L-ISKRITTURA HI GĦAJN TA’ TIĠDID FIL-KNISJA U FIS-SOĊJETÀ
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Festa ta’ San Girgor il-Kbir
Parroċċa Kerċem – Il-Ħadd, 8 ta’ Marzu 2009

Jeħtieġ li ninbidlu

Fil-ħajja u fis-soċjetà hija importanti l-bidla. Il-bidla timplika ħajja! Normalment kull ħames snin, meta bħala nazzjon inkunu resqin lejn elezzjoni ġenerali, nisimgħu ħafna minn kull naħa dwar il-ħtieġa li n-nazzjoni jagħmel bidla. Nixtieq li dan is-sens ta’ bidla nħossuh ukoll fil-ħajja tagħna bħala Nsara. Jekk fl-organizzazzjoni u fl-istruttura soċjali tagħna ġustament ikun hemm il-possibilità li wieħed jirrifletti biex jekk ikun hemm bżonn jibdel, kemm aktar dan jgħodd fil-ħajja individwali tagħna, fil-ħajja tal-familja u fil-ħajja tal-Knisja! Jekk ma nidħlux f’dan il-moviment ta’ bidla u nippreferu noqogħdu kif aħna, allura nkunu qed indoqqu l-agunija tagħna.

It-tħabbira tal-Vanġelu li għadna kif smajna, titkellem dwar it-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesù (Mt 17,1-9). Dakinhar Ġesù “tbiddel” quddiem Pietru, Ġakbu u Ġwanni: “Wiċċu sar jiddi bħax-xemx u lbiesu sar abjad bħad-dawl”. Naraw li ma’ Kristu f’din il-bidla daħlu Mosè u Elija. Minn din il-bidla ipparteċipaw ukoll it-tliet dixxipli, tant li Pietru jgħid lil Kristu: “Tridx nagħmlu tliet tined u nibqgħu hawn”. Jien ninterpreta lil Pietru qed jgħid lil Ġesù: “Tridx nagħmlu tliet tined ħalli din l-esperjenza tal-bidla nagħmluha esperjenza kontinwa”.

Dan huwa wieħed mill-Vanġeli li l-Knisja sa mill-antikità kienet ixxandar b’mod partikulari f’dak iż-żmien tar-Randan li kien iż-żmien tal-katekumenat: iż-żmien li fih kienu jħejju ruħhom dawk li kienu ser jirċievu l-magħmudija f’Sibt il-Għid. Lil dawn il-persuni, il-Knisja kienet tħabbrilhom dan l-episodju tal-bidla biex tgħinhom jifhmu kemm fil-ħajja tan-Nisrani ma nisgħtux ma ngħaddux minn dan il-proċess kontinwu ta’ tibdil u ta’ tiġdid.

Illum, flok il-katekumenat għandna ż-żmien tar-Randan. Ta’ kull sena, fit-Tieni Ħadd tar-Randan jixxandar dan il-Vanġelu. Kif nistgħu quddiem Alla nilqgħu din l-istedina u nixtarruha jekk matul dawn l-erbgħin jum tar-Randan ma jkollniex dik is-serenità u dik il-kalma interjuri? Meta nqis li wara dan iz-zmien tar-Randan naslu f’Sibt il-Għid biex inġeddu il-wegħdiet tal-Magħmudija, nappella lill-poplu kollu ta’ Alla: apprezza dan iż-żmien liturgiku! Meta qed nagħmel din is-sejħa, ma nkunx qed ngħid xi ħaġa minn żniedi jew b’mod kapriċċjuż, imma nkun nitkellem b’sens ta’ responsabilità kbira. Bħala Isqof tagħkom inħoss quddiem Alla li għandi nagħmel dan l-appell. Għandi biss quddiem għajnejja l-piż li nġorr bħala ragħaj spiritwali tagħkom u ta’ kulħadd.

