Meta l-Erbgħa 25 ta’ Frar 2009 kien qed jmexxi l-funzjoni tat-tqiegħed tal-irmied fl-okkażjoni ta’ Ras ir-Randan fil-Katidral t’Għawdex, l-Isqof Mario Grech fl-omelija wassal dan il-messaġġ:
Abbużi fil-Karnival
Sfortunatament din is-sena f’ċerti mumenti l-Karnival f’Għawdex kien fih imġiba, atti u manifestazzjonijiet tant baxxi u offensivi li ferew l-“orgolju” tal-poplu Għawdxi.
Huwa tal-mistħija li xi persuni biex idaħħku ħarġu fit-toroq lebsin ta’ Kristu Rxoxt u oħrajn imitaw lil Kristu mdawwar bl-appostli.
Huwa tal-mistħija wkoll il-fatt li diversi, bl-aġir baxx tagħhom, kasbru bil-kbir id-dinjità tal-persuna umana.
Kienu evidenti ħafna dawk l-atti u rappreżentazzjonijiet li jmorru kontra kull sens ta’ “deċenza pubblika” – valur imħares b’ligijiet ċivili u normalment infurzat b’sentenzi tal-Qrati mhux biss f’pajjiżna imma wkoll f’ċivilitajiet progressivi fl-Ewropa u fl-Istati Uniti.
Abbużi fil-Karnival
Sfortunatament din is-sena f’ċerti mumenti l-Karnival f’Għawdex kien fih imġiba, atti u manifestazzjonijiet tant baxxi u offensivi li ferew l-“orgolju” tal-poplu Għawdxi.
Huwa tal-mistħija li xi persuni biex idaħħku ħarġu fit-toroq lebsin ta’ Kristu Rxoxt u oħrajn imitaw lil Kristu mdawwar bl-appostli.
Huwa tal-mistħija wkoll il-fatt li diversi, bl-aġir baxx tagħhom, kasbru bil-kbir id-dinjità tal-persuna umana.
Kienu evidenti ħafna dawk l-atti u rappreżentazzjonijiet li jmorru kontra kull sens ta’ “deċenza pubblika” – valur imħares b’ligijiet ċivili u normalment infurzat b’sentenzi tal-Qrati mhux biss f’pajjiżna imma wkoll f’ċivilitajiet progressivi fl-Ewropa u fl-Istati Uniti.
Hija ħasra li attività kulturali sabiħa bħalma huwa l-Karnival tiġi manipulata u mtebbgħa b’imġiba bħal din.
Din l-imġiba tikxef il-qawwa tal-irrazzjonalità preżenti fi żminijietna. Għax kieku l-bniedem juża r-raġuni żgur li ma jwettaqx għemejjel degradanti u juri aktar rispett lejh innifsu u lejn is-soċjetà.
Inċidenti serji bħal dawn jikkonfermaw li qed ngħixu taħt id-dittatura tar-relattiviżmu, fejn kulħadd jemmen li għaliex huwa ħieles minn kull kejl legali jew etiku, allura jista’ jgħid u jagħmel li jrid, anke jekk b’dak li jgħid u jagħmel ikun jikkawża ħsara fl-oħrajn. Hija mentalità relattivista li twassal biex il-bniedem jirridikola mhux biss dak kollu li għandu x’jaqsam mas-sagru, imma wkoll li jneżża’ lilu nnifsu mid-dinjità umana tiegħu.
Ir-Randan: mixja ta’ konverżjoni
F’dan il-kuntest, huwa opportun ħafna iż-żmien tar-Randan li qed tipproponi l-Knisja biex il-bniedem jagħmel konfront ma’ dak li Alla qed jipproponilu u jidħol fi proċess ta’ konverżjoni. Huwa meħtieġ li l-bniedem jidħol waħhda fih innifsu u ma jibqax jidħak la bih innifsu u anqas bl-oħrajn.
“Jekk illum tisimgħu leħen il-Mulej, la twebbsux qalbkom” (Salm 94,8)! Ir-Randan huwa żmien ta’ grazzja li matulu taslilna b’mod aktar inċisiv il-Kelma t’Alla. F’din it-tielet fażi tal-Missjoni Djoċesana, aħna s-saċerdoti rridu nimpenjaw lilna nfusna biex lilkom, il-poplu t’Alla, nagħtukom dak li hu bi dritt tagħhom: li ngħinukom tiltaqgħu ma’ Kristu permezz tax-xandir tal-Kelma tiegħu. Għalhekk fir-Randan ikollna l-Eżerċizzi mqaddsa, irtiri spiritwali, mumenti ta’ talb, u inizjattivi oħra.
Talb, Sawm u Karità
Kristu fl-Evanġelju tal-lum jipproponilna t-tliet atteġġjamenti klassiċi li nisimgħu dwarhom kull sena f’Ras ir-Randan: it-talb, is-sawm u l-karità.
B’talb ma nifhmux biss it-talb vokali jew it-talb liturġiku. Is-smigħ tal-Kelma t’Alla huwa talba wkoll. Li wieħed jiddjaloga m’Alla u jħalli lil Alla jiddjaloga miegħu, din tkun talba tassew elevata. Għalhekk xieraq li fil-ġimgħat li ġejjin nistaqsu u nfittxu fejn u meta qed tingħatalna l-opportunità li taslilna l-Kelma, bit-tama li din tkun esperjenza spiritwalment sinifikanti li tqanqal biex infittxu fejn nistgħu nirċievu katekeżi permanenti.
Ġesù jitkellem dwar is-sawm. Imma s-sawm ma jfissirx biss li wieħed jibqa bi stonku vojt jew jiċċaħħad minn xi ħaġa tajba. Xi drabi huwa aktar faċli li wieħed jgħaddi jum sħiħ bla ikel milli jagħmel sforz fuqu nnifsu biex isib il-ħin u l-kalma biex joqgħod fil-preżenza tal-Assolut. Għalhekk, is-sagrifiċċji li nagħmlu għandhom jgħinuna niksbu aktar dak il-kontroll fuqna nfusna biex jirnexxilna nidhlu fil-preżenza t’Alla u nisimgħuh bil-galbu.
Ir-Randan huwa żmien li matulu nagħmlu l-karità. Din il-ġenerożità għandna nuruha mhux biss ma’ ħutna fil-bżonn, imma wkoll ma’ Alla: inkunu ġenerużi ma’ Alla meta nirriservawlu ftit mill-aħjar ħin tal-ġurnata biex inħalluh ikellimna u jurina t-tajjeb li għandna biex inkattruh u l-ħażin li hemm fina biex nikkonvertu minnu.
Inħeġġiġkom biex nitolbu flimkien lil Alla ħalli dan ir-Randan ikun verament żmien ta’ tiġdid għalina. Imma dan it-tiġdid iseħħ jekk aħna nagħrfu nikkontemplaw is-sewwa li hemm f’Alla! Wieħed jittama li wara li nkunu għexna dawn l-erbgħin jum ta’ intensità spiritwali, aħna mhux biss infakkru l-Għid tal-Mulej, imma niċċelebraw l-Għid tagħna – hekk ngħaddu minn din il-fażi konfuża għal fażi fejn ikun hemm aktar ordni fil-ħajja tagħna, inkluża fil-komunitajiet ekkleżjali. Amen.