- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

NIBŻGĦU GĦAX-XOGĦOL
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem
Knisja Parrokkjali tal-Qala, l-Erbgħa 1 ta’ Mejju 2009

Posted By admin On May 1, 2009 @ 10:12 am In May | Comments Disabled

NIBŻGĦU GĦAX-XOGĦOL

Ix-xogħol u l-familja

Ġesù kien magħruf bħala Iben il-Mastrudaxxa, iben il-Ħaddiem. F’din il-festa li l-Knisja tagħmel f’ġieħ San Ġużepp, il-missier putattiv ta’ Ġesù, hija tistedinna nitfgħu l-ħarsa tagħna fuq San Ġużepp ħaddiem u nitolbuh biex idawwal aspett importanti ħafna tagħna l-bnedmin li huwa x-xogħol. Bħala l-kap tal-Familja Mqaddsa, Ġużeppi jagħti dimensjoni familjari lix-xogħol. Ġużeppi kien iwettaq ix-xogħol b’servizz lejn il-familja. Ħafna drabi x-xogħol tagħna huwa xogħol marbut mal-ħajja tal-familja.

Għalhekk kull min b’mod jew ieħor huwa responsabbli ħalli jipprovdi x-xogħol u jara li jkun hemm il-kundizzjonijiet li jixirqu lill-ħaddiema, ma jistax ma jġibx ’il quddiem din id-dimensjoni tax-xogħol u l-familja. Jekk tassew għandna għal qalbna l-istabilità u l-valur tal-familja, aħna fid-dmir li nipprovdu l-ħobża ta’ kuljum għall-familja billi nieħdu ħsieb l- impjiegi, għaliex fejn jonqos ix-xogħol u fejn id-dinjità tal-ħaddiema mhix rispettata, tkun qed tintlaqat indirettament il-familja. In-nuqqas ta’ xogħol idaħħal fi kriżi mhux biss lill-ħaddiema imma wkoll lil għadd ta’ familji.

Il-kriżi finanzjarja internazzjonali

Qegħdin ngħixu fi żmien li mhux sabiħ ħafna. Mhux biss smajna bil-kriżi finanzjarja imma xi ftit jew wisq tolqotna wkoll. Jien nixtieq li llum f’din il-festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem nitolbu lil San Ġużepp ħalli jispirana dwar kif għandna ngħixu l-vokazzjoni tagħna bħala ħaddiema f’dawn iċ-ċirkostanzi meta sfortunatament anke l- impjiegi jistgħu jintlaqtu minn din il-kriżi. Veru li aħna m’għandniex responsabiltajiet kbar għal dan t-tsunami finanzjarju fid-dinja; perà f’dinja globalizzata aħna parti mis-soċjetà internazzjonali fejn il-pajjiżi jiddependu minn xulxin. Bħala eżitu ta’ dan, ma nistagħġbux li dan il-mewġ għoli jista’ jasal ukoll fuq xtutna! Quddiem dawn il-fatti ċ-ċittadin li sal-lum għadu ħobżu maħbuż u żejtu fil-kus, ma jistax jibqa’ indifferenti. Huwa għandu jaddotta ċerti atteggjamenti u stili ta’ ħajja li bihom jista’ jilqa’ u fl-istess waqt itaffi xi ftit mit-toqol ta’ din il-problema serja.

Huwa interessanti l-fatt li l-Vanġelu jiddeskrivi lil San Ġużepp bħala l-bniedem ġust. Ladarba huwa ġust huwa mżejjen bil-kwalitajiet u l-valuri umani u spiritwali. Inħoss li hemm tliet aspetti li dwarhom jista’ jispirana Ġużeppi, mhux biss biex inħarsu d-dinjità tax-xogħol imma wkoll biex f’din iċ-ċirkustanza partikulari tal-istorja u f’din iċ-ċirkustanza ta’ kriżi mhux biss tas-swieq imma wkoll fid-dinja tax-xogħol, inkunu nistgħu nikkontribwixxu u nilqgħu.

Sens ta’ moderazzjoni fl-ispejjeż mhux meħtieġa

Jekk sal-lum il-kotra kienu jgħixu livell għoli ta’ ħajja u wieħed kien jippermetti ċertu nfieq u konsum bl-addoċċ anke fuq ħwejjeġ li mhumiex ta’ ħtieġa, illum meħtieġ sens ta’ kejl fl-użu tar-riżorsi privati u hekk nagħtu aktar każ ta’ min huwa nieqes mill-meħtieġ. Dan is-sens ta’ moderazzjoni fl-infieq għandu jidher anke fl-attività u ċ-ċelebrazzjonijiet li jsiru mill-fondi pubbliċi u hekk tidher ċara l-għażla favur li jiġi evitat il-ħela biex ikunu assigurati l-impjiegi.