Evanġelizzazzjoni ġdida

Quddiem dan il-bżonn tal-bidla li teħtieġ mhux biss is-soċjeta Għawdxija jew in-nazzjoni tagħna imma anke l-Ewropa li qed ngħixu fiha, aħna nkunu nonqsu bil-kbir jekk ma nagħrfux l-urġenza li nagħtu prijorità lill-evanġelizzazzjoni – dik li llum tissejjaħ l-“Ewwel Tħabbira”. Forsi tista’ tinstema’ nota stunata li nitkellem mill-bżonn ta’ evanġelizazzjoni ġdida fil-kontinent li kien il-benniena tal-Kristjanità. Imma nassigurakom li mhux il-każ. F’Mejju li ġej il-Kunsill tal-Konferenzi Episkopali tal-Ewropa ser jorganizza Kungress f’Ruma dwar “il-komunità Nisranija u l-ewwel tħabbira”. Dan ifisser li l-Knisja fl-Ewropa qed tħoss il-bżonn urġenti li tirrifletti u tagħmel pjani kif illum il-Knisja tista’ twassal l-Evanġelju mill-ġdid biex terġa’ tagħti ruħ lin-nazzjonijiet Ewropej, Malta inkluża!

Il-moviment ta’ tiġdid reliġjuż u kulturali mibdi minn San Girgor

Illum ġustament qed niċċelebraw il-festa tal-Papa San Girgor. San Girgor jissejjaħ “kbir” għaliex bil-ħidma tiegħu, jew aħjar permezz tiegħu, l-Ispirtu s-Santu għaraf jibda moviment fil-Knisja li ġab bidla fl-Ewropa. San Girgor iddispona lilu nnnifsu ħalli fid-dinja ta’ madwaru jqabbad moviment li jġib bidla fil-kultura u fiċ-ċiviltà, tant illi fil-ħidma tiegħu kemm bħala patri, bħala ambaxxatur tal-Papa ġewwa Kostantinopli kif ukoll bħal suċċessur ta’ Pietru, huwa qatt ma għejja jaħseb u jaħdem biex iġib il-bidla permezz tal-Evanġelju, u hekk jgħin lill-bniedem u lis-soċjetà ta’ żmienu ħalli ma tiġġarrafx.

F’dan il-kuntest, nixtieq Inpoġġilkom għar-riflesjoni ftit fatti minn dawk li wettaq San Girgor. Dawn mhumiex fatti tal-istorja biss, jiġifieri fatti li seħħew fil-Medju Evu, imma ngħid li huma l-istess ġrajjiet li qed ngħaddu minnhom illum!

Din il-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni, San Girgor wettaqha kemm fl-intern tal-Knisja kif ukoll barra mill-Knisja fir-relazzjoni tiegħu mas-soċjetà. Bħala eżempju ta’ ħidma għall-evanġelizzazzjoni fi ħdan il-Knisja, insemmi l-fatt li San Girgor għaraf il-ħtieġa li lill-poplu ta’ Alla jikkomunika miegħu b’lingwaġġ li seta’ jifhmu. Billi l-parti l-kbira tan-nies ta’ dak iż-żmien ma kienux tant istriwiti, San Girgor għaraf li ma setax ikompli jikkomunika magħhom bil-Latin, għaliex dan kien ifisser li kien qed ikellimhom b’lingwa li ma tiftiehemx – lingwa forsi sabiħa u li wkoll illum tista’ tnissel f’xi wħud nostalġija, imma la kienet tiftiehem dakinhar u lanqas tiftiehem illum! Għalhekk San Girgor qabbad moviment fil-Knisja biex tiġi apprezzata iktar il-lingwa ‘rustika’, jiġifieri l-lingwa li kien jitkellem biha l-popolin. Fir-riforma liturġika li huwa għamel, huwa ta każ ta’ dak li mbagħad kellhom jgħaddu mijiet ta’ snin biex reġa’ ġie introdott mill-Konċilju Vatikan II, li huwa l-Konċilju tal-Knisja tagħna llum, jigifieri li fil-liturġija nibdew nitkellmu b’lingwaġġ li jiftiehem. Din ma kienitx riforma ħafifa, la għall-Papa San Girgor u lanqas għall-Konċilju Vatikan II.

Biex ikompli l-Evanġelizzazzjoni fl-intern tal-Knisja, San Girgor ħaseb biex jagħti aktar importanza lill-immaġni, għax ladarba kien hemm min ma kienx jaf jaqra, ma kien jiswa xejn li tagħtih f’idejħ il-Bibbja, il-Vanġelu u l-ħajja tal-qaddisin! San Girgor ħadem biex bl-immagni li toffri l-arti sagra fit-tisbiħ tat-tempji tagħna, dawn ikunu minnhom infushom il-“bibbja tal-fqar”, fis-sens li dawk li ma kienux jafux jaqraw, meta jsegwu l-affreski fil-knejjes, japprezzaw l-istorja ta’ Kristu, tal-qaddisin u tal-poplu ta’ Alla. Kien San Girgor li biex il-Vanġelu jasal għand il-kotra, imbotta biex fil-Knisja nitkellmu wkoll b’dan il-lingwaġġ artistiku.

