Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech waqt il-Pontifikal immexxi mill-Arċisqof Pawl Cremona O.P. fl-okkażjoni tas-Solennità ta’ San Pawl Nawfragu, iċċelebrata fis-Sena Pawlina
Parroċċa San Pawl Nawfragu, il-Belt Valletta
It-Tlieta, 10 ta’ Frar 2009
Insellem lilek, ħija fl-episkopat, Eċċellenza Arċisqof ta’ Malta,
u nsellem lilkom, ħuti Maltin.
Kif huwa dmir tagħna, ser nipprova naqra fid-dawl tal-fidi r-realtà li qegħdin ngħixu.
Japplika ħafna għalina dak li San Pawl jgħid lil nies ta’ Korintu: “Għandkom ħafna għalliema, imma missier wieħed għandkom, għax jien nissiltkom fil-fidi permezz tal-Evanġelju!” (ara 1Kor 4,15)
Illum aktar ma l-membri tas-soċjetà, partikularment dawk li huma fit-tmexxija, qegħdin jipprofessaw it-twemmin liberali, aktar qed timmanifesta ruħha dik li l-ħassieb Marcello Pera dan l-aħħar sejjaħ “kriżi morali jew etiko-ċivili tal-Ewropa”. Fi kliem dan il-filosfu-politiku Taljan, teżisti tensjoni bejn il-kilba għal użu mingħajr ilġiem tal-libertà u l-konsegwenzi koroh li ġġib din l-imġieba, bejn l-arja li wieħed ikollu għax jaħseb li huwa sid tiegħu nnifsu u fl-istess waqt l-biża’ u l-insigurtà li jdallmu l-qalb tal-bniedem. Il-fatt li l-bniedem ma jafx x’għandu jagħmel, qed jipprovoka effett depressiv u sens ta’ diżorjentament mhux biss morali, imma wkoll politiku, soċjali u demografiku.
Huwa f’dan il-kuntest ta’ taqlib fuq mewġ qawwi, li llum Malta qed tagħmel festa lill-Appostlu Pawlu; anzi, forsi jkun aħjar jekk ngħidu li proprju f’dawn iċ-ċirkustanzi, kif kważi elfejn sena ilu l-Providenza Divina bagħtet lil Pawlu fuq ix-xtut tagħna, illum ukoll, l-istess Providenza permezz tal-Knisja qed toffrilna dan il-waqt ta’ grazzja biex mill-ġdid niftħu qalbna għal Pawlu, “qaddej ta’ Kristu Ġesù, imsejjaħ biex ikun appostlu, maħtur għall-Evanġelju ta’ Alla” (Rum 1,1), bit-tama li nkomplu dak li kien inawgurat bil-miġja Pawlu fostna: id-djalogu bejn Alla u l-bniedem – djalogu mmirat biex il-bniedem jikseb għarfien dejjem aktar sħiħ u korrett dwar x’inhi l-verità, partikularment dik dwaru nnifsu.
Għax kawża ta’ ħafna problemi li qegħdin naffrontaw illum – problemi personali, familjari u soċjali, – hija antroploġija mdennsa! Il-kriżi tal-modernità hija marbuta mal-għarfien ineżatt jew nuqqas ta’ għarfien li aħna għandna dwar il-bniedem! Biex nagħtu eżempju, is-soluzzjonijiet, anke legalment, għal ċerti tematiċi serji li għandhom x’jaqsmu mal-valur tal-ħajja umana, bħalma tista’ tkun il-kunsiderazzjoni tal-ewtanasja; jew dwar dak li jirrigwarda l-familja, bħalma huma d-dritt għaż-żwieġ u d-dritt għall-formazzjoni tal-familja; l-istabilità u l-fedeltà fiż-żwieġ, jew problemi ta’ fertilità, adozzjoni, affidament, – dawn kollha jipprepsupponu tħaddim ta’ antropoloġija sana! L-istess kriterju huwa meħtieġ biex fl-ekonomija u fil-qasam tax-xogħol jittieħdu deċiżjonijiet responsabbli!