Jekk il-moderazzjoni fl-ispejjeż u fl-infieq hija regola tajba għall-istruttura soċjali, dan japplika wkoll għall-istrutturi fi ħdan il-Knisja. F’dan ir-rigward, il-komunitajiet Insara, bħalma huma l-parroċċi, għandhom jagħtu eżempju billi huma wkoll ikunu moderati fl-ispejjeż li jagħmlu għal dawk li huma ċelebrazzjonijiet, festi jew proġetti li wieħed jista’ jgħaddi mingħajrhom; minflok, huma jwaqqfu fond li bih jgħinu f’din il-kawża.

Sens ta’ solidarjetà soċjali

Meta għandna ħaddiema li huma mħassba għax jistgħu jispiċċaw bla xogħol, hemm bżonn ta’ aktar solidarjetà bejn l-awtoritajiet, min iħaddem u l-għaqdiet tal-ħaddiema biex b’sens ta’ korresponsabilità jaħdmu flimkien biex jassiguraw l-impjiegi eżistenti u fl-istess waqt jesploraw setturi ġodda li jistgħu joħolqu aktar xogħol. Jekk dan is-sens ta’ solidarjetà dejjem iddistingwa l-ħajja tagħna l-Maltin u l-Għawdxin, issa hija s-siegħa li joħroġ aktar fid-dieher. Intom bħali tafu li ċertu xogħol u  impjiegi huma f’periklu. Nerġa’ ngħid li għalkemm dan huwa tort tas-sistema internazzjonali, lilna qed jolqotna. Nistgħu aħna nibqgħu indifferenti quddiem din ir-realtà u nirraġunaw li ladarba għandna ż-żejt fil-kus u l-ħobż maħbuż, ma jimpurtaniex minn ħaddieħor? Ma naħsibx li dak huwa atteġġjament uman u inqas u inqas Kristjan. Allura jrid ikun hemm dak is-sens ta’ solidarjetà bejnietna biex f’ċirkustanzi bħal dawn inwieżnu lil xulxin u naqsmu ma’ xulxin.

Sens ta’ fiduċja fil-ġejjieni

It-tielet atteġġjament li huwa speċifikament tagħna l-Insara huwa l-virtù tat-tama. San Ġużepp emmen u ttama dak li qallu l-Mulej; it-tama immarkat il-ħajja tiegħu u tagħtu sodisfazzjon. Fil-mumenti mċajprin u mdallma li qed ngħixu fihom fid-dinja tax-xogħol u tal-ekonomija, irridu nibqgħu nittamaw mhux biss fil-ħila tagħna l-bnedmin imma wkoll fl-għajnuna ta’ Alla Għalhekk fiċ-ċirkustanzi mwegħrin li nistgħu niltaqgħu magħhom fid-dinja tax-xogħol, irridu nibqgħu nittamaw li dan is-sens ta’ solidarjetà bejnietna, aħna kapaċi li f’termini qosra jew itwal naraw id-dawl biex nistgħu noħorġu minn dan it-tunnel. Min jittama huwa mimli b’dik il-passjoni biex, fi żmien qasir jew itwal, huwa jilħaq dak kollu li huwa possibbli!

Dawn huma l-ftit ħsibijiet li nixtieq naqsam magħkom. Dak li ngħid lilkom, ngħidu lid-Djoċesi kollha biex ikollna dan is-sens pożittiv tal-ħajja u din is-sensibilità lejn ħaddieħor. Hekk ilkoll kemm aħna nkunu nagħtu l-kontribut biex tassew ix-xogħol tagħna jkun xogħol li nagħmluh b’dinjità u li jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-familja tagħna. Nitolbu lil San Ġużepp, il-kap tal-Familja Mqaddsa, il-mastrudaxxa li ċertament kellu d-diffikultajiet tiegħu fil-ħajja tal-ħanut tax-xogħol tiegħu, li għaliex ittama u għax kien raġel ġust huwa għaraf jagħmel mill-ħanut tax-xogħol il-post fejn tqaddes huwa u qaddes lill-familja tiegħu.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2009/05/01/nibzghu-ghax-xoghol-omelija-ta%e2%80%99-mons-isqof-mario-grech-festa-ta%e2%80%99-san-guzepp-haddiem-knisja-parrokkjali-tal-qala-l-erbgha-1-ta%e2%80%99-mejju-2009/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.