Però l-ikbar sfidi għall-evanġelizzazzjoni kienu sfidi ġejjin mis-soċjetà. Naqsam il-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni li wettaq San Girgor fi tliet kategoriji.

L-evanġelizzazzjoni tal-Insara tal-“periferija”

L-ewwel sfida kienet l-evanġelizzazzjoni tal-“Angli”, li San Girgor isejħilhom “anġli”. Il-Papa San Girgor sejjaħ lil wieħed mill-Patrijiet, Wistin ta’ Canterbury, u flimkien ma’ erbgħin patri ieħor bagħathom missjunarji fl-Ingilterra biex ikunu evanġelizzaturi ta’ dan il-poplu. L-isfida li offrietlu l-Ingilterra hija wahda partikulari għax kien poplu pagan, u allura l-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni li l-Knisja kellha twettaq ma’ dawk il-pagani kellha l-aspett speċifiku tagħha – altru wieħed jitkellem ma’ persuna li tkun diġà semgħet bi Kristu u forsi tkun tgħammdet imma ma tkunx tgħix il-magħmudija, u altru wieħed jitkellem ma’ min ma għandux għarfien tal-Bxara t-Tajba.

Din hija waħda mill-isfidi tal-Knisja llum, bid-differenza li l-kategorija ta’ dawk li ma jemnux f’Alla u l-kategorija ta’ dawk li għalihom il-Knisja ma tfisser xejn qiegħed jikber! Ma nistgħux ma nagħtux każ ta’ din il-faxxa ta’ nies fil-kontinent Ewropew, u nazzarda ngħid ukoll fis-soċjetà tagħna! Waħda mill-affarijiet li rriżultaw fil-Missjoni Djoċesana kienet li l-Knisja għandha tagħti iktar attenzjoni lil dawk li qegħdin fil-periferija, jiġifieri dawk li huma fil-bogħod mhux fiżikament imma spiritwalment.

Din hi realtà, u jekk aħna parti minn din ir-realtà għandna raguni valida biex nitħassbu! Dan it-tħassib m’għandux ikun tal-Isqof jew tas-saċerdoti biss, imma tal-Knisja kollha. Irridu naraw kif ser inwasslu l-Vanġelu lil dawn ħutna ħalli fil-ħajja tagħhom u madwarhom isseħħ bidla għall-aħjar. Il-fatt li madwarna nosservaw diversi sinjali negattivi li suppost iqanqlu fina xewqa biex l-affarijiet jieħdu nota aħjar, jikkonferma li qabel ma jinbidlu l-istrutturi u s-sistemi, hemm bżonn li jikkonverti l-bniedem!

Implikazzjonijiet tal-magħmudija

Kategorija oħra li San Girgor kellu jevanġelizza kienu il-“Franki”, jiġifieri n-nies ta’ Franza tal-lum. Dawn kienu diġà mgħammdin. Imma għalkemm kienu semgħu bi Kristu, l-imġieba u d-drawwiet tagħhom kienu jikkontraduċu bil-kbir l-Evanġelju. Fosthom kien hemm ħafna vjolenza, mibgħeda u firda. Għalhekk San Girgor ma setax ma jħossx u ma jipproponix l-evanġelizzazzjoni ma’ dan il-poplu li kien Nisrani tal-isem biss, u għalhekk ħajtu ma kienitx tirrifletti l-għażla favur Kristu. Xi wħud mill-istoriċi kienu tal-fehma li l-kawża ta’ dan kienet għaliex il-poplu tal-Gallia tgħammed bħala massa. Dan ifisser li meta talbu l-magħmudija ma kienux għaddew mill-proċess tal-katekumenat u għalhek tgħammdu mingħajr ma għamlu l-għażla personali tagħhom. Il-magħmudija tagħhom allura x’aktarx li kienet biss għażla konvenjenti u soċjali; tgħammdu għax hekk għamlu l-oħrajn!