Kif jixhdulna l-Atti tal-Appostli u l-Ittri ta’ Pawlu nnifsu, l-Appostlu ħaddem id-djalogu bħala għodda għall-evanġelizzazzjoni u hekk iwassal dik il-Bxara t-Tajba li ddawwal u tispira l-azzjonijiet tal-bniedem. F’kull ambjent li kien, mingħajr ma jeskludi lil ħadd, huwa ħeġġeġ biex il-bniedem jidħol f’dan l-atteġġjament djaloganti. Qed nirreferi għad-djalogu bejn ir-raguni u l-fidi. Għax kif jafferma t-teologu Russu Pavel Evdokimov: “mhux l-għerf li jdawwal il-misteru, imma huwa l-misteru li jdawwal il-raġuni tagħna”. Huwa l-misteru li jixpruna r-raġuni biex gradwalment tikseb il-verità!
Imma l-bniedem tal-lum għadu jrid jirraġuna? …għadu jaf jirraġuna?
Iċ-ċiviltà għaddiet minn dak li jissejjaħ l-istaġun tal-Illuminiżmu. Il-bniedem ħaseb li bl-użu tar-raġuni huwa seta’ jikseb il-ħelsien u ħakma fuq kollox. Il-kisba tar-razzjonalità sa fl-aħħar tatu rajh f’idejh u għamlitu protagonista tal-ħajja tiegħu u tal-oħrajn. Telgħet ix-xemx tar-raġuni u suppost bewwiġna d-dlam.
Imma l-bniedem beda juża r-raġuni mhux biss biex jagħraf ir-realtà, imma wkoll biex “joħloq”; u biex ikun jista’ joħloq, hu wasal biex warrab jew ġenneb lil Alla, li hu l-istess intelliġenza kreattiva! Biex tkun awtonoma, ir-raġuni għamlet mutilazzjoni tagħha nnifisha għax ingħalqet għal Alla; ir-raġuni għamlet awtolimitazzjoni, hekk illi ma tistax timraħ fl-ispazju wiesa’ tal-verità!
Il-bniedem għamel glieda konta l-figura tal-“missier” – kif fid-dinja ma għandu jkun hemm ebda paternità li toħloq dipendenza, hekk ukoll anqas fis-sema ma għandu jkun hemm “Missier”. L-uniku alla li għal ħafna snin baqa’ jinteressa lir-raġuni umana kien id-Deus mortuus! L-assassinju kollettiv ta’ Alla wassal biex il-bniedem beda jfassal il-ħajja tiegħu waħdu. Kawża t’hekk, kotru l-assansinji fis-soċjetà!
Din is-soċjetà mingħajr missier ma baqgħetx tnissel ulied li huma aħwa, ħielsa u ndaqs; imma ħolqot dipendenzi drammatiċi ġodda minn dawk li bil-mod il-mod bdew joffru ruħhom minflok il-“missier”: ideoloġiji, partiti, kapijiet, eċċ., li bdew jeżerċitaw tip ta’ vjolenza ġdida għaliex bdew jiddettaw, jiddominaw u jimmanipolaw il-ħsieb!
F’dan qafas, meta s-soċjetà kkonvinċiet ruħha li għandha toqtol lill- “missier”, nistaqsi x’sens għandha ċ-ċelebrazzjoni tal-lum meta qegħdin niċċelebraw il-festa ta’ “Pawlu Missierna” – ta’ dak li qalilna: “għandkom ħafna għalliema, imma missier wieħed għandkom għax jien nissiltkom fil-fidi permezz tal-Evanġelju!”
Il-paternità ta’ Pawlu tieħu tifsira biss mill-paternità ta’ “Alla, Missier ta’ Sidna Ġesù Kristu li mliena b’kull xorta ta’ barka spiritwali fis-smewwiet fi Kristu, li għażlina fih sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja … u ddestinana li nkunu għalih ulied adottivi permezz ta’ Ġesù Kristu” (ara Ef 1,3). U għax aħna wlied, l-Ispirtu jgħajjat fina: Abba – Missier: « Għax intom ma rċevejtux l-ispirtu li jwassalkom għall-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża’, imma rċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi; u li bih aħna nistgħu ngħajtu: ”Abbà! Missier!” » (Rum 8,16).
Allura, kemm nifilħu nkunu kontradittorji! Għax filwaqt li jidhrilna li għandna għerf biżżejjed li nistgħu ngħaddu mingħajr riferiment għal Alla Missier; filwaqt li fid-diversi oqsma tal-ħajja soċjali tagħna aċċettajna surrogati oħra tal-“missier”, donnu rridu wkoll nirrikonoxxu lil Pawlu Missierna!
