XANDARA TAD-DINJITÀ U TAL-VERITÀ TAL-IMĦABBA UMANA
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Acies tal-Leġjun ta’ Marija
Parroċċa Xewkija, il-Ħadd, 29 ta’ Marzu 2009

It-talba li tagħmel il-Knisja llum fil-bidu tal-quddiesa hija talba lil Alla l-Missier biex jgħallimna kif għandna nħobbu. Hija talba antika imma fl-istess ħin attwalissima: “Missier ħanin, għinna biex aħna nagħrfu ngħixu u nġibu ruħna b’dik il-karità li mbuttat lil Ibnek Ġesù biex jagħti ħajtu għalina”.

L-imħabba vera

Fiċ-ċirkustanzi li qegħin ngħixu fihom is-soċjetà tagħna teħtieġ lezzjoni dwar kif għandha tkun l-imħabba vera. Din il-lezzjoni neħtieġuha l-ewwel u qabel kollox aħna d-dixxipli ta’ Ġesù, aħna l-Leġjunarji ta’ Marija, imma teħtieġha wkoll is-soċjetà kollha kemm hi. Is-sigriet biex nistgħu negħlbu d-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom fil-ħajja ordinarja tagħna huwa propjru li wieħed ikollu doża, anke żgħira, ta’ mħabba ġenwina. Anzi nistgħu ngħidu li dak li ħafna affarijiet aħna nagħmluhom b’mod żbaljat għax ngħidu li nħobbu – ċerti għemejjel u ċerti għażliet li fihom nfushom huma ħżiena jsiru bil-pretest tal-imħabba!

Nagħtikom żewg eżempji: wieħed komuni ħafna u l-ieħor li forsi mhux tant ordinarju.

In-nuqqas ta’ armonija bejnietna

Kif nispjegaw in-nuqqas ta’ armonija li hemm bejnietna, fil-familji tagħna, bejn l-aħwa, fil-komunitajiet tagħna? Xi drabi jiġri li għax wieħed iħobb lil xi ħadd jippretendi li għandha ssir inġustizzja ma’ ħaddieħor biex iqiegħed sewwa lill-persuna li jkun iħobb. Inkunu boloh jekk indeffsu rasna ġor-ramel u ngħidu li kollox miexi fuq ir-rubini. Ma jidhrilkomx li kieku d-dinja titgħallem il-lezzjoni tal-imħabba ta’ Kristu, il-ħajja tagħna ta’ kuljum tista’ tagħmel qabża fil-kwalità u għall-aħjar?

L-użu tat-teknoloġija fit-tnissil ta’ ħajja umana

Insemmilkom issa eżempju li mhux tant ordinarju imma li qed ikun suġġett għad-diskussjoni tal-poplu tagħna. Illum għandna kopji, u forsi anke koppji li mhumiex miżżewġin, illi tant jinħabbu li jixtiequ li l-imħabba tagħhom ikollha l-frott, imma minħabba xi diffikultà fin-natura tagħhom mhux possibli li xewqithom titwettaq; għalhekk jirrikorru għal ċerta għajnuna medika biex isir proċess fil-laboratorju fejn bil-koperazzjoni tar-raġel u l-mara titnissel il-ħajja.

Wieħed ma jistax ma jħossx ma’ dawn il-koppji: l-għożża tagħhom għall-ħajja hija ta’ min ifaħħarha, u x-xjenza għandha tkompli tesplora kif tista’ tgħin lil dawn il-koppji biex bir-rispett lejn ir-regoli li kienu miktuba fin-natura stess dawn jistgħu jgawdu l-frott tal-imħabba konjugali. Il-knisja mhix insensittiva quddiem din il-problema.

Huwa tajjeb li f’din id-diskussjoni jissemma li f’dan il-proċess ix-xjenza għandha tħares is-saħħa tal-omm, u tkun evitata kull prassi li tqiegħed fil-periklu l-ħajja tal-omm.

Huwa tajjeb ukoll li fostna hemm preokkupazzjoni biex tingħata attenzjoni għall-ħajja tat-tarbija jew trabi li jiġu mqegħda fil-ġuf tal-omm li tkun assistita fil-proċess tat-tnissil.

Però daqskemm huwa importanti li tkun rispettata l-ħajja tal-omm u l-ħajja tat-tarbija mnissla u mqiegħda fil-ġuf daqshekk ieħor aħna fid-dmir li nipproteġu l-ħajja ta’ dak il-bajd fertilizzat li jibqa’ ma jitqiegħedx fil-ġuf. L-abbandun ta’ dawn it-trabi huwa abort.

Hemm raġuni oħra għaliex ma nistgħux nacċettaw u nipprattikaw dan il-metodu, anke jekk ikun sanzjonat bil-liġi – mhux dak kollu li huwa tajjeb għal-liġi civili huwa moralment tajjeb! Għaliex ma nistgħux? Ma nistgħux nifirdu l-imħabba, jiġifieri l-att konjugali li jgħaqqad l-imħabba tal-mara u r-raġel miżżewġin flimkien, mill-att li joħloq, jiġifieri l-att prokreattiv. Meta xi ħaġa issir fil-laboratorju dak ifisser li qed nifirdu minn xulxin dawn iż-żewġ aspetti: dak unittiv u dak prokreattiv.

Dan qed ngħidu biex nifhmu kemm id-dinja tal-lum għandha bżonn titgħallem il-lezzjoni tal-“imħabba vera”, jiġifieri dak li qal Kristu: “Min iħobb lil ħajtu jsalvaha u min jobgħod lil ħajtu minħabba fija isalvaha.” Ilkoll nistqgħu nitqarrqu għaliex jidhrilna li nkunu nħobbu, imma fil-fatt inkunu nħobbu lilna nfusna.

