Archive for April, 2009

IS-SAĊERDOT MINISTRU TAL-WEGĦDIET TA’ ALLA
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Ċelebrazzjoni ta’ Tberik taż-żjut u tal-wegħdiet saċerdotali.
Knisja Kattidrali - 9 ta’ April 2009

 

Bħall-poplu Lhudi, il-poplu tagħna jgħix f’ċerta stennija biex jara jitwettqu ċerti ħwejjeg li ħaddieħor iwebbillu qalbu u moħħu bihom. Il-poplu tagħna, bħall-poplu Lhudi, jemmen u jistenna li min għamillu ċerti wegħdiet xi darba jwettaqhom!

Wegħdiet materjali

Kien hemm wegħdiet ta’ ħajja soċjali aħjar li saru lill-poplu Lhudi minn min kellu l-poter pubbliku, kemm dak lokali, bħalma kellu Erodi, u kemm dak barrani, bħalma kienu r-Rumani. Imma baqgħu wegħdiet fiergħa. Dan id-diskors nistgħu napplikawh għal żminijietna!

Wegħdiet ta’ natura reliġjuża

Imbagħad il-Lhud kellhom ukoll wegħdiet ta’ natura reliġjuża. L-aqwa fosthom kienet il-wegħda li Alla jibgħatilhom il-Messija. Il-poplu Lhudi kien jgħix fl-istennija li jara din il-wegħda titwettaq. Dawn il-wegħdiet sarulu sa minn żmien il-Patrijarki; u l-istorja tad-diversi pattijiet li kien hemm bejn Alla u l-poplu tiegħu hija storja ta’ wegħdiet li kien jagħmel Alla.

San Pawl jgħid li “tagħhom (tal-Lhud) huma l-wegħdiet” (Rum 9:4). Pawlu jkompli jfisser li “Kristu sar qaddej tal-Lhud ċirkonċiżi minħabba l-fedeltà ta’ Alla biex seħħew il-wegħdiet li għamel lill-Patrijarki” (Rum 15:8). Fl-Atti tal-Appostli nsibu “li min-nisel ta’ David, Alla skond il-wegħda tiegħu ġab lil Israel is-Salvatur li hu Ġesù” (13:23).
Continue reading >>

The Maltese Herald - 7 ta’ April 2009

The Maltese Herald Logo

Fil-ħarġa ta’ The Maltese Herald ta’ 7 ta’ April Charles Spiteri jikteb dwar it-tberiek tal-monument ta’ Franġisk Portelli, d-dramm tal-passjoni L-Imsallab fi Triqatna u dwar wirja ta l-aħħar Ċena tal-Appostli mtella fin-Nadur.

Messaġġ ta’ Mons Isqof Mario Grech lill-E.T. Dr George Abela, President tar-Repubblika ta’ Malta

Dalgħodu, it-Tnejn, 6 ta’ April 2009, Mons Isqof Mario Grech kellu laqgħa privata mal-President il-ġdid ta’ Malta, l-E.T. Dr George Abela. Mons Isqof Grech wassal dan il-messaġġ:
 
 
Eccellenza,
 
Fuq l-amar tal-Imgħallem tagħna l-Mulej Ġesù, li qalilna biex xħin nidħlu f’xi dar “insellmu lin-nies tagħha u jekk tkun dar li jixirqilha, ħa jiġi fuqha s-sliem tagħkom” (Mt 10,12), illum nitlob is-sliem fuqek u fuq id-“dar tiegħek” – nitlob is-sliem fuq il-familja tiegħek li hija l-għożża tiegħek, imma nitolbu wkoll fuq id-dar li int ser tippresiedi għal dawn il-ħames snin li ġejjin: id-dar komuni tagħna l-Maltin u l-Għawdxin.
 
