDA

ordinazzjoni-presbiteri-2009.jpg

Nhar is-Sibt li għadda, 13 ta’ Ġunju, Mons Isqof Mario Grech mexxa quddiesa solenni li fiha amministra s-Sagrament tal-Ordni Sagri lil tliet presbiteri ġodda: Dun Anthony Bajada, Dun Joseph Curmi u Dun Richard Nazzareno Farrugia (fir-ritratt mix-xellug jidhru s-saċerdoti ġodda ma’ Mons Isqof Mario Grech wara l-quddiesa tal-ordinazzjoni). It-tliet saċerdoti novelli huma mill-Parroċċa tat-Twelid tal-Madonna, Xagħra.

Il-Knisja f’għawdex tiilqa’ bil-ferħ lil dawn is-saċerdoti ġodda, u filwaqt li tkompli titlob għalihom u għal aktar vokazzjonijiet, tawguralhom ħidma fejjieda fil-għalqa tal-Mulej.

Ittra tal-E.T. Mons Mario Grech Isqof ta’ Għawdex fl-okkażjoni tas-Sena Saċerdotali

Maltese - PDF Version

English - PDF Version

Ċirkulari 7/2009

Ittra tal-E.T. Mons Mario Grech

Isqof ta’ Għawdex

fl-okkażjoni tas-Sena Saċerdotali

“Il-fedeltà ta’ Kristu, il-Fedeltà tas-Saċerdoti”

L-Ordinazzjoni llum (ilbieraħ) ta’ tliet saċerdoti ġodda tfakkarna li Kristu għadu jżejjen lill-Knisja tiegħu f’Għawdex b’għadd sabiħ ta’ saċerdoti li jagħtu servizz lill-Knisja f’pajjiżna u ’l barra minn xtutna.

Naf li ħafna minnkom titkellmu dwar is-saċerdoti u l-missjoni tagħhom. Il-kotra għandhom għożża kbira lejn is-saċerdoti tagħna, u bir-raġun, għax eżempji ta’ saċerdoti qaddisin fid-djoċesi kien hemm u għad hemm.
Continue reading >>

Appell għal aktar Responsabbiltà u Trasparenza
Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent

 English Version

Maltese Version

Bħalma tħabbar fit-22 ta’ Mejju, l-Konferenza Episkopali Maltija  ħasset li wasal iż-żmien li l-Kummissjoni Ambjent, tiżviluppa f’waħda interdjoċesana, jiġifieri li tkun responsabbli wkoll mid-djoċesi ta’ Għawdex. Il-KA tixtieq tirringrazzja lill-Isqfijiet ta’ dawn il-gżejjer tal-fiduċja li wrew fil-ħidma tagħna, kif ukoll lil dawk kollha li matul dawn l-aħħar snin esprimew ix-xewqa li jseħħ dan l-iżvilupp.Aħna mwegħdu li l-impenn tagħna ser ikun l-istess bħal qabel. Infatti bħala l-ewwel pass f’dan l-iżvilupp, il-KA ser tħejji pjan ta’ ħidma li issa ser jinkludi lil Għawdex.

Il-KA ma tixtieqx tħalli din l-okkazjoni tgħaddi mingħajr ma tagħmel dan l-appell  dirett lejn kull individwu – kulħadd skont ir-rwol li għandu fis-soċjetà. Spiss in-nuqqas ta’ qbil f’diversi kwistjonijiet ambjentali fil-gżejjjer tagħna (li huma tant limitati fir-riżorsi ambjentali tagħhom), jaraw il-bidu tagħhom min-nuqqas ta’ fiduċja bejn il-partijiet involuti. Dan iwassal għal kunflitt b’mod li, minflok isiru tentattivi sabiex jinstab ftehim (li fih tirbaħ kull naħa), tinħela ħafna enerġija f’pika u kontroversji. Sitwazzjonijiet bħal dawn imorru ’lil hinn mit-twettiq tal-ġid komuni u jostakolaw il-progress sostenibbli ta’ pajjiżna. Is-soluzzjoni għal dawn il-konflitti tinsab f’impenn akbar lejn ir-responsabbiltà u t-trasparenza fl-operat ta’ KULL min hu nvolut fl-ambjent (mill-għola awtorità tal-pajjiż sa’ kull ċittadin) b’mod li dan ikun irid jagħti kont lis-soċjetà għal għemilu.

Continue reading >>

L-EVANĠELIZZAZZJONI BĦALA S-SERVIZZ TAL-KNISJA LILL-BNIEDEM
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Velja ta’ Pentekoste – Konkluzzjoni tal-Missjoni Djocesana
Pjazza il-Vitorja, Xagħra – Is-Sibt, 30 ta’ Mejju 2009

L-EVANĠELIZZAZZJONI BĦALA S-SERVIZZ TAL-KNISJA LILL-BNIEDEM

Il-bniedem tal-lum għandu ħafna mistoqsijiet

Min huwa l-bniedem? Il-kittieb Edmond Jabes  jgħid li l-bniedem tal-lum jismu “domanda”, għaliex huwa kontinwament qiegħed jistaqsi u jfittex. Ħajtu hija damma ta’ mistoqsijiet, waħda wara l-oħra. Sakemm il-bniedem ma jsibx risposta u ma jiltaqax mal-verità, la ħa jsib mistrieħ u lanqas ħa jkun ħieles.  Fin-nuqqas  ta’ twegiba bis-sens, il-bniedem jibqa jitfixkel l-identita tiegħu.

Nitlobkom biex illejla b’kuraġġ titfgħu l-ħarsa tagħkom fuq is-soċjetà tagħna u taraw jekk din id-deskrizzjoni tapplikax għal ġensna. Forsi ma nindunawx bid-domandi li qed jagħmel il-ġar tagħna, imma żgur li nindunaw li dak ta’ ħdejna għadu ma sabx is-serħan u għadu mhux ħieles.
Continue reading >>

Ordinazzjoni tal-Presbiterat fid-Djoċesi ta’ Għawdex

 

Nhar is-Sibt  13  ta’  Ġunju 2009,  fil-Kattidral ta’ Għawdex ser issir l-Ordinazzjoni tal-Presbiterat minn Mons Isqof Mario Grech.  Il-ħin ikun fis-6.30pm.

Dawk li ser jiġu ordnati saċerdoti huma Anthony Bajada, Joseph Curni u Richard Farruġia mill-parroċċa ta’ Marija Bambina, Xagħra.

Bi preparazzjoni għal-Ordinazzjoni tal-Presbiterat ser issir Velja ta’ Talb fis-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesu, nhar il-Gimgħa 12 ta’ Ġunju 2009, fid-9.00 p.m

L-insara tad-Djoċesi huma mħeġġa li jieħdu sehem u bil-qalb joffru t-talb tagħhom għal-dawn il-kandidati li ser jirċievu l-Ordni tal-Presbiterat.