L-esperjenza tixhdilna li meta s-soċjetà daħħlet id-divorzju – qed nirreferi għad-divorzju bejn ir-raġuni u l-fidi, il-bniedem daħal fl-istaġun ta’ dak li huwa irrazzjonali. Il-kankru li qed ikidd l-età postmoderna huwa l-indifferenza u n-nuqqas ta’ fiduċja li l-bniedem għandu fil-ħila innata tiegħu, li għax għandu fakultà li jirraġuna huwa jista’ jagħti tifsira ġenwina lid-dinja u l-hajja ta’ madwaru! Hija ħasra li l-bniedem llum qed jitlef il-pjaċir li jfittex il-motiv għaliex qed jgħix u x’hemm ’l hinn mill-mewt! Qed jiġrilna dak li seħħ lil-Lhud meta kienu fid-Dijaspora: l-eżilju veru tagħhom beda mhux meta ttieħdu fl-eżilju, imma dakinhar li draw l-esperjenza tal-eżilju! Dakinhar li ma baqax jiddispjaċihom għax kienu eziljati! Il-fatt waħdu li huma kienu ’l bogħod minn art twelidhom ma kienx kienx daqshekk kiefer daqskemm meta fl-eżilju huma tilfu n-nostalġija għall-patria (art twelidhom). Fil-każ tagħna llum, l-eżilju tagħna jibda meta aħna ma nibqgħux inħossu l-bżonn li niskopru dak li jagħmel sens fil-ħajja … meta ma nibqgħux nistennew il-futur.
L-istorja ta’ ġensna hija minsuġa, direttament u indirettament, mal-festa tal-Appostlu Pawlu Missierna. It-tnissil Kristjan li tana Pawlu Missierna ddetermina l-identità ta’ dan il-poplu. Għalhekk, lil kull min għandu fid-demm tiegħu sens patrijottiku ġenwin, illum qed issirlu sejħa biex f’din il-klima ta’ nikiliżmu li qed taħkem l-Ewropa, f’din il-kultura tal-mewt, iqum fuq saqajh u jibda jaħseb b’moħħu u jiddeċedi b’rasu, u mhux iħalli lil ħaddieħor jaħseb u jagħżel għalih!
Għax in-nikiliżmu jneżża’ lill-bniedem minn dik “il-passjoni għall-verità”, joqtol fih il-ħeġġa biex jaħseb, jaqtagħlu qalbu biex ma jagħmel ebda sforz u jibda jirraġuna. Minflok, l-ispirazzjoni nikilista tqanqal fil-bniedem dik li Sarte isejħilha “il-passjoni għal dak li mhux utli”; tkompli tgħammadlu għajnejh biex ifittex biss dak li jagħti pajċir immedjat u dak li jista’ jikkonsuma issa. Meta ma jkollniex orizzonti wiesgħin tal-verità, faċli nkattru l-egoiżmu u l-iżolamemt tagħna.
Neħtieġu missier/omm li joffrulna l-imħabba s-sens ta’ ħajja dinjituża. Ma nistgħux inkomplu nifgaw fina n-nostalgija għal Alla Missier u patrija żgura!
Għalhekk, altru li hija f’postha l-festa tal-Appostlu Missierna; għax din il-festa, filwaqt li tfakkarna fl-ewwel predikazzjoni tal-Evanġelju, li huwa “il-qawwa t’Alla għas-salvazzjoni ta’ dawk kollha li jemmnu, l-ewwel il-Lhud u mbagħad il-Griegi [pagani]” (Rum 1,17), hija wkoll espressjoni ta’ impenn imġedded biex inkunu “ħbieb tal-Evanġelju”.
Filosofu ta’ żmienna, Hans Blumenberg, jitkellem b’mod interessanti dwar esperjenza ta’ nawfraġju. Hu jgħid li żmien ilu seħħ nawfraġju imma kien hemm raġel fuq il-blat josserva – għalkemm kienet traġedja kerha, dan ir-raġel ma beżax għax riġlejh kienu fuq is-sod. Dan kien iż-Żmien Klassiku fejn il-bniedem kellu punti fermi li fuqhom kien iserraħ fis-sod. Għadda ż-żmien u seħħ nawfraġju ieħor; imma din id-darba l-ispettaturi kienu “ulied l-epoka tal-modernità u postmodernità”. Dawn ma kellhomx art ferma fejn iserrħu riġlejhom u ntilfu huma wkoll!