F’din id-dar hemm xewqa kbira biex kull ċittadin ikun ħieles, u żgur li matul il-Presidenza tiegħek ser tisma’ l-għajta ta’ min irid ikun aktar ħieles – għajta li ma tistax tiġi fgata jew titħalla tidwi fid-deżert.
 
Però, nifhem li f’dan il-kuntest soċjali huwa meħtieġ li jkollna tifsira tajba ta’ x’nifhmu b’eżerċizzju tal-libertà – espressjoni li tista’ tiġi invokata biex wieħed jiġġustifika ċerti eċċessi. Infatti, kull ma jmur, dan l-eżerċizzju qed jiġi interpretat biss bħala valur assolut u bħala dritt inaljenabbli tal-individwu. Din l-interpretazzjoni tittraskura l-aspett ontoloġiku u komunitarju tal-libertà tal-bniedem. Hekk, skont din l-interpretazzjoni, l-individwu jemmen li waħdu biss jista’ jiddeċiedi u jagħżel x’inhuma l-elementi kostitutivi u l-finalità tal-ħajja, il-mewt u ż-żwieġ.
 
Il-ħelsien veru għandu l-fundament aħħari tiegħu f’Alla. Kull diskors dwar il-libertà tal-bniedem jagħmel sens jekk isir b’riferiment għal-liġi morali naturali, li huwa ordni universali li jiġi qabel id-damma ta’ drittijiet u dmirijiet li għandu l-bniedem. Il-libertà hija rigal offrut minn Alla lill-bniedem bħala żerriegħa ċkejkna. Maż-żmien, frott ta’ riflessjoni serja tal-ħsieb, din iż-żerriegħa timmatura u tinfirex b’mod responsabbli li tassew tkun ta’ ġid għall-persuna u s-soċjetà.
 
Għażiż President, il-“bagalja” personali li inti ġibt miegħek f’din “id-dar tagħna”, flimkien mal-awtorità afdata f’idejk, jawguraw li int tgħinna nsibu t-tifsira meqjusa u korretta ta’ dan l-eżerċizzju tal-libertà, u hekk tkun strument tal-paċi.

IT-TRIQ TAS-SALIB ILLUM
Messaġġ ta’ Mons Isqof Mario Grech
Via Sagra Djoċesana fuq l-Għolja t’Għammar – Il-Ħadd 5 ta’ April 2009

Nhar il-Ħadd filgħaxija, fi tmiem Via Crucis djoċesana li tmexxiet mill-Isqof Mario Grech fuq l-Għolja ta’ Għammar quddiem is-Santwarju Ta Pinu, l-Isqof għamel dan il-messaġġ:
 
“Għamilna flimkien it-‘Triq tas-Salib’. Akkumpanjajna u kkontemplajna lil Kristu, vittma ta’ għażliet li saru mill-bniedem li, għax kellu għamad, irreżista għas-sewwa u l-imħabba.
 
Billi “it-Triq tas-Salib” mhix biss grajja li seħħet ilbierah u f’post wieħed, imma hija t-triq tal-umanità li għadha tbati – peress li anke llum il-bniedem jibqa’ jsallab lil ħutu, – għandna nħossu mhux biss għal Kristu, imma għal kull min għandu l-ħajja mhedda; għal min l-istabilità tal-familja tiegħu qed tiddgħajjef; għal min huwa vittma tas-sistema ta’ tmexxija; għal min qed jiġi injorat u msikket; għal min qed ikollu jittallab biex isib xogħol jew ikollu x’jiekol, għax min għandu l-mezzi ma jridx jagħti każ tiegħu!