Ma tarawx li dan huwa periklu tas-soċjetà tagħna llum? Aħna l-Kattoliċi għandna kultura reliġjuża. Imma ma taħsbux bħali li l-imġieba tagħna u l-attitudnijiet tagħna huma ħafna ’l bogħod minn dak li jrid il-Mulej Ġesù u minn dak li jippreskrivi l-Vanġelu? Għalhekk f’din is-sitwazzjoni, bħalma San Girgor ħass il-bżonn li jkun hemm ħidma ta’ evanġelizzazzjoni, anke aħna li qed ngħixu din ir-realtà ma nistgħux ma nxandrux mill-ġdid il-Bxara ta’ Kristu, jekk irridu nġibu l-bidla.

Dak li ġara fil-Gallia faċli jiġri fostna, fis-sens li anke fostna għandna perċentwal mhux żgħir ta’ dawk li jitgħammdu mingħajr ma jifhmu l-impenn li joħroġ mill-magħmudija. Jien nistaqsi jekk meta ssir talba biex tarbija tiġi mgħamda din tkunx rikjesta ġejja frott ta’ għażla favur Kristu li min hu responsabli mit-tarbija jagħmel f’isimha, jew hijiex rikjesta li għanda biss il-karattru soċjali tagħha, fis-sens illi xi drabi ngħammdu għax kulħadd jitgħammed u jkollna raġuni oħra biex nagħmlu festin. Konferma ta’ dan huwa l-fatt li ħafna minn dawk li jressqu lil uliedhom għall-magħmudija, ma jifhmux il-ħtieġa tal-katekeżi li ssir bi tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament! Dawn huma affarijiet li jippreokuppawni ħafna!

Idejat żbaljati dwar Kristu u l-Knisja

Problema oħra li kien hemm fil-knisja ġewwa Spanja kienet “is-simonija”, għax kienu “jixtru” l-beni spiritwali, l-uffiċċji ekkleżjali u s-servizzi pastorali. San Girgor għandu ittri iebsin lill-isqfijiet ta’ Spanja u anke lil-lajċi li kienu jużurpaw uffiċċji li mhux tagħhom. Dan qed ngħidulkom biex nagħtikom stampa mhux biss ta’ żmien San Girgor imma tagħna llum.

San Girgor kellu jevanġelizza kategorija oħra ta’ popli: il-Visigoti ta’ Spanja. Ma’ dawn, il-Kap tal-Knisja kellu għadma iebsa x’igerrem għax fosthom kien hemm isserrep l-ereżija li tissejjaħ l-Arjaniżmu. Kien hemm tagħlim żbaljat dwar min huwa Kristu u dwar it-Trinità; u San Girgor kellu jara kif permezz tat-Tħabbira mill-ġdid jgħin lil dan il-poplu jagħraf lil Kristu veru li ħafna drabi bħala poplu kien jiltaqa’ biex jiċċelebrah fil-liturgija, imma li ma kien Kristu xejn! Mal-ereżija tal-Ispanjoli, inżid ereżija oħra li kien hemm fil-Knisja tal-Afrika: id-Donatisti. Hawnhekk l-ereżija ma kienitx kontra Alla jew Kristu, imma ta’ natura ekkleżjoloġika.

Dawn it-tip ta zbalji jeżistu fostna ukoll. Xi wħud jiftaħru li jħobbu l-Knisja, imma l-Knisja tagħhom mhix il-Knisja ta’ Kristu. Oħrajn jippretendu li jitkellmu dwar il-Knisja mingħajr ma jafu xejn dwar x’inhi n-natura u l-missjoni tal-Knisja Kattolika. Ma nistgħux nikkonċepixxu Knisja li mhix magħquda flimkien bħala Knisja waħda. Bħala Isqof tagħkom ma niswa xejn jekk ma nkunx magħqud ma’ Pietru, jiġifieri mal-Papa. Il-Knisja tagħna hija duħħan jekk ma tkunx f’komunjoni mal-Papa. U f’dan ir-rigward, il-komunjoni trid tkun mhux biss ta’ natura ġuridika imma wkoll fis-sens wiesgħa tal-kelma, jiġifieri li l-qalb tagħna trid tkun tħabbat mal-qalb ta’ Pietru.