Jekk iseħħ nawfraġju llum, aħna għandna riġlejna jserrħu fuq is-sod? Jew nirriskjaw li nintilfu lkoll?
In-Nawfraġju ta’ San Pawl f’pajjiżna kellu eżitu iehor – fir-rakkont li għandna fl-Atti tal-Appostli naqraw li l-ġifen ta’ Pawlu ma għereqx għax “hbatna ma’ sikka bejn żewġ kurrenti u l-baħrin waħħlu l-ġifen fuqha. Il-pruwa baqgħet imwaħħla sewwa fil-post u ma tħarrkitx iżjed … Kulħadd qabad l-art qawwi u sħiħ” (Atti 27,41-44)! X’kienet din l-“art blatija”? Billi l-Maltin kienu midħla tar-Rumani, wieħed ma jeskludix li kellhom konoxxenza tal-kultura Griega-Rumana u l-patrimonju filosofiku Grieg. In-nies ta’ din il-gżira, li kienu li jgħożżu r-raguni, meta ddjalogaw ma’ Pawlu raw li l-Evanġelju tiegħu kien jappella għall-intelligenza tagħhom! Anzi, proprju għax kienu jirraġunaw u r-raġuni ma kienitx magħluqa għad-divinità, huma kellhom dispożizzjoni biex jippenetraw il-verità mwaswla minn Pawlu. Meta semgħu lil Pawlu, huma raw l-għażla bejn l-alla tal-filosofi (alla impersonali) u Alla ta’ Abraham, ta’ Iżakk, ta’ Ġakobb u ta’ Ġesù Kristu. Għalhekk, meta Pawlu ħalla dawn il-gżejjer u l-Maltin laqgħu l-Evanġelju, huma taw prova li l-fidi u r-raġuni ma jeskludux lil xulxin, “għax li tmur kontra r-raġuni hija xi ħaġa li hi kontra n-natura t’Alla” – dan huwa prinċipju filosofiku Grieg li tennieh il-Papa Benedettu XVI fl-Università ta’ Ratisbona.
Wieħed jistaqsi: x’atteġġjament ħa l-Appostlu Missierna Pawlu biex jiddjaloga mas-soċjetà Maltija ta’ dak iż-żmien?
Hemm żewġ episodji li jistgħu jagħtuna indikazzjoni kif Pawlu seta’ ġab ruħu ma’ dawk li kienu għadhom qatt ma semgħu bi Kristu, u fiż-żewġ każi seħħ dak li l-Papa Benedittu f’isem il-Knisja qed jappella illum: “wessgħu l-orizzonti tar-razzjonalità; iftħu ir-razzjonalità għal temi kbar dwar x’inhu l-veru u t-tajjeb; skopru r-rabta li hemm bejn it-teoloġija, il-filosofija u x-xjenzi, dejjem fir-rispett sħiħ tal-awtonomija tagħhom imma fl-istess waqt konxji mir-rabta intrinsika li hemm bejniethom”.
Fl-Atti tal-Appostli naqraw li darba Pawlu mar fiċ-ċentru kulturali ta’ Ateni u hemm tkellem ma’ filosofi Epikurej u Stoiċi (Atti 17,18). B’differenza miż-żmien tagħna llum, il-filosofi u l-intelletwali ta’ dak iż-żmien almenu kellhom il-kurżità li jisimgħu lil Pawlu “qaddej ta’ Kristu Ġesù, imsejjaħ biex ikun appostlu, maħtur għall-Evanġelju t’Alla” (Rum 1,1). Magħhom Pawlu tkellem dwar Alla li ma kienx magħruf. Kif jgħid il-Papa Gwanni Pawlu II fl- Enċiċlika Fides et Ratio, “biex jiftehemu, l-ewwel Insara fid-diskorsi tagħhom ma setgħux jirrefu biss għal Mosè u l-profeti, imma kellhom ukoll jirreferu għall-konoxxenza naturali li l-Griegi kellhom ta’ Alla u fuq il-kuxjenza morali naturali ta’ kull wiehed”. Kellhom jitkellmu b’lingwaġġ sekulari biex jikkomunikaw il-verità dwar Alla!
