- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

NAGĦTU TWEĠIBA EVANĠELIKA LID-DINJA TAL-LUM
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Festa liturġika ta’ San Ġorġ martri
Bażilika ta’ San Ġorġ, Victoria – Il-Ħamis, 23 ta’ April 2009

Posted By admin On April 23, 2009 @ 10:10 am In April | Comments Disabled

Pellegrinaġġ fl-art tal-Apokalissi

L-ewwel qari li tħabbrilna llum, f’din il-festa ta’ San Ġorġ, huwa proprju meħud mill-ktieb tal-Apokalissi, li hu l-aħħar ktieb tat-Testment il-Ġdid. Jiena u nisma’ din il-Kelma, ġieni f’moħħi meta San Ġwann, l-awtur tal-Apokalissi, jikteb lis-seba’ Knejjes. Fl-Apokalissi San Ġwann jgħid li Alla jibgħat l-anġlu tiegħu lil seba’ Knejjes fl-Asja Minuri: lill-Knisja f’Efesu, fi Smirna, f’Pergamu, f’Sardi, f’Filadelfja, f’Loadiċija u f’Tjatira. Ftit tal-jiem ilu kont fuq pellegrinaġġ it-Turkija, illi tagħmel dik li kienet magħrufa bħala l-Asja Minuri, u stajt nara x’fadal minn dawn is-seba’ Knejjes u Knejjes oħrajn; hemmhekk rajt x’fadal minn dak li kien wieħed miċ-ċentri tal-Knisja ta’ Kristu: Biżanzju jew Kostantinopli, dik li mbagħad illum tissejjaħ Istanbul! B’għafsa ta’ qalb ikolli ngħid illi ma rajt xejn, jew rajt ftit li xejn mill-fdalijiet ta’ din l-esperjenza ta’ poplu Kristjan f’dan il-pajjiż! Illum fit-Turkija, li tgħodd madwar sebgħin miljun ruh, m’hemmx tlitt elef Kristjan!

Qed ngħid dan biex nirriflettu ftit, għax l-istorja tgħallimna. Bħalma llum, x’ħin nisimgħu bil-Knisja ta’ Loadiċija, il-Knisja ta’ Efesu, dawn huma biss fdalijiet, rovina, nistaqsi b’responsabbiltà kbira, u nixtieq li anki intom tistaqsu: X’futur għandha l-Knisja fl-Ewropa u f’pajjiżna? X’garanzija għandna aħna illi ma tiġix mewġa – bħalma kien l-imperu Ottoman bir-reliġjon Iżlamika, – u tħott il-Knisja mwaqqfa minn Pawlu fil-gżejjer tagħna? Jekk fit-Turkija hemm preżenza kbira Iżlamika, f’dan il-pajjiz dieħla mewġa “religjuza” oħra: il-lajċiżmu. Jekk s’issa l-Iżlam mhux sfida qawwija, żgur li għandna t-theddida tal-lajċiżmu li bil-mod il-mod qiegħed iġarraf il-binja tal-Knisja fostna.

Imma jekk fit-Turkija kelli din l-esperjenza negattiva, kelli wkoll esperjenza pożittiva, għaliex matul il-pellegrinaġġ wasalna fejn kelli xewqa nasal: fil-Kappadoċja, illi għalina, kemm bħala Kristjani u kemm bħala Ġorġjani, għandha tifsira partikulari, għaliex nafu illi San Ġorġ twieled u kellu l-ewwel trobbija tiegħu fil-Kappadoċja fl-Asja Minuri. Lill-Arċipriet tagħkom, meta kont hemm, bgħattlu messaġġ u għidtlu: “Nitlob għalikom minn dan il-post għażiż għalina”; u llum inżid ngħidlu: Ħu ħsieb organizza pellegrinaġġ f’din iż-żona. Dan ngħidu mhux biss lilek, jew lilkom bħala komunità parrokkjali, imma ngħidu lid-djoċesi kollha tagħna. Għaliex għalija t-Turkija hija t-tieni Art Imqaddsa.

