- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

IT-TRIQ TAS-SALIB ILLUM
Messaġġ ta’ Mons Isqof Mario Grech
Via Sagra Djoċesana fuq l-Għolja t’Għammar – Il-Ħadd 5 ta’ April 2009

Posted By admin On April 6, 2009 @ 12:14 pm In 2009 | Comments Disabled

Nhar il-Ħadd filgħaxija, fi tmiem Via Crucis djoċesana li tmexxiet mill-Isqof Mario Grech fuq l-Għolja ta’ Għammar quddiem is-Santwarju Ta Pinu, l-Isqof għamel dan il-messaġġ:
 
“Għamilna flimkien it-‘Triq tas-Salib’. Akkumpanjajna u kkontemplajna lil Kristu, vittma ta’ għażliet li saru mill-bniedem li, għax kellu għamad, irreżista għas-sewwa u l-imħabba.
 
Billi “it-Triq tas-Salib” mhix biss grajja li seħħet ilbierah u f’post wieħed, imma hija t-triq tal-umanità li għadha tbati – peress li anke llum il-bniedem jibqa’ jsallab lil ħutu, – għandna nħossu mhux biss għal Kristu, imma għal kull min għandu l-ħajja mhedda; għal min l-istabilità tal-familja tiegħu qed tiddgħajjef; għal min huwa vittma tas-sistema ta’ tmexxija; għal min qed jiġi injorat u msikket; għal min qed ikollu jittallab biex isib xogħol jew ikollu x’jiekol, għax min għandu l-mezzi ma jridx jagħti każ tiegħu!


 
Imma fit-Triq tas-Salib ta’ Kristu wieħed jiltaqa’ wkoll ma’ stazzjonijiet li joffru konsolazzjoni. Hemm Marija li, biex takkumpanja lil Kristu, ma tibżax tkun mal-minoranza. Hemm il-Veronika li tixxotta wiċċ Kristu u ma tirrifjutax li tkun solidali mal-bniedem li qed ibati. Hemm Xmun iċ-Ċirinew, Afrikan, li jgħin lil Kristu jġorr is-salib.
 
Dawn il-kwadri ta’ persuni li joffru l-faraġ jgħidulna li jekk il-ġrajjiet ta’ tbatija umana qed jissoktaw, jekk hemm min jagħżel li jibqa’ fl-għamad tal-iżball u tal-egoiżmu, hemm imbagħad min huwa ġeneruż, jaf iħenn u jintervjeni biex l-inġustizzja umana titrażżan. Għalhekk, anke il-ġrajjiet ta’ faraġ jistgħu jissoktaw.
 
It-Triq tas-Salib mhix biss it-triq imdemma minħabba l-vjolenza; lanqas ma hija l-għajta ta’ protesta li tibqa’ fgata; imma hija wkoll it-triq tat-tjubija, tal-verità, tal-kuraġġ tal-imħabba vera. Hija t-triq tal-ħniena li tieqaf lil u tirbaħ fuq il-ħażen u fuq il-ħażin. Hija t-triq li tmur ’l hinn mill-Kalvarju, għax l-aħħar kelma mhix tal-egoiżmu, tad-dnub u tal-mewt, imma tal-imħabba t’Alla l-Missier li jqajjem lil Kristu mill-mewt.
 
Fit-Triq tas-Salib tal-lum ma hemmx lok li wieħed joqgħod sempliċi spettatur jew newtrali. Pilatu, l-intellettwali u l-politiku xettiku, ipprova jibqa’ newtrali u ħasel idejh minn Ġesù. Imma meta għamel hekk, ġralu li ħa pożizzjoni kontra s-sewwa u l-ġustizzja u ċappas idejh bid-demm!
 
Fix-xenarju soċjali ta’ żminijietna, fejn it-Triq tas-Salib għadha għaddejja, ma nistgħux nagħżlu li nibqgħu passivi u newtrali. Jekk għall-interessi tagħna nagħżlu li ma nżommu ma ħadd u li nħallu lil Kristu sofferenti waħdu – lill-bniedem batut waħdu! – allura nkunu ningħaqdu ma’ min qed jgħajjat “sallbu”.
 
Fuq is-salib isseħħ ir-rebħa fuq il-misteru tal-ħażen. Hekk, f’kull bniedem li llum jinsab iterraq it-triq tal-Kalvarju – il-bniedem maħqur, ippersegwitat, abbużat u sfiduċjat, – titnissel it-tama tar-rebħa definittiva.”


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2009/04/06/it-triq-tas-salib-illum-messagg-ta%e2%80%99-mons-isqof-mario-grech-via-sagra-djocesana-fuq-l-gholja-t%e2%80%99ghammar-%e2%80%93-il-hadd-5-ta%e2%80%99-april-2009/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.