Dawn kienu xi problemi li kellu jħabbat wiċċu magħhom San Girgor biex jevanġelizza l-Ewropa. San Girgor indirizza dan kollu billi qabbad il-moviment tal-Monastiċiżmu Benedittin. Dak kien forza qawwija ħafna biex ġab bidla fil-kultura u fiċ-ċiviltà tal-Ewropa. Qed nitkellmu mis-sekli VI u VII; imma imbagħad aktar ’il quddiem dawn il-monaċi faqqsu esperjenzi oħra ta’ monastiċiżmu, bħalma kienu dawk ta’ Cluny, iċ-Ċisterċensi u ċ-Ċertosini. Dawk kollha ħarġu miz-zokk tal-Benedittini. Min għandu ħjiel tal-istorja jirrikonoxxi li l-istorja soċjali tal-Ewropa għandha dejn lejn dan il-moviment tal-Benedittini. Il-gwaj kbir huwa li dan il-moviment illum kważi spiċċa!

L-Iskrittura bħala strument ta’ tiġdid

L-essenza tal-istrateġija ta’ San Girgor kienet li huwa sejjaħ il-patrijiet biex f’dawk l-ambjenti li semmejna aktar ’il fuq ħolqu komunitjiet żgħar biex jistudjaw il-Kelma ta’ Alla. Kien dan l-eżerċizzju li ċertament ikkontribwixxa ħalli jkun hemm bidla mhux biss fil-ħajja spiritwali imma anke fl-organizazzjoni tas-soċjetà f’dawk li maż-żmien saru ċentri tal-istudju u l-istess sistemi ekonomiċi ta’ dak iż-żmien.

Fir-riflessjoni dwar x’inhu meħtieġ bħala rimedju għas-sitwazzjoni li qed ngħixu fiha, nemmen li l-istess strateġija gregorjana hija applikabbli wkoll illum! Infatti din hija l-proposta li qed tagħmel il-Knisja f’Għawdex fiż-żmien tal-Missjoni Djoċesana bl-għajnuna ta’ Alla u bl-għajnuna ta’ kulħadd. Filwaqt li nfakkar li hija ħolma tagħna li fid-djoċesi xi darba jkollna “monasteru”, huwa urġenti li fil-komunitajiet parrokkjali noħolqu “monasteri ċkjeknin” kif għamel San Girgor! Dan tal-aħħar huwa possibbli jekk flimkien noħolqu ċelloli żgħar fil-parroċċi fejn l-Insara jiltaqgħu biex isiru jafu iktar il-Kelma ta’ Alla. Hekk l-Iskrittura ssir għalina l-ktieb tal-ħajja. Mhux li kien li f’dawn l-ambjenti, permezz ta’ dik li tissejjaħ il-‘Lectio Divina’, nimtlew bil-qawwa tal-grazzja ta’ Kristu u hekk isseħħ fina u fis-soċjetà tagħna dik it-Trasfigurazzjoni li seħħet fuq it-Tabor, isseħħ il-bidla li ġab San Girgor fl-Ewropa ta’ żmienu, u l-bidla li nistgħu u għandna nġibu aħna fis-soċjeta ta’ żmienna.

Dawn kienu l-ftit ħsibijiet li xtaqt naqsam magħkom f’dan il-jum qaddis. Nemmen ħafna li l-liturġija tal-Knisja, u allura anke ċ-ċelebrazzjoni li qed nagħmlu dalgħodu f’ġieħ San Girgor fiż-żmien liturġiku tar-Randan, hija opportunità tad-deheb biex inqumu minn ċerta telqa li hemm madwarna ħalli mhux biss bħal San Girgor aħna nilqgħu biex ma jkunx hemm espansjoni tal-Longobardi, li fis-sens metaforiku jfisser dawk li jridu jeqirdu l-Ewropa, imma ukoll biex bħal ma għamel San Girgor nieħdu ċerti inizjattivi biex nikkonservaw il-ħafna tajjeb li għandna. Bħala Knisja għandna ħafna tajjeb u meta qed ngħid Knisja qed nirreferi għalikom bħala familji u bħala individwi. Jalla dik l-enerġija li hemm fina nużawha wkoll biex isseħħ il-bidla u l-bidla għall-aħjar. Hekk dik il-bidla li għammxet l-għajnejn ta’ Pietru, ta’ Ġakbu u ta’ Ġwanni fuq it-Tabor tkun ukoll l-istess glorja li tiddi u ddawwal d-dinja tal-lum. Amen.