L-esperjenza qawwija ta’ Knisja mħeġġa

X’rajt fil-Kappadoċja illi jagħmilli kuraġġ? Rajt diversi, jekk nista’ nsejħilhom hekk, knejjes, jew aħjar għerien illi ġew imħaffra fil-blat u attrezzati biex iservu ta’ knejjes ċkejknin. Kważi f’dawn il-knejjes kollha, ma taħrablikx l-ikona ta’ San Ġorġ! Kbira jew żgħira, kull knisja hija mżejna bl-ikonografija ta’ San Ġorġ. Nimmaġina illi l-Kristjani tal-Kappadoċja meta rtiraw mill-belt u sabu ruħhom f’dawn l-inħawi, għax kienu qed jiġu mhedda u ppersegwitati, ħassew li għandhom ipoġġu l-immaġni ħajja ta’ San Ġorġ, sinjal mhux biss tad-devozzjoni u l-imħabba tagħhom lejn il-Martri ta’ Lidda li kien telaq minn dik il-Knisja, imma wkoll biex jitolbuh ħalli jgħinhom f’dik il-fażi delikata tal-ħajja tal-Knisja. Nistħajjel ukoll illi huma poġġew fiċ-ċentru tal-knisja tagħhom ix-xbieha ta’ San Ġorġ biex jispirahom ħalli anki huma jsibu l-qawwa, bħalma kellhom il-martri, u jagħtu tweġiba għall-isfidi li kienu qegħdin jiffaċċjaw.

L-istorja tgħidilna illi fil-Kappadoċja, fejn hemm din id-devozzjoni ħajja ta’ San Ġorġ, kien hemm żmien fejn il-Knisja kienet tiffjorixxi! Il-komunità Kristjana għarfet toffri minn ħdanha mħuħ imdawlin bil-Vanġelu, bħalma kienu San Bażilju l-Kbir, San Girgor ta’ Nissa, San Girgor Nazjanzenu… dawk li huma magħrufa bħala l-Padres tal-Kappadoċja. Mela l-Knisja tal-Kappadoċja, Knisja ppersegwitata imma Knisja li tgħix bil-memorja tal-qaddisin martri, fosthom ta’ San Ġorġ, għarfet toħloq fi ħdanha nies li kienu jafu jagħtu risposta, mhux biss risposta valida għal żmienhom imma waħda li għadha valida sal-lum; nies li kkontribwew għall-iżvilupp tad-duttrina, tat-Teoloġija.

Ma ninsewx illi qed nitkellmu fuq zona ġeografika fejn kien hemm diversi konċilji: erba’ konċilji f’Kostantinopli, ieħor f’Efesu u ieħor f’Niċea. F’dawn l-ambjenti dawn il-Padres li semmejtilkom taw kontribut biex il-Knisja ċċarat ċerti veritajiet dommatiċi li għandhom x’jaqsmu mat-Trinità Qaddisa. Din kienet il-Knisja “Ġorġjana” ta’ dak iż-żmien: nitlob lill-Ispirtu s-Santu ħalli jħeġġeġ mhux biss lil din il-komunita parrokkjali imma lill-Knisja f’Għawdex, ħalli jkollha dan l-ispirtu tal-Knisja tal-Kappadoċja ħalli tagħraf tagħti tweġibiet għal żminijietna.

Diffikultajiet ta’ żmienna

Illum forsi m’għandniex ereżiji dommatiċi, imma għandna ereżiji oħrajn fuq dak li għandu x’jaqsam mal-imġieba morali u etika tal-bniedem. Ma tantx qed nara membri fi ħdan il-Knisja illi għandhom il-kuraġġ li jqumu fuq riġlejhom, u jagħtu tweġiba lis-soċjetà tal-lum mingħajr ma jibżgħu li jiġu mwarrba. Nixtieq nara il-Knisja lokali tkun tixbah lill-Knisja tal-Kappadoċja, ħalli l-Knisja tagħna ma jiġrilhiex bħal dawk is-seba’ Knejjes, bħalma ġara lill-Knisja ta’ Biżanzju, u jiġi żmien meta l-Knisja tinħatt. Forsi aħna ma narawhiex tinħatt ġebla ġebla, imma għad narawha tinħatt bniedem bniedem, wieħed wieħed. Forsi ma jitilqux mill-komunità, imma fil-Knisja għandna min qed jgħix b’sieq waħda ġewwa u oħra barra.

Nistaqsi: jekk l-Knisja tal-Kappadoċja kellha tant devozzjoni lejn il-martri San Ġorġ, u għarfet tipproduċi fi ħdanha Kristjani maturi mimlijin bl-ispirtu tal-Vanġelu illi taw kontribut, x’ġara minnha llum? Baqa biss rovina u l-Kristjani tal-Kappadoċja kważi għebu. Għaliex? Jistax ikun illi l-Kristjani tal-Kappadoċja, għalkemm kienu devotissmi ta’ San Ġorġ u għalkemm kellhom storja glorjuża, ħallew lilhom infushom jinħakmu minn ċerta telqa, minn ċerti kurrenti u duttrini ta’ dak iż-żmien, u allura kollox sfaxxa fix-xejn?