Imbagħad, fl-ittra tiegħu lir-Rumani Pawlu jikteb li “meta l-ġnus li ma għandhomx Liġi jagħmlu bl-istint naturali tagħhom dawk l-opri li titlob il-Liġi, huma jkunu liġi għalihom infushom. Dawn juru b’għemilhom li l-preċetti tal-Liġi huma miktuba f’qalbhom, u dan tixhdu ukoll il-kuxjenza u r-raġuni tagħhom” (Rum 2,14-15).
B’ton qawwi, Pawlu jwissi li “jekk pagan bla ċirkonċiżjoni jħares il-preċetti tal-Liġi, ma jkunx qiegħed hu, li hu bla ċirkonċizzjoni, jikkundanna lilek li inti ċirkonċiz?” (Rum 2,26) Jekk irridu napplikaw din it-twissija għalina llum, nistgħu nisimgħu lill-Appostlu Missierna jgħid lill-Insara illi jekk wieħed li mhux mgħammed ikun iħares il-Liġi, hu jkun qed jikkundanna lil min mgħammed imma mhux jirrispetta l-verità!
Huwa minnu li l-Griegi ma kellhomx it-Torah bħalma kellhom il-Lhud; imma fl-Iskrittura hemm kurrent ta’ ħsieb espress fil-kotba sapjenzali, fejn jingħad li l-liġi ta’ Mosè hija manifestata fl-għerf li permezz tiegħu Alla ħalaq il-dinja u jmexxi l-bnedmin lejh. Għalhekk anke il-ġentili (Griegi pagani), meta jużaw ir-razzjonalità, jiskopru dik il-liġi li hija analoga mal-liġi ta’ Iżrael.
Minn dan nistgħu niddeduċu prinċipju importanti għall-pastorali – għall-Evanġelizzazjoni:
Ma nistgħux nittraskuraw il-fatt li kull bniedem, sew jekk huwa mgħammed prattikanti jew huwa mgħammed imma jgħix fil-periferija; sew dak li mhux mgħammed u forsi jħaddan twemmin ieħor jew jgħid li ma jemminx: kull bniedem għandu fih din il-pontenzjalità li jagħraf lil Alla jekk jagħraf iħaddem ir-razzjonalità tiegħu b’mod awtentiku u mhux riduttiv: per eżempju, meta jieqaf biss f’dik li hija razzjonalità pożitivista. Għalhekk kull bniedem għandu jsib l-għajnuna biex jista’ jiżviluppa l-fakultà intellettwali tiegħu. Għandu joħloq tħassib pastorali mhux tant il-bniedem li jgħid li ma jemminx, imma l-bniedem li ma jaħsibx jew jiġi mfixkel milli jaħseb b’mod ħieles!
Min-naħa l-oħra, biex il-Knisja, il-komunità tal-imgħammdin tkun tista’ tagħmel il-proposta tal-fidi llum, trid tagħmel il-proposta ta’ dik li l-Papa Benedittu jsejħilha “fede pensosa” (fidi li taħseb). Għalhekk mhux serħan il-moħħ li jkollna “fede esclamata non interrogata, fede professata/celebrata e non pensata”. Kieku fil-Knisja lokali l-“fidi mistqarra u ċċelebrata” mhix nieqsa: il-festi titulari li nagħmlu huma xhieda ta’ dan! Imma dan mhux biżżejjed. Għax fi kliem San Pietru, wieħed għandu jkun dejjem lest biex jagħti t-tweġiba lil min jitolbu l-għala tat-tama li għandu (1Pt 3.15). Kif jgħid Santu Wistin, “fidi li mhix pensata, nulla est. Għal dan il-għan hi meħtieġa l-formazzjoni permanenti tal-Insara. Imma nibża’ li f’pajjiżna, partikularment l-Insara adulti mhumiex konvinti mill-ħtieġa urġenti ta’ Evanġelizzazzjoni ġdida!
Fidi li hija miftuma mir-raġuni u l-imħabba qatt ma twassal biex ikun hawn xhieda Kristjana li tkaxkar oħrajn warajha. F’dan kollu huwa mudell l-Appostlu Pawlu li kien iħossu misjuq mill-imħabba ta’ Kristu.