“Nixtiequ naraw lil Ġesù”

Huwa faċli li anke aħna niltaqgħu mal-Griegi li skont il-Vanġelu (Ġw 12,20-21) iltaqgħu ma’ Filippu u qalulu: “Nixtiequ naraw lil Ġesù”. “Il-Griegi” setgħu kienu żewġ tipi ta’ persuni: jew dawk li qatt ma kienu semgħu bi Kristu, jew dawk li kienu Lhud tad-Diaspora, tant li “telgħu (Ġerusalemm) biex iqimu lil Alla fil-festa”, jiġifieri Lhud mill-periferija! Minn dawn iż-żewġ kategorji llum għandna diversi. Intom il-Leġjunarji tafu kemm fis-soċjetà tagħna għandna minn dawn “il-Griegi”: għandna lil dawk illi ma semgħux bi Kristu u għandna lil dawk li għalkemm semgħu biH, qed jgħixu ’l bogħod minnu u mill-Knisja tiegħu. Illum dawn faċli jinterrogawna bħalma interogaw lil Filippu u jistaqsuna biex nuruhom lil Ġesù! Fi kliem ieħor, dawn jistgħu jgħidulna: “Intom dixxipli ta’ Kristu: għidulna xi tfisser l-imħabba vera kif għallimha Ġesù”.

Il-Missjoni Djoċesana u l-ħidma tal-Leġjunarji ta’ Marija

F’din il-ġurnata specjali għalikom il-Leġjunarji, ma nistax ma ngħidilkomx kelma ta’ apprezzament. L-ewwelnett għall-fatt li intom stess b’sagrifiċċju personali ta’ kull ġimgħa tiltaqgħu ħalli permezz tal-laqgħa tal-Leġjun tkomplu tinbnew permezz ta’ dik il-formazzjoni permanenti. Waħda mill-finalitajiet tal-Missjoni Djoċesana hija kif insaħħu dawk l-esperjenzi li għandna fid-Djoċesi li joffru din il-katekeżi permanenti lill-adulti; għalhekk hemm bżonn insaħħu wkoll il-Leġjun ta’ Marija biex ikompli joffri din il-formazzjoni kontinwata lil kulħadd, partikularment lill-kbar.

Fl-istess ħin ngħidilkom grazzi għall-apostolat li tagħmlu. Wasalli r-rapport annwali tal-Comitium, u meta nara dak kollu li tagħmlu, inrodd ħajr lil Alla u lilkom għall-ħidmiet varji u sbieħ tagħkom. Inħeġġiġkom biex ma tgħejewx fl-apostolat tagħkom. Hemm żewġ tipi ta’ apostolat li nixtieqkom tgħożżu. Qabel xejn, il-kuntatt personali li jitla kull darba fuq l-aġenda tal-laqgħa ta’ kull gimgħa. Dan hu li għamel Filippu mal-Griegi: kuntatt persunali. Ninnutaw li dan ix-xogħol Filippu ma għamlux waħdu imma flimkien ma’ Indrì. Hija regola valida fil-Leġjun li x-xogħol leġjunarju jsir tnejn tnejn. Kemm tagħmlu ġid u tistgħu tagħmlu iktar ġid jekk tieħdu b’impenn dan il-kuntatt persunali fis-soċjetà li ddeskrivejna.

Imbagħad hemm ukoll dak li nsejħulu l-Exploratio Dominicalis, li jista’ jsir b’aktar regolarità u frekwenza. Nappellalkom biex tisfruttaw din il-proposta li jagħmlilkom il-Handbook tal- Leġun, u bħala Leġjunarji tfittxu dawk l-ambjenti fejn tistgħu toffru ħidma ta’ evanġelizzazzjoni aktar konċentrata. Għadna ħerġin mit-tieni fażi tal-Missjoni Djoċesana fejn ħafna minnkom ħadu sehem fiż-żjajjar tal-familji. Nixtieq li l-Knisja tagħna tibqa’ f’din l-attitudni missjunarja. Għalhekk qed nipproponilkom il-ħidma tal-Exploratio Dominicalis biex b’ħafna mħabba nwasslu l-Bxara t-Tajba u ngħinu lill-bniedem tal-lum jifhem xi tfisser tħobb tassew.

Taħt il-ħarsien ta’ Marija

Il-Verġni Marija, l-Omm tagħna lkoll, mhux biss tinterċedi għalina biex inwettqu l-apostolat taħt l-għożża u l-protezzjoni tagħha, imma hi għalina mudell ta’ kif inħobbu tassew. Marija tista’ tgħid dak li qal Kristu: “Min jobgħod lil ħajtu jsibha”. Żgur li Marija ma ħabbitx lilha nfisha. Imħabbitha kienet miftuħa tassew għall-oħrajn b’dik l-ubbidjenza li hija għexitha għar-rieda tal-Missier.

Dawn huma il-ftit ħsibijiet li xtaqt naqsam magħkom f’din iċ-ċirkustanza partikulari għal-Leġjun u għall-Knisja. Nitlob lill-Ispirtu ta’ Alla jgħinkom biex l-impenn u l-għotja li kull wieħed minnkom ser jagħmel lil Alla, lil Kristu permezz tal-konsagrazzjoni tagħkom infuskom lil Marija, tgħixuhom fil-ħajja tagħkom ta’ kuljum.