Digriet tal-Isqof Mons. Mario Grech
Ritratti
Nhar il-Ħadd filgħaxija, il-Knisja f’Għawdex iltaqgħet fil-Katidral madwar l-E.T. Mons Nikol Cauchi, Isqof Emeritus t’Għawdex, biex tiċċelebra quddiesa ta’ radd il-ħajr peress li l-Isqof Cauchi jagħlaq 80 sena. Flimkien mal-Isqof Cauchi ikkonċelebraw l-Isqof t’Għawdex Mons Mario Grech u l-Arċisqof Emeritus Ġużeppi Mercieca, u numru sabiħ ta’ saċerdoti u reliġjużi.
F’diskors li għamel fi tmiem il-pontifikal, l-Isqof Mario Grech qal li “billi dak kollu li jagħmel parti mill-ħajja tal-bniedem u tas-soċjetà jifforma l-kultura, il-Knisja temmen fid-djalogu bejn il- fidi u l-kultura, għax permezz ta’ dan id-djalogu, l-Evanġelju jdawwal ir-realtà umana kollha. Fejn il-kultura tibqa’ miftuma mill-Evanġelju, tkun kultura nieqsa; u fejn il-fidi ma ssirx kultura, tkun għadha fidi mhix milqugħa għal kollox, mhux maħsuba u mhux mgħixa b’fedeltà”.
L-Isqof Grech kompla jgħid li “huwa fatt magħruf li Mons Cauchi matul ħajtu, imma partikularment matul l-episkopat tiegħu, offra kontribut kbir biex iseħħ dan id-djalogu bejn il-fidi u l-kultura. Il-formazzjoni li huwa kiseb fil-filosofija, fit-teoloġija u fix-xjenzi soċjali, l-interessi wiesgħin li dejjem wera f’suġġetti varji, bħalma huma l-letteratura, l-arti u l-politika, imma fuq kollox il-ħajja interjuri tal-ispirtu, għenuh biex bil-kelma, bil-kitba u b’inizjattivi pastorali huwa mhux biss irnexxielu jippromovi dan id-djalogu bejn il-fidi u l-kultura, imma ħajjar ħafna oħrajn biex jieħdu sehem f’dan id-djalogu”.
“Konxji li kull ma jmur dan id-djalogu qed isir dejjem aktar meħtieg biex il-bniedem ikun jista’ jaffronta sfidi ġodda, kemm biex il-patrimonju teoloġiku, storiku u letterarju ta’ Mons Cauchi jibqa’ riżorsa ta’ tagħlim, kif ukoll biex fuq l-ispirazzjoni ta’ Mons Cauchi l-Knisja lokali tibqa’ impenjata f’dan id-djalogu bejn il-fidi u l-kultura, qed inwaqqaf il-“FUNDAZZJONI MONS ISQOF NIKOL CAUCHI” biex iżżomm ħajja t-tifkira tal-Isqof Cauchi, kif ukoll biex permezz ta’ inizjattivi soċjo-kulturali u reliġjużi tippromovi dan id-djalogu bejn il-fidi u l-kultura”.
Kienu preżenti l-Ministru Tonio Borg li kien jirrappreżenta lill-Prim Ministru, u Dr Anġlu Farrugia f’isem Dr. Joseph Muscat, Kap ta l-Oppożizzjoni,
L-Arċipriet Tarċisju Camilleri, Segretarju tal-Kulleġġ tal-Kappillani, ippreżenta l-ewwel kontribuzzjoni ta’ 2000 Ewro f’isem il-parroċċi u d-djoċesi lil din il-fondazzjoni.