F’diskors li kellu jagħmel fl-Universita La Sapienza f’Ruma, wieħed mill-arjopagi ta’ żmienna, il-Papa Benedittu XVI ifisser li skond il-kittieb liberali kontemporanju John Rawls, biex wieħed ikun jaf jekk xi affermazzjoni, partikularment ta’ natura morali, tkunx raġjonevoli jew le, kriterju validu jkun il-fatt li din l-affermazzjoni tkun ġejja minn tradizzjoni responsabbli u umanament sinifikattiva. Hawnhekk għandna rikonoxximent tas-servizz li l-Knisja toffri lill-bniedem: dik il-Knisja ta’ Kristu li tagħha Pawlu huwa appostlu u fundatur – dik il-Knisja li huwa waqqaf f’pajjiżna. Din il-Knisja hija mżejna bi tradizzjoni li minn żmien għal żmien afdat lil kull ġenerazzjoni d-depositu tal-fidi. Don Luigi Giussani kien konvint li l-fidi hija metodu ta’ konoxxenza għaliex ir-raġuni tikseb l-għarfien billi toqgħod fuq ix-xhieda. Xhieda kredibbli hija espressjoni tar-razzjonalità umana, u jkun irrazzjonali min jirrifjuta dak kollu li ma jkunx wasal għalih bir-raġuni individwali tiegħu nnifsu. Għalhekk, huwa irrazzjonali li l-Knisja Pawlina li għandha tradizzjoni responsabbli u umanament sinifikattiva, tiġi mwarrba jew injorata. Huwa irrazzjonali li pożizzjoni jew messaġġ li tagħti l-Knisja jiġi skreditat għas-sempliċi raġuni li huwa intervent tal-Knisja!
Ġesù Kristu inawgura umanità gdida li bis-saħħa ta’ Missierna San Pawl din saret parti miċ-ċiviltà tagħna l-Maltin. Għal sekli sħaħ din iċ-ċiviltà mhux biss offriet direzzjoni lil dan in-nazzjon, imma ġiet ikkonsolidata b’għażliet li għamilna, individwalment u kollettivament. Min jaf jaqra l-istorja ta’ ġensna b’mod oġġettiv u ħieles minn kull preġudizzju, jikkonferma li kienu għażliet li sfaw għat-tisħiħ tal-persuna, tal-familja u tas-soċjetà u tal-ġid komuni. Kienu għażliet li swew prezz lil min ried ikun koerenti miegħu nnifsu u mal-Verità.
Kif għedt fil-bidu, l-Ewropa għaddejja minn tibdiliet kbar, mhux biss politiċi u istituzzjonali, imma wkoll f’dak li huwa t-twemmin fis-sens wiesa’ tal-kelma. Illum qegħdin nistaqsu u niddubitaw minn ħafna presupposti fondanti li ħaddanna sal-lum. Fix-xefaq wieħed jilmaħ mhux biss in-nawfraġju tal-fidi Kristjana, imma wkoll tar-raġuni umana. Imma dawn nistgħu nilqgħu għalihom, jekk mhux ukoll nikkontribwixxu biex jiġu evitati, jekk aħna noffru l-kontribut tagħna biex il-kultura ta’ żmienna terġa’ tiddakkar bl-Evanġelju.
Għalhekk huwa urgenti illi filwaqt li nkomplu nniżżlu fil-fond l-għeruq tat-twemmin Kristjan li laqqamna bih Pawlu ta Tarsu; filwaqt li nikkuraw b’għożża l-fedeltà tagħna lejn Kristu u lejn il-Knisja tiegħu, ma nibżgħux nidħlu fi djalogu mas-soċjetà pluralistika ta’ żmienna, kemm f’pajjiżna kif ukoll ’l hinn minn xtutna, anke jekk proprju għax hija soċjetà pluralistika, hija relattivista!; ma nistrieħux mill-impenn sekulari li hadet il-Knisja f’pajjiżna li tkun promotriċi tal-ħsieb billi tinvesti aktar f’ċentri ta’ tagħlim u ta’ kultura.
Hija interessanti u evanġelika l-isfida li għandha biex nistimulaw il-ħsieb billi ndawwluh bil-fidi. Dan id-djalogu bejn il-fidi u r-raġuni huwa eżerċizzju li jgħinna nikbru fl-għarfien ta Kristu, il-Logos t’Alla, u nesploraw u naġġornaw l-atteġġjamenti, il-lingwaġġ u l-meotodi pastorali ġodda li l-Knisja f’pajjiżna għandha bżonn biex pajjiżna jibqa ta’ Pawlu – jibqa’ ta’ Kristu!