Archive for February 12th, 2009

ID-DJALOGU BEJN IL-FIDI U R-RAĠUNI
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Parroċċa San Pawl Nawfragu, il-Belt Valletta - 10 ta’ Frar 2009

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech waqt il-Pontifikal immexxi mill-Arċisqof Pawl Cremona O.P. fl-okkażjoni tas-Solennità ta’ San Pawl Nawfragu, iċċelebrata fis-Sena Pawlina

Parroċċa  San Pawl Nawfragu, il-Belt Valletta

It-Tlieta, 10 ta’ Frar 2009

Insellem lilek, ħija fl-episkopat, Eċċellenza Arċisqof ta’ Malta,
u nsellem lilkom, ħuti Maltin.

Kif huwa dmir tagħna, ser nipprova naqra fid-dawl tal-fidi r-realtà li qegħdin ngħixu.

Japplika ħafna għalina dak li San Pawl jgħid lil nies ta’ Korintu: “Għandkom ħafna għalliema, imma missier wieħed għandkom, għax jien nissiltkom fil-fidi permezz tal-Evanġelju!” (ara 1Kor 4,15)

Illum aktar ma l-membri tas-soċjetà, partikularment dawk li huma fit-tmexxija, qegħdin jipprofessaw it-twemmin liberali, aktar qed timmanifesta ruħha dik li l-ħassieb Marcello Pera dan l-aħħar sejjaħ “kriżi morali jew etiko-ċivili tal-Ewropa”. Fi kliem dan il-filosfu-politiku Taljan, teżisti tensjoni bejn il-kilba għal użu mingħajr ilġiem tal-libertà u l-konsegwenzi koroh li ġġib din l-imġieba, bejn l-arja li wieħed ikollu għax jaħseb li huwa sid tiegħu nnifsu u fl-istess waqt l-biża’ u l-insigurtà li jdallmu l-qalb tal-bniedem. Il-fatt li l-bniedem ma jafx x’għandu jagħmel, qed jipprovoka effett depressiv u sens ta’ diżorjentament mhux biss morali, imma wkoll politiku, soċjali u demografiku.
Continue reading >>

SOLIDARJETÀ MA’ ĦUTNA EMIGRANTI
Stqarrija ta’ Mons Isqof Mario Grech dwar in-nirien kbar li dan l-aħħar ħakmu l-istat ta’ Victoria fl-Awstralja

English Version

L-aħbar tan-nirien kbar li seħħew fl-istat ta’ Victoria fl-Awstralja u li ħallew ħafna vittmi u ħsarat enormi, tnissel fina sens ta’ dieqa u għafsa ta’ qalb, speċjalment għax nafu li f’Victoria hemm eluf ta’ ħutna emigranti Maltin u Għawdxin.

B’sens ta’ solidarjetà ma’ dawk kollha li ġarrbu xi telfa minħabba dawn in-nirien, partikularment ma’ ħutna l-emigranti f’Victoria; b’imħabba lejn il-familji tagħhom u qrabathom li hawn f’pajjiżna mtaqqlin bil-ħsieb tal-għeziez taghhom li jinsabu ’l boghod, nappella biex fil-knejjes tad-djoċesi, fil-gruppi fejn jiltaqgħu l-Insara ghat-talb u l-katekeżi, u fil-familji jsir talb għalihom lil Alla bl-interċessjoni tal-Madonna Ta’ Pinu.

Illum,  12 ta’ Frar 2009

+ Mario Grech
Isqof t’Ghawdex

Laqgħa tal-Kunsilli tal-Iskejjel tal-Knisja

February 12, 2009
5:00 pm

Dar Maresa - 5.00 p.m.