Continue reading >>

ID-DULURI PREŻENTI FL-IMMIGRANTI IRREGOLARI
Omelija ta l-Isqof Mario Grech
Manifestazzjoni pubblika fl-okkażjoni tal-festa tal-Addolorata
Pjazza Indipendenza, Rabat – il-Ġimgħa, 3 ta’ April 2009

Traġedja umana li ma tħalliniex indifferenti

Għada friska t-traġedja ta’ ’l fuq minn 300 ruħ li fil-ġranet li għaddew għerqu f’baħar qawwi ftit ’il barra mill-kosta tal-Libja, huma u jippruvaw jaslu l-Ewropa b’mod irregolari. Kemm-il ħajja mitmuma ħesrem! Kemm tamiet ta’ ħelsien u ħajja ġdida spiċċaw f’qiegħ il-baħar! X’wied ta’ dmugħ iġelben ma’ ħaddejn dawk li tħallew jibku t-telfa! Bħalma darba ħarset lejn Binha fuq is-salib, hekk Omm Kristu, Omm il-bnedmin kollha tħares lejn it-traġedja umana ta’ dawk li qed jaħarbu l-persekuzzjoni, il-gwerra jew il-faqar insopportabbli f’pajjiżhom. Il-biċċa l-kbira tal-immigranti li qed jaqsmu l-baħar Mediterran u li xi ftit eluf minnhom sabu ruħhom fuq xtutna, huma nies qed jaħarbu minn pajjiżhom u jfittxu l-protezzjoni ta’ pajjiżi oħra, proprju għax pajjiżhom jew il-pajjiż li jinsabu fih mhux biss ma jħarisx id-drittijiet u l-libertà tagħhom, imma saħansitra jiċħdilhom dawn id-drittijiet u forsi jhedded l-istess ħajja tagħhom. Jibqa’ l-fatt li l-maġġoranza tar-rifuġjati fid-dinja llum ma jinsabux fil-pajjiżi sinjuri, imma f’uħud mill-ifqar pajjiżi tad-dinja. Continue reading >>

Bullettin tal-Ħadd - 5 ta’ April 2009

bulletinlogo.jpg

Bullettin ta’ Ħadd il-Palm u l-Passjoni (Sena B)

MONS ISQOF MARIO GRECH IMEXXI IL-VIA SAGRA FUQ L-GHOLJA TA’ GHAMMAR

Nhar il-Ħadd li ġej, 5 ta’ April, magħruf bħala Ħadd il-Palm, il-Knisja tagħti bidu għall-Ġimgħa Mqaddsa permezz tad-daħla messjanika ta’ Ġesù f’Ġerusalemm. Il-qofol tal-Ġimgħa Mqaddsa u tas-Sena Liturġika tal-Knisja hi ċ-ċelebrazzjoni tal-Passjoni, tal-Mewt u tal-Qawmien mill-mewt tal-Mulej Ġesù.

Biex tagħti bidu għal dawn il-funzjonijiet reliġjużi solenni, nhar il-Ħadd 5 ta’ April id-Djoċesi ta’ Għawdex qed torganizza Via Sagra Djoċesana fuq l-Għolja ta’ Għammar. Il-Via Sagra tkun immexxija minn Mons Isqof Mario Grech, bis-sehem tal-Kappillani, saċerdoti u l-poplu t’Alla. Iċ-ċelebrazzjoni tal-Via Sagra tibda fis-7.00p.m. quddiem is-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu, u tkun imxandra waqt programm live fuq Radju RTK.

Il-Poplu Nisrani hu mistieden jieħu sehem.

Titħabbar il-mewt tal-Kan On Pawl Zerafa

Ilbieraħ, il-Ħamis 2 ta’ April 2009 tħabbret il-mewt tal-Kanonku Onorarju Pawl Zerafa min-Nadur, Għawdex.

Dun Pawl twieled fl-24 ta’ Frar 1923 u kien ordnat saċerdot fil-31 ta’ Mejju 1947.

Il-funeral tiegħu se jsir għada s-Sibt 4 ta’ April fil-4.45p.m. fil-Bażilika tan-Nadur.

Ningħaqdu mal-familjari tiegħu u mal-presbiterju tal-parroċċa tan-Nadur biex nitolbu lil Alla jilqgħu fil-Ġenna. RIP