Mons. Isqof Mario Grech se jirrappreżenta l-Konferenza Episkopali Maltija fl-Assemblea Plenarja tar-Rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-Konferenzi tal-Isqfijiet tal-Komunita Ewropea (COMECE) li se tiltaqa’ fi Brussell, il-Belġju, mit-18 sal-20 ta’ Marzu 2009.
Is-suġġett bażiku tal-laqgħa se jkun, “Il-kunflitti fil-Lvant Nofsani u l-Asja t’Isfel – x’tista’ tagħmel l-Unjoni Ewropea” (Conflicts in the Middle East and in Southern Asia – What can the European Union do?).
Il-kelliema prinċipali se jkunu l-Isqof Klaus Kramer, President ta’ Missio/Aachen u Mr. Otmar Oehring, Direttur tal-Bord Drittijiet tal-Bniedem tal-Missio/Aachen, dwar l-Insara fil-Lvant Nofsani u l-Asja t’Isfel; Mr. Jaap de Hoop Scheffer, Segretarju Ġenerali tan-NATO, dwar il-perspettivi tal-gwerra fl-Afganistan; u Mr. Marc Otte, Rapprezentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-proċess tal-paċi fil-Lvant Nofsani.
Kelliem ieħor se jkun Mr. Niall O’Neill, mis-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew, dwar l-elezzjonijiet Ewropej ta’ Ġunju li ġej.
L-Isqfijiet se jkollhom ukoll laqgħa ma’ Mr. Alexandr Vondra, Viċi-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka, inkarigat mill-Affarijiet Ewropej.