Kien hemm żewġ kawżi prinċipali illi wasslu għall-qerda tal-Knisja ta’ Biżanzju u allura fl-Asja Minuri:

(a) L-ewwel waħda kienet il-qasma bejn il-Kristjani, l-ewwel fil-293 meta Dioklezjanu ġab qasma politika fl-imperu Ruman bejn il-parti tal-Punent u dik tal-Lvant; imbagħad il-qasma ekkleżjali meta l-Knisja tal-Orjent inqatgħet minn dik ta’ Ruma fl-1054. Meta l-Kristjani stess ma qablux fuq materja ta’ duttrina u per konsegwenza infirdu, il-Knisja ma kinitx għadha komunità b’saħħitha biex tilqa’ quddiem it-theddid.

(b) Ir-raġuni l-oħra kienet dik illi maż-żmien l-affarijiet indraw, u l-Insara, għalkemm baqgħu josservaw l-affarijiet esterni, il-ħeġġa tal-qalb għal Kristu birdet. Minħabba l-ħajja Nisranija medjokri, huma saru iktar dgħajfin quddiem l-isfida tal-Iżlam!

Il-Knisja tissaħħaħ bix-xhieda konvinta tal-Insara

X’garanzija għandna aħna illi, bl-istorja reliġjuża tagħna kollha, bl-imħabba tagħna kollha lejn il-qaddisin, illum ma nistgħux ukoll niġu feruti, b’mod jew ieħor, u allura niddgħajfu, tonqos il-konsistenza bejnietna, u nkunu iktar priża għall-għadu li hemm fuq l-għatba tal-bieb? Dan qed ngħidu mhux biex naqtgħu qalbna, imma għaliex nemmen, kif diġà għidtilkom, illi jekk il-komunità Kristjana tagħraf tgħix b’mod awtentiku l-imħabba tagħha lejn Kristu, lejn il-qaddisin – illum insemmi lil San Ġorġ –, l-imħabba tagħha lejn il-Knisja, u tkun “Knisja waħda”, allura nkunu nistgħu nilqgħu kontra dak illi jista’ jfixkilna jekk mhux ukoll jeqridna.

Il-belt ta’ Biżanzju kellha bażiliċi sbieħ ħafna. Min mar Istanbul żgur li rifes fil-bażilika ta’ Santa Sofija, li kienet il-glorja tal-Knisja ta’ Biżanzju, imma mbagħad saret moskea, u llum hija mużew. Qrajt illi meta kienet qed tinbena, Kostantinu ried illi mat-tajn, biex jagħqad il-ġebel, iħalltu l-frak tal-għadam tal-martri, biex tkun knisja illi tgħajjat id-demm tal-martri mċarċar għal Kristu, tkun bażilika illi tfakkar kontinwament li hija mibnija fuq ix-xhieda ta’ dawn il-martri.

Nitlob lil Alla bl-intercessjoni ta San Ġorġ illi jieqaf magħna biex l-għaġna ta’ ħajjitna nagħġnuha bil-frak tal-istorja tiegħu u bil-frak tal-virtujiet li huwa għex, ħalli l-bażilika tagħna, il-Knisja tagħna, tkun Knisja mibnija u magħquda b’għaġna li tfakkarna f’dawn il-martri illi taw xhieda billi ċarċru demmhom għal Kristu; martri illi taw is-saħħa lill-poplu Nisrani biex ikun kapaċi jieqaf quddiem it-theddid taż-żmien. Anki llum, nitlob lil San Ġorġ ħalli jbierek lill-Knisja f’Għawdex u jkompli jgħinha, kif għenha maż-żmien, ħalli aħna nkunu kapaċi nagħtu tweġiba evanġelika lid-dinja tal-lum.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2009/04/23/naghtu-twegiba-evangelika-lid-dinja-tal-lum-omelija-ta%e2%80%99-mons-isqof-mario-grech-festa-liturgika-ta%e2%80%99-san-gorg-martri-bazilika-ta%e2%80%99-san-gorg-victoria-%e2%80%93-il-hamis-23-ta/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.